Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 

Għandek ideat konkreti biex ittejjeb l-UE? L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija għodda introdotta fit-Trattat ta' Liżbona u tippermetti lin-nies jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni jew miżuri oħra f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

Ingħaqad ma' nies minn pajjiżi oħra tal-UE u ikseb appoġġ għall-proposti tiegħek. Jekk jirnexxilek issib biżżejjed nies minn madwar l-UE li jappoġġjaw l-idea tiegħek, tkun tista' tiddiskutiha mal-Kummissjoni Ewropea u tiġi mistieden tressaq il-każ tiegħek quddiem il-Parlament Ewropew, qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi x'azzjoni tieħu.

L-organizzaturi ta' inizjattiva jridu jinkludu mill-inqas seba' ċittadini tal-UE, residenti f'mill-inqas seba' Stati Membri. Għandhom sena biex jiksbu l-appoġġ ta' miljun persuna minn tal-anqas seba' pajjiżi tal-UE. F'kull pajjiż tal-UE, l-inizjattiva jrid ikollha għadd minimu ta' firmatarji.

Il-firem jistgħu jinġabru bil-miktub jew online u jridu jiġu ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati.

Jekk l-inizjattiva tilħaq l-għadd minimu ta' firmatarji, l-organizzaturi jiġu mistiedna għal seduta ta' smigħ fil-Parlament Ewropew biex jippreżentaw l-ideat tagħhom. Wara, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jkompli jiddibatti u jadotta riżoluzzjoni dwar dawn l-ideat.

Il-Kummissjoni jkollha sitt xhur biex teżamina l-inizjattivi li jirnexxu u tiddeċiedi kif se taġixxi. Il-Parlament Ewropew jista' jivvaluta l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni.

Skopri aktar fuq is-sit web iddedikat għall-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Dan jinkludi spjegazzjonijiet dettaljati tal-passi li l-organizzaturi għandhom jieħdu u bażi ta' data ta' inizjattivi li għadhom għaddejjin u li tlestew.


Aktar informazzjoni:

Qafas regolatorju

https://europa.eu/citizens-initiative/how-it-works/regulatory-framework_mt