Djalogu mal-knejjes, mal-assoċjazzjonijiet jew l-komunitajiet reliġjużi, mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali
 

Fl-Ewropa tal-lum, imżewqa bid-diversità, bosta knejjes, reliġjonijiet u organizzazzjonijiet filosofiċi differenti jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jinsabu impenjati favur djalogu miftuħ ma' dawn ir-reliġjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, u l-Parlament Ewropew jikkollabora magħhom b'mod attiv fil-politiki tal-UE.

Kuntest

L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (it-TFUE) introdott mit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi, għall-ewwel darba, bażi ġuridika għal djalogu miftuħ, trasparenti u regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-knejjes, l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Dan jiddikjara:

  1. "L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.
  2. L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
  3. Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet."

Filwaqt li l-ewwel żewġ paragrafi ta' dan l-artikolu jipprevedu s-salvagwardja tal-istatus speċjali taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali li jgawdu minn status komparabbli, il-Paragrafu 3 jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u l-organizzazzjonijiet.

Il-Parlament Ewropew ta effett lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat permezz tal-ħatra mill-President tiegħu ta' Viċi President responsabbli għat-tmexxija tad-djalogu. Il-Viċi President attwali responsabbli għad-djalogu fl-ambitu tal-Artikolu 17 huwa s-Sur Othmar Karas.

Id-djalogu tal-Parlament Ewropew mal-knejjes u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi huwa element importanti ħafna biex il-Parlament jibqa' qrib iċ-ċittadini li eleġġewna, għall-koerenza soċjali u għall-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Kien unur kbir għalija li ġejt inkarigat minn dan id-djalogu mill-President tal-Parlament Roberta Metsola fil-kapaċità tiegħi bħala l-Ewwel Viċi President. Din diġà hija t-tieni darba li qed nieħu f'idejja din ir-responsabbiltà.
Biex il-proġett Ewropew ikun jista' jwieġeb għall-isfidi li qed jistennewna, jeħtieġ li jżomm għeruqu fir-realtà, qrib iċ-ċittadini tal-UE u l-ħajja ta' kuljum tagħhom. Il-knejjes, il-gruppi reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi, fid-diversità kollha tagħhom, jagħmlu parti kbira mir-realtà ta' kuljum għal ħafna miċ-ċittadini tagħna. Huma parti mill-komunitajiet tagħna fil-bliet il-kbar, fil-bliet iż-żgħar, fl-irħula u fil-kampanja tas-27 Stat Membru kollha tagħna.
Id-djalogu tal-UE magħhom ġie definit fl-ambitu tal-Artikolu 17 tat-Trattat ta' Liżbona. Dan id-djalogu jibgħat sinjal ċar li l-UE hija wisq aktar minn sempliċi organizzazzjoni ekonomika, iżda hija fundamentalment dwar in-nies, id-dinjità tal-bniedem tagħhom, u l-ġid komuni. F'dinja fejn kull kwistjoni politika u soċjali tidher dejjem aktar kumplessa, verament jeħtieġ li nżommu f'moħħna l-valuri li lkoll ngħożżu.
Sabiex nibqgħu niffokaw b'dan il-mod, id-djalogu tagħna mal-organizzazzjonijiet reliġjużi u dawk filosofiċi huwa fundamentali. Din hi r-raġuni għala nħoss li nistgħu - u għandna - flimkien nagħtu kontribut għal dibattitu bbażat fuq il-valuri dwar il-politiki Ewropej.

Speech of Othmar Karas 
Picture of Othmar Karas