Rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini 

Kull persuna li hija ċittadin ta' xi Stati Membru tal-UE hija awtomatikament ċittadin Ewropew.

Iċ-ċittadinanza tal-UE ġġib magħha ċerti drittijiet. Dawn id-drittijiet huma mniżżla fl-Artikoli 18 sa 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li:

  • jimxu u jgħixu b'mod ħieles fl-UE;
  • ma jiġux iddiskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom;
  • jivvotaw u joħorġu bħala kandidati f'elezzjonijiet muniċipali u f'elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn ikunu qegħdin jgħixu fl-UE; kif ukoll
  • isibu għajnuna minn ambaxxata jew konsolat ta' pajjiż ieħor tal-UE meta jkunu barra mill-UE u pajjiżhom ma jkollux ambaxxata jew konsulat.  F'dawn il-każijiet, il-konsulat jew l-ambaxxata għandha tittratta liċ-ċittadini kollha tal-UE bl-istess mod kif jittrattaw liċ-ċittadini tagħhom.

Dritt ta' petizzjoni

Iċ-ċittadin Ewropej għandhom ukoll id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

Dawn il-petizzjonijiet għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet li jolqtu b'mod dirett liċ-ċittadini u li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' attività tal-Unjoni. Il-petizzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati b'mod individwali jew kollettiv.

Dan id-dritt huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 44).

Fil-fatt, iċ-ċittadini tal-UE mhumiex l-uniċi li jibbenefikaw minn dan id-dritt: kull min jgħix fl-UE jista' jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew jirċievi u jikkunsidra dawn il-petizzjonijiet.

Dritt ta' ilment dwar amministrazzjoni ħażina

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt jitolbu lill-Ombudsman Ewropew jinvestiga każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE.

Għal darb'oħra, iċ-ċittadini Ewropej mhumiex l-uniċi li jibbenefikaw minn dan id-dritt: kull min jgħix fl-UE jista' jitlob lill-Ombudsman sabiex jinvestiga.

Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini

Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Stabbilita permezz tat-Trattat ta' Lisbona, din l-inizjattiva toffri li miljun ċittadin – minn tal-inqas kwart tal-Istati Membri tal-UE – jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi proposta għal leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni jkollha tivverifika jekk il-proposta tikkonċernax suġġett li hija awtorizzata taħdem fuqu.