Ewrobarometru - Ewrobarometru 
Stħarriġ ta' opinjoni tal-Parlament Ewropew 
 

L-elezzjonijiet Ewropej tal-2019:L-elezzjonijiet Ewropej ħadu dimensjoni ġdida? 

L-Ewrobarometru ta' wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-aktar stħarriġiet kwantitattivi komprensivi disponibbli, li janalizza l-imġiba elettorali u l-motivazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Dan l-istħarriġ sar direttament wara l-elezzjonijiet ta' Mejju u fih ġew intervistati personalment 28,000 persuna madwar l-UE.

Minn żieda sinifikanti fl-għadd ta' votanti fl-elezzjonijiet tal-2019 (50.6 %, + 8 pp meta mqabbla mal-2014), dan ir-rapport jagħti ħarsa fid-dettall lejn min ivvota fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, filwaqt li janalizza l-varjazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE, il-gruppi soċjodemografiċi u dawk soċjoprofessjonali. L-istudju juri speċifikament l-impatt li l-votanti żgħażagħ kellhom fuq l-għadd ta' votanti, is-suġġetti u r-riżultati: + 14-il pp fost dawk li għandhom inqas minn 25 sena u + 12-il pp fost dawk li għandhom minn 25 sa 39 sena. 52 % ta' dawk li wieġbu isemmu li s-sens ta' dmir ċiviku sar aktar parti mill-Ewropej meta dawn jaħsbu dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-fehmiet dejjem aktar favorevoli tal-UE kellhom impatt ukoll fuq l-għadd ta' votanti.

Il-kwistjonijiet ewlenin li ħeġġew liċ-ċittadini jivvutaw huma l-ekonomija u t-tkabbir (44 %), il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (37 %) kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (37 %). 36 % ta' dawk li wieġbu kkwotaw il-mod li bih l-UE għandha taħdem fil-futur bħala l-prijorità ewlenija tagħhom filwaqt li 34 % semmew l-immigrazzjoni. L-ekonomija u t-tkabbir u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent huma l-aktar kwistjonijiet imsemmija f'16 u fi 8 pajjiżi rispettivament.

Filwaqt li l-għadd ta' Ewropej li jħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE żdied b'mod sinifikanti, b'7 punti għal 56 %, l-appoġġ għas-sħubija Ewropea għadu f'livell storikament għoli, fejn 59 % ta' dawk li wieġbu jaraw is-sħubija ta' pajjiżhom fl-UE bħala ħaġa tajba.

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-Brexit ukoll kellu rwol, bi 22 % ta' dawk li wieġbu qalu li dan influwenza d-deċiżjoni tagħhom li jivvutaw, tal-inqas sa ċertu punt.

L-istħarriġ postelettorali tal-Parlament fih ukoll, għall-ewwel darba, sett sħiħ ta' mistoqsijiet konkreti speċifikament dwar il-votazzjoni, li jippermetti analiżi fil-fond tad-deċiżjonijiet ta' votazzjoni ta' dawk li wieġbu u kontroeżami mhux ristrett mal-indikaturi l-oħra kollha tal-istħarriġ.

Il-ħidma fuq il-post ta' dan l-istħarriġ postelettorali saret mis-7 sas-26 ta' Ġunju 2019. Ġew intervistati wiċċ imb wiċċ 27,464 ċittadin tal-Ewropa, minn15-il sena 'l fuq, fit-28 Stat Membru kollha.