Estratt tal-istudju - Id-dividend ta' żewġ triljun euro tal-Ewropa: L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa, 2019-24

Studju 18-04-2019

Dan l-estratt joħroġ minn studju li jiġbor flimkien xogħol li għadu għaddej dwar proġett fit-tul għall-identifikazzjoni u l-analiżi tal-"kost tan-non-Ewropa" f'għadd ta' oqsma ta' politika. Dan il-kunċett, li ġie introdott għall-ewwel darba mill-Parlament Ewropew fis-snin 80, hawnhekk qed jintuża biex jikkwantifika l-gwadanji potenzjali fl-effiċjenza fl-ekonomija Ewropea tal-lum permezz ta' sensiela ta' inizjattivi ta' politika li dan l-aħħar ġew irrakkomandati mill-Parlament – minn suq uniku diġitali usa' u aktar profond għal koordinazzjoni aktar sistematika tal-politiki ta' difiża nazzjonali u Ewropej jew żieda fil-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva. Il-benefiċċji huma mkejla prinċipalment f'PDG addizzjonali ġġenerat jew użu aktar razzjonali tar-riżorsi pubbliċi. L-aħħar analiżi tissuġġerixxi li hemm gwadanji potenzjali lill-ekonomija Ewropea (UE-28) ta' aktar minn 2,200 biljun euro li jistgħu jinkisbu, jekk il-politiki rrakkomandati mill-Parlament f'serje ta' oqsma speċifiċi kellhom jiġu adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mbagħad implimentati bis-sħiħ matul il-perjodu ta' għaxar snin mill-2019 sal-2029. Dan ikun, fil-fatt, "dividend ta' żewġ triljun euro", li jirrappreżenta spinta ta' madwar 14% tal-PDG totali tal-UE (li fl-2017 kien 15.3 triljun euro). L-istudju huwa maħsub biex jikkontribwixxi għad-diskussjoni li għaddejja dwar il-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċiklu istituzzjonali tal-ħames snin li ġejjin, mill-2019 sal-2024.