Dar

Preżentazzjoni

Sir af id-delegazzjonijiet

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma gruppi uffiċjali ta' Membri tal-Parlament Ewropew li jiżviluppaw relazzjonijiet mal-parlamenti ta' pajjiżi, reġjuni jew organizzazzjonijiet li mhumiex fl-UE.

F'laqgħat regolari fi Brussell u fi Strasburgu, il-membri tad-delegazzjonijiet jiddiskutu s-sitwazzjoni fil-pajjiżi sħab tagħhom u r-rabtiet bejn is-sħab u l-UE. Id-delegazzjonijiet jistiednu esperti li jaħdmu barra l-Parlament Ewropew - fl-ambaxxati jew fl-universitajiet, pereżempju, jew fis-servizz diplomatiku tal-UE - biex jagħtu konferenzi u jsir skambju ta' fehmiet mal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Id-delegazzjonijiet ta' spiss jistiednu viżitaturi li nkella leħinhom jista' ma jiġix mismugħ: membri tal-oppożizzjoni politika jew membri tas-soċjetà ċivili. Il-preżentazzjonijiet tagħhom jespandu l-fehim tal-Membri tal-Parlament Ewropew waqt laqgħat qosra - spiss ta' siegħa biss.

Id-delegazzjonijiet jorganizzaw ukoll "laqgħat interparlamentari" li matulhom ikollhom l-opportunità li jiddiskutu direttament kwistjonijiet ma' rappreżentanti eletti mill-pajjiżi li fuqhom jiffukaw.

Dawn il-laqgħat isiru mhux aktar minn darbtejn fis-sena u jdumu ftit sigħat jew ġranet. Dawn isiru f'postijiet li jalternaw: għal laqgħa minnhom, il-Membri tal-Parlament Ewropew isiefru barra l-UE, lejn il-parlament l-ieħor; u għal li jmiss, il-Membri tal-Parlament Ewropew jilqgħu lill-mistednin tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Meta l-Membri tal-Parlament Ewropew isiefru barra l-UE għal dawn il-laqgħat, huma jippruvaw jiltaqgħu wkoll ma' nies barra mill-parlament u jżuru proġetti ffinanzjati mill-UE.

Id-delegazzjonijiet permanenti

Il-Parlament Ewropew attwalment għandu 44 delegazzjoni permanenti. Dan jista' jinbidel għal-leġiżlatura li jmiss, li tibda fl-2019. Il-Parlament jista' wkoll jiddeċiedi li joħloq delegazzjonijiet ad hoc biex sadanittant jiffokaw fuq qasam partikolari.

Eżatt wara l-aħħar elezzjoni, il-Parlament approva riżoluzzjoni "dwar l-għadd tal-membri ta' delegazzjonijiet interparlamentari". Din ir-riżoluzzjoni telenka id-delegazzjonijiet li se joperaw matul din il-leġiżlatura, u n-numru tal-Membri tal-Parlament Ewropew fi ħdan kull waħda minnhom.

Minn leġiżlatura għall-oħra, id-distribuzzjoni u d-daqs tad-delegazzjonijiet jistgħu jvarjaw konsiderevolment. Pereżempju, fil-leġiżlatura preċedenti (2009-2014), delegazzjoni minnhom ħadmet mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro u l-Kosovo. Minn nofs l-2014, erba' delegazzjonijiet separati jkopru dawn il-pajjiżi.

Kompożizzjoni

L-akbar delegazzjonijiet huma normalment dawk li jieħdu sehem f'"assemblej parlamentari", li fihom jiltaqgħu diversi parlamenti.

Pereżempju, hemm 78 Membru tal-Parlament Ewropew fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għal forum semiannwali li jiġbor flimkien il-parlamenti tal-pajjiżi kollha tal-grupp ta' pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). Meta dawn il-Membri tal-Parlament Ewropew jivvjaġġaw lejn l-Assemblea, jiltaqgħu ma' 78 membru parlamentari - wieħed minn kull wieħed mit-78 pajjiż tal-grupp AKP.

Iżda delegazzjoni tant kbira hija każ eċċezzjonali, peress li l-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet tal-Parlament huma magħmula minn 15-il membru jew inqas. L-iżgħar fosthom għandhom biss 8 membri.

Irrispettivament mid-daqs tagħhom, id-delegazzjonijiet kollha għandhom l-istess struttura: għandhom President u żewġ Viċi Presidenti, li jiġu eletti mid-delegazzjoni. Il-membri kollha tad-delegazzjoni jiġu nominati mill-gruppi politiċi tal-Parlament, bil-kompożizzjoni totali tad-delegazzjoni li tirrifletti l-bilanċ politiku globali tal-Parlament.

