Il-Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal 

Iggwidat mill-prinċipju "tal-aħjar interess tat-tfal", il-Koordinatur jaħdem biex jiżgura l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. Il-Koordinatur ifittex ukoll li jiggwida lin-nies li jesperjenzaw ħtif tal-minuri mill-ġenituri u tilwim familjari transfruntier ieħor, kif ukoll jippromwovi kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-korpi ġudizzjarji u amministrattivi u jippromwovi l-medjazzjoni fi kwistjonijiet transfruntiera tal-familja.

F'Lulju 2019, il-Viċi President tal-Parlament, Ewa Kopacz, inħatret Koordinatur dwar id-Drittijiet tat-Tfal fejn għadha tokkupa l-kariga sal-lum.

Il-Koordinatur dwar id-Drittijiet tat-Tfal huwa responsabbli biex:

  • Jaġixxi bħala punt ta' kuntatt ċentrali biex jimmonitorja u jippromwovi b'mod attiv id-drittijiet tat-tfal fil-politiki tal-UE, filwaqt li jiżgura l-koerenza u l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-Parlament f'dan il-qasam.
  • Jippromwovi l-medjazzjoni transfruntiera f'tilwim familjari internazzjonali.
  • Iservi bħala punt ċentrali ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE fil-ħtif internazzjonali tal-minuri mill-ġenituri jew f'tilwim familjari transfruntier ieħor.
    

Tilwim familjari transfruntier - għall-ġenituri

Jekk ibnek/bintek ġie(t) maħtuf(a) mill-ġenitur l-ieħor, jekk għandek tħassib li dan se jseħħ dalwaqt, jew jekk ikun hemm tilwima transfruntiera dwar id-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess, il-Koordinatur jista' jiggwidak billi jipprovdi informazzjoni u appoġġ dwar dak li tista' tagħmel biex tindirizza s-sitwazzjoni.

    

Tilwim familjari transfruntier - għall-professjonisti

Il-Koordinatur jirrakkomanda kooperazzjoni aktar mill-qrib u fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-liġi transfruntiera tal-familja u jfittex li jippromwovi s-soluzzjoni bonarja meta jkun hemm tilwim familjari transfruntier, inkluż l-użu tal-medjazzjoni. Il-Koordinatur jemmen li l-aċċess għall-pariri u għall-assistenza tal-esperti huwa kruċjali għal dawk involuti f'każijiet bħal dawn, u għalhekk jinvolvi ruħu b'mod attiv ma' esperti biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' networks tal-UE ta' speċjalisti.

    

Drittijiet tat-tfal

Il-Parlament Ewropew jippromwovi b'mod attiv l-iżvilupp u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-Ewropa. Il-Koordinatur jaħdem mal-MEPs biex jiżgura li l-ħidma tal-Parlament tirrispetta, tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal.

    

L-aħħar informazzjoni

Ara l-aħħar informazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal fl-UE u l-attivitajiet tal-Koordinatur tal-Parlament Ewropew.

Storikament, sa mill-ħolqien tagħha fl-1987 fuq inizjattiva ta' Lord Plumb, li kien il-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien, il-kariga ta' Koordinatur kienet magħrufa bħala "Medjatur għal Tfal Vittmi ta' Ħtif Internazzjonali mill-Ġenituri". Il-medjaturi preċedenti kienu Anna Maria Corazza Bildt (2019), Elisabeth Morin-Chartier (2017-2019), Mairead McGuinness (2014-2017), Roberta Angelilli (2009-2014), Evelyne Gebhardt (2004-2009), Mary Banotti (1995-2004) u Marie-Claude Vayssade (1987-1994).

F'dak iż-żmien, kien hemm ftit li xejn kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-liġi tal-familja. Il-ħolqien tal-pożizzjoni ta' Medjatur kienet soluzzjoni prammatika għaż-żieda fit-talbiet li l-MEPs kienu qed jirċievu mill-persuni li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi ta' ħtif transfruntier tal-minuri mill-ġenituri jew problemi ta' aċċess għall-minuri. Ir-rwol ta' medjatur evolva matul is-snin. F'April 2018, huwa ngħata l-isem ġdid ta' "Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal" taħt it-tmexxija ta' Elisabeth Morin-Chartier sabiex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-mandat mogħti għall-pożizzjoni, u jħaddan id-drittijiet tat-tfal.

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal huma objettiv espliċitu tal-Unjoni Ewropea minqux fl-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-pajjiżi tal-UE jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.