It-Trattat ta' Lisbona
Il-KIG responsabbli mit-tħejjija tat-Trattat Ewropew ta’ Riforma tnediet f’Lisbona fit-23 ta’ Lulju 2007 (rappreżentanti tal-Parlament Ewropew: Elmar Brok, Enrique Barón Crespo u Andrew Duff). It-test tat-Trattat kien approvat waqt laqgħa bejn il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern f’Lisbona bejn it-18 u d-19 ta’ Ottubru 2007. It-Trattat ta’ Lisbona ġie ffirmat fil-preżenza tal-President tal-PE, Hans-Gert Pöttering fit-13 ta’ Diċembru 2007, wara proklama fil-Parlament dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Sad-19 ta’ Frar 2008, it-Trattat ta’ Lisbona ġie adottat mill-Parlament Ewropew (ir-rapport Corbett/Méndez de Vigo). Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu d-dritt li jaħtar il-President tal-Kummissjoni, abbażi ta' proposta mill-Kunsill Ewropew li tqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-proċess ta’ kodeċiżjoni jkompli jinfirex iktar fuq oqsma ġodda, u għandu jkun magħruf bħala l-“proċedura leġiżlattiva ordinarja".
Bi ftit eċċezzjonijiet, it-Trattat iqiegħed lill-Parlament Ewropew, bħala leġiżlatur, f’livell ekwivalenti għal dak tal-Kunsill f'qosma fejn qabel ma kienx il-każ, partikolarment fil-formulazzjoni tal-baġit tal-UE (il-Parlament igawdi parità totali), il-politika tal-agrikoltura, il-ġustizzja u l-intern.
It-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, wara li ġie ratifikat mis-27 Stat Membru kollha.
- Iffirmat: f'Lisbona (il-Portugall) fit-13 ta’ Diċembru 2007
- Dħul fis-seħħ: l-1 ta' Diċembru 2009