Kull Membru tal-Parlament Ewropew huwa membru ta' delegazzjoni. Xi wħud huma f'aktar minn wieħed.

Regoli

Id-delegazzjonijiet huma obbligati jsegwu regoli stretti definiti f'dokument uffiċjali msejjaħ "Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet barra l-Unjoni Ewropea".

Dan it-test jistabbilixxi l-għan ġenerali tad-delegazzjonijiet: "iż-żamma u t-titjib tal-kuntatti mal-parlamenti tal-Istati li tradizzjonalment huma sħab tal-Unjoni Ewropea u [...] għall-promozzjoni [...] tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea."

Id-dispożizzjonijiet jiddeskrivu wkoll kif d-delegazzjonijiet tal-Parlament għandhom jaħdmu mal-kumitati tal-Parlament, u kif l-operat tagħhom għandu jirrispetta l-pożizzjonijiet u l-istandards tal-Parlament.

Sabiex l-ispejjeż jinżammu baxxi, l-għadd ta' membri li jsiefru barra mill-UE huwa wkoll ikkontrollat b'mod strett, b'kull vjaġġ jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel.

Id-delegazzjonijiet tal-PE, l-atturi li għandhom influwenza globali © European Parliament

Preżentazzjoni u kompetenzi

Id-delegazzjonijietgħandhom iżommu u jiżviluppaw il-kuntatti internazzjonali tal-Parlament ujikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rwol u l-viżibilità tal-Unjoni Ewropeafid-dinja.

Għalhekk,l-attivitajiet ta' delegazzjoni, minn naħa, għandhom ikunu mmirati lejniż-żamma u t-titjib tal-kuntatti mal-parlamenti tal-Istati li tradizzjonalmenthuma sħab tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, għandhom jikkontribwixxugħall-promozzjoni f'pajjiżi terzi tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UnjoniEwropea, speċifikament il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispettgħad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istattad-dritt (Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Il-kuntattiinternazzjonali tal-Parlament għandhom jiġu regolati mill-prinċipji tal-liġiinternazzjonali pubblika.

Il-kuntattiinternazzjonali tal-Parlament għandhom ikunu mmirati biex irawmu, kull fejnikun possibbli u xieraq, id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijietinternazzjonali.

(Artikolu 3, prinċipji lijirregolaw l-attivitajiet tad-delegazzjonijiet, adottati mill-Konferenzatal-Presidenti nhar il-29 ta' Ottubru 2015)

Tipi ta' delegazzjonijiet

Id-delegazzjonijiet kollha tal-Parlament Ewropew inissġu relazzjonijiet mal-parlamentari f'pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet oħra. Iżda kif u fejn jiltaqgħu jiddependi mit-tip ta' delegazzjoni tagħhom.

Assemblej parlamentari

Wieħed mill-gruppi tad-delegazzjonijiet jipparteċipa fl-"assemblej parlamentari" - laqgħat regolari u formali li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti eletti minn diversi parlamenti. Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew hija biss waħda minn diversi f'dawn l-assemblej.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew hija l-akbar delegazzjoni unika fl-assemblea, b'għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew li jammontaw għal madwar nofs in-numru totali tad-delegati. F'xi każijiet, ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew huma minoranza tad-delegati totali.

Bħalissa, 5 mill-44 delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jipparteċipaw f'assemblej parlamentari. Fost l-eżempji nsibu d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (DNAT) u d-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Amerika Latina (DLAT).

Kumitati interparlamentari

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil"kumitati" interparlamentari jiltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom b'mod regolari, f'laqgħat formali. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kumitati interparlamentari huma bilaterali: dawn jinvolvu lill-Parlament Ewropew u delegazzjoni oħra, normalment minn pajjiż wieħed.

Il-kumitati interparlamentari jistgħu jissejħu "Kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni", "Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni", "Kumitati Parlamentari Konġunti" jew "Kumitati Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni", skont għadd ta' fatturi.

Dawn il-kumitati kollha nħolqu permezz ta' ftehimiet bilaterali bejn l-UE u s-sieħeb. Il-laqgħat isegwu "regoli ta' proċedura" stretti.

Il-Parlament Ewropew attwalment għandu 15-il delegazzjoni li jipparteċipaw fi 23 kumitat parlamentari. Fost l-eżempji nsibu d-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Messiku (D-MX) u d-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna (D-UA).

Delegazzjonijiet interparlamentari oħrajn

L-akbar grupp ta' delegazzjonijiet jiffoka fuq "relazzjonijiet ma'" pajjiż ieħor, jew xi kultant ma' grupp ta' pajjiżi.

