Ewrobarometru - Ewrobarometru 
Stħarriġ ta' opinjoni tal-Parlament Ewropew 
 

Parlameter 2019: Nagħtu widen lis-sejħa lil hinn mill-vot. Parlament aktar b'saħħtu li jisma' l-vuċijiet taċ-ċittadini 

Ftit xhur wara l-elezzjonijiet Ewropej, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Parlament għall-ħarifa – il-Parlometru 2019 – juri li l-appoġġ taċ-ċittadini għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea baqa' f'livell għoli: kważi sitta minn kull għaxar Ewropej għadhom favur is-sħubija ta' pajjiżhom fl-UE.

Barra minn hekk, l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 ikkontribwew pożittivament għaż-żieda fil-livell ta' sodisfazzjon bil-mod kif taħdem id-demokrazija fl-Unjoni Ewropea: 52% (+3 punti perċentwali) tal-Ewropej jaqsmu dan is-sentiment.

Speċifikament, iċ-ċittadini Ewropej iridu Parlament Ewropew aktar b'saħħtu: 58% tal-parteċipanti appellaw biex il-Parlament ikun aktar influwenti fil-futur. Din hi żieda ta' 7 punti perċentwali mir-rebbiegħa tal-2019 u hija l-ogħla riżultat għal din il-mistoqsija mill-2007 'l hawn.

Il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima saret l-ogħla prijorità għall-maġġoranza tal-Ewropej. Għalkemm il-prijoritajiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, it-tibdil fil-klima ħa post il-ġlieda kontra l-faqar, it-terroriżmu u l-qgħad u – bħala medja – tela' fil-quċċata tal-prijoritajiet fl-UE. F'dak li għandu x'jaqsam mal-valuri Ewropej, maġġoranza ċara trid li d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, il-libertà tal-kelma u l-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu l-valuri fundamentali ewlenin li għandha tiddefendi l-Unjoni Ewropea.

Il-Parlometru 2019 iħares f'aktar dettall lejn il-kwistjoni tal-ħarsien tal-ambjent. Maġġoranza assoluta tal-parteċipanti tqis li t-tibdil fil-klima hija l-aktar kwistjoni ambjentali importanti tal-lum, segwita mit-tniġġis tal-arja u tal-baħar, id-deforestazzjoni u l-ammont dejjem akbar ta' skart. Barra minn hekk, kważi sitta minn kull għaxar Ewropej jemmnu li l-protesti mmexxijin miż-żgħażagħ biex tittieħed azzjoni dwar il-klima kellhom impatt dirett kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-politika domestika.

L-aħħar, iżda mhux l-inqas, l-Ewrobarometru tal-Parlament għall-ħarifa jagħti idea ta' x'tip ta' informazzjoni relatata mal-UE tinteressa liċ-ċittadini Ewropej – u kif iċ-ċittadini jistħajlu li jistgħu jkunu aktar involuti fit-tfassil tal-politika tal-UE. B'kollox, tliet kwarti tal-Ewropej (77%) jixtiequ jirċievu aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, speċifikament dwar il-konsegwenzi konkreti tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll dwar l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu.