Traineeships fil-Parlament Ewropew 

Il-Parlament Ewropew joffri żewġ tipi ta' traineeships: Traineeships fis-Segretarjat (traineeships Schuman) u Traineeships mal-Membri tal-Parlament Ewropew

Traineeships fis-Segretarjat — Traineeships Schuman

It-traineeships Schuman huma mħallsa u jistgħu jsiru f'wieħed mill-postijiet tax-xogħol uffiċjali tal-Parlament Ewropew – Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu — jew fl-Uffiċċji ta' Kollegament tiegħu fl-Istati Membri.

Dawn it-traineeships huma msemmija għal Robert Schuman, wieħed mill-arkitetti ewlenin tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropea u responsabbli għal aktar minn 70 sena ta' paċi u prosperità fl-Ewropa. Huwa ppropona li l-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar Franċiża u dik Ġermaniża jinġabru flimkien f'dik li aktar 'il quddiem saret il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, l-ewwel Komunità Ewropea, li mbagħad saret l-Unjoni Ewropea.

Għaliex għandi napplika?

It-traineeship Schuman se jtejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tiegħek. Dan it-traineeship se jipprovdilek għarfien dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Parlament Ewropew, li huwa forum kruċjali għat-teħid tad-deċiżjonijiet u d-dibattitu politiku fil-livell tal-UE.

It-traineeships Schuman jistgħu jsiru f'varjetà wiesgħa ta' oqsma, bħall-politiki interni u esterni tal-UE, il-finanzi, il-liġi, il-multilingwiżmu, l-amministrazzjoni, l-infrastruttura u l-loġistika, il-komunikazzjoni jew l-IT.

Il-Parlament Ewropew huwa impjegatur li joffri opportunitajiet indaqs; huma mħeġġa japplikaw il-kandidati mingħajr distinzjoni abbażi tas-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-isfondi kulturali, etniċi u reliġjużi jew id-diżabbiltà, u għal kandidati b'diżabbiltà li jirnexxu se tkun disponibbli għalihom akkomodazzjoni jekk ikollhom bżonn.

Bħala parti mill-impenn tal-Parlament li jonora lill-ġurnalisti li nqatlu matul l-eżerċizzju ta' xogħolhom, id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni joffri għadd ta' traineeships Schuman b'tifkira ta' Ján Kuciak, il-ġurnalist investigattiv Slovakk li nqatel fi Frar 2018.

Nista' napplika?

L-applikanti għal traineeship Schuman irid li:

  • jkollhom 18-il sena jew aktar;
  • jkunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' pajjiż fil-fażi ta' adeżjoni/kandidat (jistgħu jiġu offruti wkoll għadd limitat ħafna ta' traineeships għal ċittadini ta' pajjiżi oħra);
  • jkollhom grad universitarju;
  • jkollhom għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien tajjeb ħafna ta' lingwa oħra (ċittadini ta' stati mhux membri għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż);
  • jipprovdu ċertifikat ta' kondotta eliġibbli;
  • ma jkunux ħadmu, jew ibbenefikaw minn xi tip ieħor ta' traineeship, għal aktar minn xahrejn konsekuttivi f'istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE;
  • u ma jkunux għamlu żjara ta' studju fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew sitt xhur qabel il-bidu tat-traineeship.

Kif tista' tapplika?

Sabiex tapplika, jekk jogħġbok żur il-paġna tal-applikazzjoni tat-traineeship tagħna:

  1. agħżel u applika għal massimu ta' tliet traineeships;
  2. jekk tintgħażel, tkun meħtieġ tipprovdi ċerti dokumenti ta' prova biex tagħti prova tal-eliġibbiltà tiegħek;
  3. jekk tintgħażel, tirċievi Ittra ta' Ammissjoni uffiċjali bl-email.

It-traineeships Schuman jingħataw għal perjodu ta' ħames xhur.

  • Perjodu ta' traineeship mill-1 ta' Ottubru sat-28 jew sad-29 ta' Frar
    • tista' tapplika mill-1 sat-30 ta' Ġunju
  • Perjodu ta' traineeship mill-1 ta' Marzu sal-31 ta' Lulju
    • tista' tapplika mill-1 sat-30 ta' Novembru

L-applikazzjonijiet spontanji ma jiġux ikkunsidrati.

Kuntatt

Jekk jogħġbok ikkuntattjana għal aktar informazzjoni dwar it-traineeships Schuman:

Contact: 

Traineeships mal-Membri tal-Parlament Ewropew

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu joffru traineeships imħallsa fl-uffiċċji tagħhom fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell (jew fi Strasburgu), abbażi ta' ftehim mal-Parlament Ewropew.

Għaliex għandi napplika?

It-traineeship se jtejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tiegħek. Se jippermettilek tifhem aħjar il-metodi ta' ħidma tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

It-traineeships mal-Membri jistgħu jsiru f'varjetà wiesgħa ta' oqsma. Il-Membru tal-Parlament li jagħti t-traineeship se jassenja kompiti speċifiċi li għandhom jitwettqu matul it-traineeship.

Nista' napplika?

Il-Membri jagħżlu b'mod liberu t-trainees tagħhom. Madankollu, il-kandidati jridu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

  • ikollhom 18-il sena jew aktar (derogi minn dan il-limitu ta' età jistgħu jingħataw b'rispons għal talba debitament motivata);
  • ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' pajjiż fil-fażi ta' adeżjoni/kandidat Madankollu, il-Membri jistgħu joffru traineeship lil ċittadini ta' pajjiżi terzi, dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-viża;
  • ikunu kisbu ċertifikat ta' edukazzjoni sekondarja li jikkorrispondi għal-livell meħtieġ għad-dħul fl-università, jew ikunu segwew kors ta' studju ogħla jew tekniku għal livell ekwivalenti, jew ikunu kisbu diploma universitarja;
  • ikollhom għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
  • ma jkunux parti minn kuntratt ta' impjieg jew minn xi relazzjoni kuntrattwali matul it-traineeship tagħhom;
  • ma jkunu la għamlu traineeship preċedenti ma' Membru, u lanqas ma jkunu ħadmu qabel bħala assistenti parlamentari ta' Membru, kemm jekk lokali kif ukoll jekk akkreditat.

Kif tista' tapplika?

Biex tibgħat applikazzjoni, huwa meħtieġ li tikkuntattja direttament lill-Membri tal-Parlament Ewropew.

It-tul ta' żmien tat-traineeship huwa bejn sitt ġimgħat u ħames xhur konsekuttivi, u jiġi deċiż mill-Membru tal-Parlament li jagħti t-traineeship. It-traineeship jista' jibda fi kwalunkwe żmien matul is-sena.

It-trainees jirċievu għotja ta' kull xahar li tista' tvarja bejn EUR 816 u EUR 1 339 għal traineeship full-time.