Preżentazzjoni

Eżerċizzji analitiċi ta'' sostenn

Din id-database tinkludi d-dokumenti ta' riċerka mfassla mis-servizzi ta' riċerka differenti tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari studji, dokumenti ta' analiżi dettaljata u ta' tgħarrif maħruġa mid-dipartimenti tematiċi, l-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika u d-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew. Dawn id-dokumenti huma intenzjonati biex isostnu l-ħidma tad-diversi korpi parlamentari.

Id-Dipartimenti Tematiċi

Id-dipartimenti tematiċi huma responsabbli biex jipprovdu għarfien espert u pariri dwar il-politiki sabiex isostnu l-attivitajiet ta' korpi parlamentari varji, b'mod partikolari l-kumitati. Abbażi ta' analiżi li tkun seħħet jew internament jew esternament, id-dipartimenti tematiċi jipprovdu informazzjoni indipendenti, speċjalizzata, oġġettiva, ta' kwalità għolja u aġġornata fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-Parlament.
Id-dipartimenti tematiċi joffru analiżi dwar il-politiki f'varjetà wiesgħa ta' formati, l-aktar frekwenti bħala tweġiba għal talba minn kumitat jew delegazzjoni tal-Parlament. F'din id-database inti għandek issib testi li jvarjaw minn studji u dokumenti ta' analiżi dettaljata speċifiċi għall-pajjiż jew għall-kwistjoni sa dokumenti ta' tgħarrif. Dan l-output bil-miktub jaqdi diversi skopijiet billi jikkontribwixxi direttament għall-ħidma leġiżlattiva ta' kumitat speċifiku jew iservi ta' tgħarrif għad-delegazzjonijiet tal-Membri.

Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika

L-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika tipprovdi dokumenti ta' tgħarrif għal Djalogi Ekonomiċi u Seduti ta' Smigħ dwar Responsabilità Amministrattiva organizzati mill-kumitat kompetenti tal-Parlament. Barra minn hekk, tipprovdi dokumenti ta' sfond u tabelli, fuq bażi regolari, f'dan il-qasam.

Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew

Id-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew fi ħdan is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) jipprovdi riċerka marbuta ma' diversi aspetti ta' evalwazzjoni ex-ante jew ex-post tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE. F'din id-database issib: evalwazzjonijiet dettaljati tal-valutazzjonijiet tal-impatt (IAs) magħmula mill-Kummissjoni Ewropea; IAs komplementari jew sostituti; IAs dwar emendi parlamentari; Evalwazzjonijiet tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni u l-effettività fil-prattika tad-dritt u l-politiki tal-UE; rapporti dwar il-Prezz tan-Non Ewropa fl-oqsma tal-politika fejn jistgħu jinkisbu effiċjenza akbar jew benefiċċji kollettivi permezz ta' azzjoni komuni fil-livell Ewropew; u Valutazzjonijiet tal-Valur Miżjud Ewropew li jispjegaw ir-raġunament wara r-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva mressqa mill-kumitati.
L-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA) twettaq riċerka interdixxiplinari u tipprovdi parir strateġiku fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-alternattivi tax-xjenza u t-teknoloġija u l-prospettiva xjentifika. Hija tagħmel studji dettaljati u torganizza sessjonijiet ta' ħidma dwar żviluppi f'dawn l-oqsma, taħt il-gwida tal-Panel tal-STOA ta' 24 MPE
Kuntatti

Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja