Promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs 

Kull persuna hija ugwali f'għajnejn il-liġi

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta' natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, twelid, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali.

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma elementi importanti tal-ordni legali tal-UE. Minkejja dan, għadha tippersisti diskriminazzjoni kontra ċerti gruppi fl-Unjoni kollha.

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat bis-sħiħ sabiex jindirizza din il-problema u jippromwovi l-ugwaljanza fil-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE.

Ugwaljanza u drittijiet soċjali

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew għandu rwol sinifikanti fl-appoġġ tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari permezz tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u billi jippromwovi l-integrazzjoni tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tiegħu.

Drittijiet tan-nies b'diżabilità

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.

L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u għandha rwol importanti fil-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ li l-Unjoni timplimenta l-Konvenzjoni.

Ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat bis-sħiħ biex jiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija.

Huwa appella lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha sabiex jieħdu azzjoni biex jevitaw u jiġġieldu kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-edukazzjoni, u l-promozzjoni ta' kultura ta' rispett u tolleranza.

Drittijiet tal-persuni LGBTI

F'bosta okkażjonijiet il-Parlament Ewropew talab għal politika pluriennali komprensiva għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI. Il-Kummissjoni ppubblikat lista ta' azzjonijiet sabiex isir avvanz fl-Unjoni kollha rigward l-ugwaljanza tal-LGBTI.