Ir-regoli ta' mġiba xierqa 

Il-Parlament Ewropew iddefinixxa ċerti regoli għall-Membri tal-PE u l-persunal dwar it-trasparenza u l-etika. Skopri aktar.

Il-prevenzjoni tal-fastidju u d-diskriminazzjoni

Il-Membri għandhom iżommu lura minn kwalunkwe tip ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali u jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa meta jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom (ara l-Artikolu 10(6) tar-Regoli ta’ Proċedura).

Il-Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew ifittex li jiżgura li l-Membri jġibu ruħhom sewwa ma’ kull min jaħdem fil-Parlament Ewropew u jittrattawhom b’dinjità, korteżija u rispett u mingħajr preġudizzju jew diskriminazzjoni.

Meta jagħmlu dan, il-Membri huma mistennija li jġibu ruħhom b’mod professjonali u fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal iżommu lura milli jużaw lingwaġġ degradanti, insolenti, offensiv jew diskriminatorju jew kwalunkwe azzjoni oħra li tmur kontra l-etika, tkun ta’ umiljazzjoni jew illegali.

Il-Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa huwa anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (l-Anness II).

Malli tibda l-kariga tiegħu mal-Parlament, kull Membru huwa meħtieġ jiffirma dikjarazzjoni li tikkonferma l-impenn tiegħu li jikkonforma mal-Kodiċi.

Membri li ma ffirmawx din id-dikjarazzjoni ma jistgħux jiġu eletti għal kariga fil-Parlament jew għal kariga f’wieħed mill-korpi tiegħu, ma jistgħux jinħatru bħala rapporteur jew jipparteċipaw f’delegazzjoni uffiċjali jew f’negozjati interistituzzjonali. Id-dikjarazzjonijiet kollha, kemm jekk iffirmati kif ukoll jekk le, se jiġu ppubblikati fuq il-paġni tal-profil tal-Membri fuq is-sit tal-Parlament. Peress li l-firem tal-Membri ma jistgħux jiġu ppubblikati fuq is-sit web, il-preżenza ta’ data fuq dikjarazzjoni tfisser li din ġiet iffirmata dakinhar.

Id-definizzjoni u l-indirizzar tal-kunflitti ta' interessi

Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza jistabbilixxi bħala l-prinċipji tiegħu ta’ gwida li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu ħidmiethom b’diżinteress, integrità, aċċess miftuħ, diliġenza, onestà, responsabbiltà u rispett għad-dinjità u r-reputazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta jiddefinixxi l-kunflitti ta’ interess u kif il-membri għandhom jindirizzawhom, inkluż l-obbligu għall-Membri li jippreżentaw dikjarazzjoni dettaljata tal-interessi privati tagħhom, dikjarazzjoni tal-assi, meta applikabbli, dikjarazzjoni dwar l-għarfien tal-kunflitt ta’ interess u li jiddikjaraw l-attendenza tagħhom f’avvenimenti organizzati minn partijiet terzi, kif ukoll kwalunkwe rigal riċevut f’kapaċità uffiċjali b’valur approssimattiv ta’ aktar minn EUR 150.

Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Kondotta jobbliga lill-Membri jippubblikaw il-laqgħat skedati kollha, anke meta jiġu ddelegati lill-assistenti tagħhom, ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jaqgħu taħt ir-Reġistru ta’ Trasparenza u mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi mhux tal-UE.

Kwalunkwe Membru li jinstab ħati bi ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta jista’ jingħata piena mill-President. Din il-piena titħabbar mill-President matul sessjoni plenarja u tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament.

Aktar informazzjoni:   Regoli ta’ Proċedura: l-Artikolu 11 - Regoli ta’ kondotta fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza

Il-Kondotta Etika tal-persunal

Il-ħaddiema taċ-ċivil Ewropej jeħtiġilhom josservaw sett ta’ regoli meta jeżerċitaw id-dmirijiet professjonali tagħhom, kemm waqt li jkunu fil-kariga kif ukoll wara li jkunu telqu mis-servizz. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kodiċi ta’ Kondotta adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew, u jirrikjedu li l-persunal kollu jkun indipendenti, kawt, diskret u leali.

Dawn l-obbligi ġenerali jeżistu sabiex jiġu ssalvagwardjati l-attivitajiet u r-reputazzjoni tal-UE u l-persunal tiegħu, u japplikaw kemm waqt il-qadi tad-dmirijiet tal-persunal kif ukoll waqt ix-xogħol estern.

Dan ifisser li kwalunkwe interess fi kwalunkwe negozju jew organizzazzjoni li jista’ jikkomprometti r-rispett ta’ dawn l-obbligi jrid jiġi ddikjarat immedjatament. Attivitajiet esterni koperti b’dawn ir-regoli, bi ħlas jew bla ħlas, iridu l-ewwel jiġu approvati.

Il-persunal tal-Parlament ma jistax jaċċetta rigali jew favuri minn partijiet terzi mingħajr ma jiksbu permess minn qabel, sakemm il-valur tar-rigal ma jkunx inqas minn EUR 100 jew EUR 300 matul sena waħda.

Fl-aħħar nett, meta membri tal-persunal jitilqu mix-xogħol, huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Parlament jekk biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’kull tip ta’ attività bi ħlas jew mingħajr ħlas.

Rigward l-imġiba xierqa ma’ gruppi tal-lobbisti, jekk jogħġbok żur il-paġna tagħna dwar it-trasparenza u l-gruppi tal-lobbisti.