Dawn id-delegazzjonijiet jiltaqgħu mal-leġiżlaturi sħabhom f'"laqgħat interparlamentari" ordinarji. Il-frekwenza ta' dawn il-laqgħat tista' tvarja skont l-impenji u d-disponibbiltà ta' dawn iż-żewġ sħab. Dawn il-laqgħat m'għandhomx ir-regoli tagħhom stess, għalkemm jibqgħu jaderixxu mad-"dispożizzjonijiet" ġenerali għal delegazzjonijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew.

Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew - madwar 25 minn total ta' 44 - jaqgħu taħt din il-kategorija ta' delegazzjonijiet interparlamentari. Żewġ eżempji huma d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Ġappun (D-JP) u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kanada (D-CA).

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet (KPD) hija l-korp politiku fil-Parlament Ewropew li jikkoordina x-xogħol ta' 44 delegazzjoni permanenti tal-Parlament.

Il-Konferenza tiżgura li d-delegazzjonijiet jaħdmu b'mod effiċjenti u f'koordinament mal-istrutturi l-oħra tal-Parlament. Il-laqgħat regolari tagħha jipprovdu forum sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet u sfidi komuni għad-delegazzjonijiet.

Kompożizzjoni u presidenza

Il-membri tal-Konferenza huma l-presidenti tal-44 delegazzjoni tal-Parlament u tat-3 kumitati li jaħdmu f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

Wieħed mill-44 president parteċipanti fil-grupp jiġi elett bħala l-President tal-Konferenza. It-terminu tal-mandat tiegħu huwa ta' sentejn u nofs, jiġifieri nofs il-leġiżlatura ta' ħames snin tal-Parlament Ewropew.

Attwalment, il-President tal-Konferenza tal-Presedenti tad-Delegazzjonijiet hija Inés Ayala Sender. Il-mandat tagħha se jiskadi fi tmiem it-tmien leġiżlatura tal-Parlament, fl-2019.

Membru Spanjola tal-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, is-Sa Ayala Sender hija wkoll il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Magreb u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi, kif ukoll membru tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.

Programmazzjoni

Il-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet normalment isiru nhar ta' Tlieta tas-sessjonijiet ta' Strasburgu. Dan ifisser li jkun hemm 12-il laqgħa fis-sena.

Darbtejn fis-sena, il-Konferenza tippjana s-sitt xhur ta' kalendarju ta' laqgħat tad-delegazzjoni li jmiss. L-abbozz ta' kalendarju jiġi ppreżentatat lill-Kumitati għall-Affarijiet Barranin, għall-Kummerċ Internazzjonali u għall-Iżvilupp. Wara dan, il-kalendarju jgħaddi għand il-"Konferenza tal-Presidenti", il-korp tal-Parlament Ewropew li jħaddan fih il-President tal-Parlament u l-presidenti tal-gruppi politiċi.

Il-Konferenza tal-Presidenti hija responsabbli biex tapprova l-kalendarju tad-delegazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet lil u minn korpi politiċi oħra

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tippreżenta wkoll xi drabi proposti dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti.

Il-Konferenza tal-Presidenti u l-Bureau tal-Parlament Ewropew - korp politiku ieħor, magħmul mill-President u l-Viċi Presidenti tal-Parlament - jistgħu jiddelegaw kompiti speċifiċi lill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet.

Kooperazzjoni fost id-delegazzjonijiet u bejn id-delegazzjonijiet u l-kumitati

Permezz tal-adozzjoni ta' approċċi u linji gwida komuni għall-attivitajiet tad-delegazzjonijiet, il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet issostni l-aħjar prattiki.

Hija taħdem ukoll mal-"Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati" - korp politiku parallel li jikkoordina x-xogħol tal-kumitati.

B'dan il-mod, il-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament jibqgħu koordinati ma' xulxin,

u dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew fir-relazzjonijiet barranin tal-UE.

Qafas

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet hija deskritta fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

Fil-verżjoni attwali tar-Regoli, l-Artikolu 30 ikopri l-Konferenza ma' dawn l-erba' klawsoli li ġejjin:

1. Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet għandha tkun magħmula mill-presidenti tad-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti kollha. Hija għandha teleġġi l-president tagħha.

2. Fl-assenza tal-president, il-laqgħa tal-Konferenza għandha tiġi ppreseduta mill-Membru preżenti li jkun l-akbar fl-età.

3. Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar ix-xogħol tad-delegazzjonijiet.

4. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet sabiex twettaq kompiti speċifiċi.

Membri