Kotba

100 ktieb memorabbli dwar l-Ewropa

Kotba

Merħba

Bħala President tal-Parlament Ewropew, huwa l-privileġġ tiegħi li nagħtik il-merħba f'din il-pjattaforma diġitali ddedikata li tippreżenta għażla minn fost il-"100 ktieb memorabbli dwar l-Ewropa".

Ħarsa lura lejn it-triq li mxejna flimkien bħala Ewropej tħallina nifhmu l-identità Ewropea komuni tagħna. L-Ewropa, wara kollox, twieldet mill-iskambju ta' ideat bejn artisti, kittieba u artiġjani. Wisq qabel ma feġġet l-Unjoni Ewropea, kien jeżisti spazju Ewropew tal-ideat li kien iħaddan il-kontinent kollu permezz tal-letteratura u l-arti. Tabilħaqq, hemm rabta Ewropea ċara bejn Caravaggio u Rembrandt, Vivaldi u Bach, Shakespeare u Molière.

L-għan ta' din il-ġabra ta' kotba huwa preċiżament li toffri lill-pubbliku għarfien dwar kif dik l-idea Ewropea ħadet sura konkreta permezz tal-integrazzjoni Ewropea. Għal dan il-għan, qed nippreżentaw għażla komprensiva ta' xogħlijiet akkademiċi, intellettwali u politiċi li lkoll taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni u għall-fehim aħjar ta' dan il-proċess mill-1945 'il hawn.

L-għażla tinkludi kotba, artikli, opuskoli u diskorsi li jidhrulna sinifikanti. Tkopri d-diversità ġeografika u lingwistika tal-Unjoni, u firxa wiesgħa ta' ideat u personalitajiet fl-UE.

Ix-xogħlijiet f'din il-ġabra jappartjenu għall-Librerija Storika tal-Parlament Ewropew, li aħna nqisuha patrimonju komuni li għandna naqsmuh ma' udjenza wiesgħa.

Nemmen li, f'din l-għażla, inti se tiskopri passjoni għall-Ewropa, il-bidu ta' ħolma Ewropea, u se tkun tista' ssegwi kull liwja fit-triq li twassal lejn it-twettiq ta' dik il-ħolma.

Il-proġett "100 ktieb memorabbli dwar l-Ewropa" beda fl-2012 fuq l-inizjattiva tal-predeċessur tiegħi, u llum kiber biex iħaddan aktar minn mitt titlu. Fil-preżent jinkludi 125 xogħol, għadu għaddej u se jibqa' jiżviluppa.

Sar kull sforz biex jinkisbu d-drittijiet ta' disseminazzjoni biex ix-xogħlijiet murija jkunu jistgħu jitniżżlu liberament. Madankollu, f'xi każijiet, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur ifissru li għad ma nistgħux noffru x-xogħolijiet kollha bit-test sħiħ tagħhom.

Wirja permanenti ddedikata, li tinsab fil-Kamra tal-Qari tal-Librerija Storika fil-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu, hija miftuħa wkoll għall-pubbliku.

Jiena fiduċjuż li l-ġabra se ssibha stimulanti u li se tagħtik x'tixtarr fil-ħsieb.

Antonio Tajani

President

Mejju 2018