L-elezzjonijiet Ewropej: iċ-ċans li ssemma' leħnek 

L-elezzjonijiet Ewropej jagħtuk iċ-ċans tagħżel lil min jirrappreżentak fil-Parlament Ewropew u tiddeċiedi x'tip ta' Ewropa jkollna.

Fl-elezzjonijiet Ewropej tagħżel lil min tixtieq jiddefendi l-interessi tiegħek fl-UE. Il-Membri tal-Parlament Ewropew mhux biss isawru u jiddeċiedu dwar leġiżlazzjoni ġdida, imma jivvutaw ukoll dwar ftehimiet kummerċjali ġodda, jiskrutinizzaw l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jaraw li flus l-Unjoni jintefqu kif suppost, u anke jvaraw investigazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi. Skopri aktar dwar il-Membri li qed jirrappreżentaw lil pajjiżek bħalissa.

Meta tivvota fl-elezzjonijiet tal-UE, tkun qed teżerċita d-dritt demokratiku tiegħek li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-futur tal-Ewropa u tagħti lill-Parlament il-leġittimità li jeħtieġ biex jaqdi dmirijietu.

Għandna bżonn Ewropa fejn in-nies iħossu li l-vuċi tagħhom tinstema'.

Il-President tal-Parlament David Sassoli waqt diskors fil-Kunsill Ewropew, 17 ta' Ottubru 2019

Share: 

    L-elezzjonijiet isiru kull ħames snin u huma l-akbar elezzjonijiet transnazzjonali fid-dinja. Wara l-elezzjonijiet, il-Parlament jivvota biex jeleġġi l-kap il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea – li hija l-korp eżekuttiv tal-UE – u japprova t-tim kollu tal-kummissarji.

    L-aħħar elezzjonijiet, f'Mejju 2019, raw żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tal-votanti, li żdiedet għal medja ta' aktar minn 50% fl-Ewropa kollha. Il-Parlament għamel kampanja ta' informazzjoni imparzjali li fiha ħeġġeġ lin-nies jivvutaw. Il-kampanja wasslet għall-varar tal-komunità Flimkien.EU, li għandha l-għan li tippromwovi diskussjonijiet dwar il-futur demokratiku tal-Ewropa.

    Kif taħdem il-votazzjoni

    Għalkemm hemm xi regoli komuni rigward l-elezzjonijiet, xi aspetti jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż, pereżempju jekk dak li jkun jistax jivvota bil-posta jew minn pajjiż ieħor.

    Il-ġranet tal-elezzjoni jistgħu jkunu differenti wkoll. Normalment l-elezzjonijiet jibdew il-Ħamis (il-ġurnata meta ġeneralment jivvutaw in-Netherlands) u jintemmu l-Ħadd (meta jivvutaw il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi).

    L-għadd ta' membri eletti f'kull pajjiż jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni; pajjiżi iżgħar jingħataw aktar siġġijiet minn kemm timplika l-proporzjonalità stretta. Fil-preżent, l-għadd ta' Membri jvarja minn sitta għal Malta, il-Lussemburgu u Ċipru, sa 96 għall-Ġermanja.

    Il-Membri jikkonstestaw l-elezzjonijiet f'isem il-partiti politiċi nazzjonali, imma ladarba jiġu eletti, ħafna minnhom jagħżlu li jissieħbu fi grupp politiku transnazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-partiti nazzjonali huma affiljati ma' partit politiku Ewropew.