skip to content

Cookies on the EU website

We use cookies to give the best experience on our site. Continue without changing your settings, and you'll receive cookies, or change your cookie settings at any time.

Continue
 
 
 
17-07-2018
 .

Diskussjoni pubblika dwar il-futur ta' Għawdex fl-Unjoni Ewropeja

 .

Nuqqas t’Opportunitajiet jew Problema ta’ Mentalita? Din kienet il-kwistjoni prinċipali li ħarġet mid-diskussjoni pubblika li saret f’Għawdex mal-Ewroparlamentari Roberta Metsola (PPE, MT) u Alfred Sant (S&D, MT), ir-rappreżentant tal-KNŻ għal Għawdex William Vella u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Joe Grech, li fiha pparteċipaw żgħażagħ, studenti u ħaddiema Maltin u Għawdxin.

 .
L-MEPs Roberta Metsola u Alfred Sant waqt id-diskussjoni
L-MEPs Roberta Metsola u Alfred Sant waqt id-diskussjoni
 .

Waqt li ħafna vuċijiet ilmentaw in-nuqqas t’opportunitaijiet ta’ edukazzjoni, taħriġ, u xogħol f’Għawdex li qed iwasslu għal brain drain, saret enfasi wkoll fuq il-bżonn ta’ bidla tal-mentalità mifruxa f’Għawdex illi minħabba nuqqas ta’ qbil fuq soluzzjonijiet ma jittehdux deċiżjonijiet. William Vella spjega kif “hemm bżonn ta’ vuċi kollettiva u soda fost l-Għawdxin sabiex dan in-nuqqas ta’ qbil ma jibqax iwassal sabiex ma jinstabux soluzzjonijiet għar-realitajiet attwali”.
Għal dan il-għan saret hafna enfasi fuq in-neċessità ta’ kumitat reġjonali Għawdxi. L-Ewroparlamentari Alfred Sant tkellem dwar “l-bżonn li kunsill reġjonali ghal Għawdex jittiehed b’serjeta ikbar u jingħata aktar hsieb u attenzjoni biex l-istrutturi reġjonali f’Għawdex mhux biss jitwaqqfu imma jirrispondu aktar ghall-bżonnijiet taċ-ċittadini Ghawdxin.” Qal dan ukoll fil-kuntest tad-diskussjoni fil-livell ta’ Unjoni Ewropea illi l-gżejjer jibdew jitqiesu differenti mir-reġjuni oħra Ewropej sabiex il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom ikunu indirizzati.

Il-parteċipanti qajmu ukoll il-proposta tar-rikonoxximent ta’ Għawdex bħala reġjun fil-kostituzzjoni Maltija, li sabet l-appoġġ sħiħ tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola. L-ewroparlamentari Alfred Sant irrefera għall-eżempju ta’ Malta indipendenti biex jispjega kif ir-reġjonalità hija kwistjoni ta’ governanza li b’kontroll iktar dirett twassal ghal iktar progress.

Matul id-diskussjoni kien hemm qbil dwar il-bżonn ta’ viżjoni ħolistika għal Għawdex għal tul ta’ snin li tiżgura firxa ta’ soluzzjonijiet li jvarjaw minn opportunitajiet għall-istudenti, għall- faċilitazzjoni tal-investiment u l-ħolqien ta’ varjetà ikbar t’impjiegi. Din ġiet meqjusa bħala s-soluzzjoni għal kwistjonijiet li tqajmu, bħal pagi inqas f’Għawdex minn dawk f’Malta, nuqqas t’opportunitajiet f’setturi barra mit-turiżmu, li huwa staġjonali, u li twassal li jkun hemm f’Għawdex wkoll setturi innovattivi bħas-servizzi finanzjarji u fil-blockchain.

“Tajjeb ukoll li l-Għawdex ikun inkluż f’setturi innovattivi bħal blockchain”, emfasizza dan l-Ewroparlamentari Alfred Sant, “madanakollu importanti ħafna illi ma nitraskurawx setturi tradizzjonali bħall-biedja u nindirizzaw għalfejn l-art disponibbli għall-biedja qiegħda tonqos allavolja l-art teżisti.” Semma wkoll proġett ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea li sar fuq talba tal-MPE li qed jesplora l-enerġija rinnovabbli li twassal għall-awtosuffiċjenza fl-energija u ambjent nadif fil-gżejjer, li minnha jista’ jibbenefika wkoll Għawdex.
Tqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ diffikultaijiet li jaffaċċjaw l-istudenti Għawdxin, bħal kirjiet bla rażan, transport pubbliku, u nuqqas t’aċċessibilita lejn Malta. Il-parteċipanti kienu wkoll mħeġġa mill-MPE sabiex jagħmlu pressjoni pubblika fuq il-gvern għal bini ta’ residenzi għall-istudenti Għawdxin f’Malta.

Iż-żgħażagħ Għawdxin preżenti saqsew lill-Ewroparlamentari kif jista’ jinżamm il-kuntatt magħhom u kif il-MPE jirrispondu lill-poplu apparti fi żmien l-elezzjoni. Il-MPE għafsu fuq l-importanza tad-djalogu kontinwu u l-involviment dirett tal-Għawdxin fi gruppi tas-soċjeta ċivili. “L-Ewroparlamentari Maltin huma obbligati iżuru t-tlettax-il distrett elettorali”, qalet il-MPE Roberta Metsola, “nistgħu nagħmlu iktar, inkluż li naqsmu l-ħidma parlamentari ahjar sabiex pereżempju jkollna membru Malti fil-Kunsill tal-Iżvilupp Reġjonali, minflok ma nibqgħu konċentrati fuq ftit kumitati.”

Joe Grech għafas fuq l-importanza li ż-zgħażagħ jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej 2019 biex jassiguraw il-futur tagħhom fl-Ewropa illi l-Għawdxin huma parti minnha.

Fil-ftuħ tad-diskussjoni, l-Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Anna Zammit Vella qalet illi kwasi 40% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin bejn it-18 u l-24 sena ma vvutawx fl-elezzjonijiet Ewropej fl-2014.

Media

 .
Times of Malta - Time for a Malta-Gozo air link?
 .
NET News - L-aċċessibbiltà, it-teknoloġija, u l-fondi tal-UE: l-isfidi speċifiċi tal-Għawdxin jeħtieġu azzjonijiet speċifiċi
 .
Newsbook - “Flus taċ-ċittadinanza għal residenza għall-Għawdxin” – Alfred Sant
 .