Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) 

Is-servizz intern ta' riċerka u ċ-ċentru ta' riflessjoni tal-Parlament Ewropew.

Nagħtu s-setgħa permezz tal-għarfien

Il-missjoni tal-EPRS hija li lill-Membri tal-Parlament Ewropew, u fejn ikun f'loku lill-Kumitati parlamentari, jipprovdilhom analiżi indipendenti, oġġettiva u awtorevoli dwar kwistjonijiet ta' politika marbuta mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll riċerka dwar dawn il-kwistjonijiet, sabiex jgħinhom fil-ħidma parlamentari tagħhom.

 L-EPRS joffri firxa komprensiva ta' prodotti u servizzi li jserrħu fuq kompetenzi u sorsi interni ta' għarfien speċjalizzat fl-oqsma kollha ta' politika, biex b'hekk jagħti s-setgħa lill-Membri u lill-Kumitati permezz tal-għarfien u jikkontribwixxi għall-effikaċja u għall-influwenza tal-Parlament bħala istituzzjoni. Barra minn hekk, l-EPRS jappoġġja u jippromwovi l-kuntatt bejn il-Parlament u l-pubbliku ġenerali.

SOSTENN GĦALL-MEMBRI 

    

Riċerka għall-Membri

L-EPRS jipproduċi firxa komprensiva ta' pubblikazzjonijiet b'kontenut sostanzjali u li jinqraw faċilment dwar politiki, kwistjonijiet u leġiżlazzjoni maġġuri tal-UE. Iwieġeb ukoll it-talbiet mill-Membri u mill-assistenti tagħhom għal riċerka u analiżi.

Tren Leġiżlattiv

L-għodda animata tal-Orarju tat-Tren Leġiżlattiv tissorvelja l-progress dwar il-fajls leġiżlattivi prinċipali matul il-leġiżlatura ta' ħames snin tal-Parlament Ewropew tal-lum.

Pass pass mal-leġiżlazzjoni tal-UE

Id-dokumenti ta' tgħarrif "Pass pass mal-leġiżlazzjoni tal-UE" janalizzaw il-progress tal-proposti leġiżlattivi sostanzjali kollha f'kull stadju tal-proċedura leġiżlattiva.

Sommarji tematiċi

Is-sommarji tematiċi jipprovdu aċċess malajr għall-aktar pubblikazzjonijiet pertinenti u aġġornati dwar kwistjonijiet ta' politika tal-Unjoni Ewropea.

SOSTENN GĦAĊ-ĊIKLU TA' POLITIKA 

Valutazzjoni tal-impatt u valur miżjud Ewropew

Qabel ma l-Kumitati parlamentari jiddiskutu l-proposti, l-EPRS jipprovdi stima inizjali tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea. L-EPRS janalizza wkoll il-benefiċċji potenzjali ta’ azzjoni futura tal-Unjoni Ewropea permezz tar-"Rapporti dwar il-Kost tan-Non-Ewropa" fl-oqsma ta' politika fejn azzjoni komuni fil-livell Ewropew tista' tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini.

Skrutinju u sorveljanza tal-eżekuttiv

Qabel ma l-Membri tal-PE jiddiskutu proposta, l-EPRS jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-liġi u l-politiki tal-UE fil-prattika. L-EPRS jissorvelja wkoll kif il-Kunsill Ewropew iwettaq l-impenji li jkun ħa fil-laqgħat tiegħu kif ukoll janalizza l-prestazzjoni tiegħu rigward il-varji responsabbiltajiet tiegħu, sew dawk ġuridiċi u sew dawk ibbażati fuq ftehimiet intergovernattivi.

Valutazzjoni tal-għażliet xjentifiċi u teknoloġiċi

STOA (Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi), immexxija minn panel ta' Membri tal-PE, twettaq valutazzjonijiet ta' natura xjentifika u teknoloġika u tanalizza kwistjonijiet u xejriet ta' politika li jixirfu f'dawn l-oqsma.

Analiżi ta' xejriet globali

L-EPRS jidentifika, jittraċċa u janalizza x-xejriet globali fuq perijodu twil u medju li jista' jkollhom impatt fuq l-Unjoni Ewropea.

    

LIBRERIJA

Stabbilita fl-1953, il-librerija topera fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu u tipprovdi lill-Parlament gazzetti, ġurnali, kotba u kotba elettroniċi, librerija tal-liġi komparattiva u librerija storika.

    

Talbiet għal informazzjoni miċ-ċittadini

Trid tkun taf dwar l-attivitajiet tal-Parlament jew dwar kwistjonijiet tal-UE? Iċ-ċittadini kollha tal-UE huma intitolati li jibagħtu talba għal informazzjoni.