Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Skedi Informattivi dwar l-UE 08-06-2023

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa l-istituzzjoni ċentrali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u ilu responsabbli għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro sa mill-1 ta’ Jannar 1999. Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). L-objettiv ewlieni tas-SEBĊ huwa li tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mill-2014, il-BĊE kien responsabbli għal kompiti relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet tal-kreditu fl-ambitu tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.