Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet (KPD) hija l-korp politiku fil-Parlament Ewropew li jikkoordina x-xogħol ta' 44 delegazzjoni permanenti tal-Parlament.

Il-KPD tiżgura li d-delegazzjonijiet jaħdmu b'mod effiċjenti u f'koordinament mal-istrutturi l-oħra tal-Parlament. Il-laqgħat regolari tagħha jipprovdu forum fejn jiġu diskussi kwistjonijiet u sfidi komuni għad-delegazzjonijiet.

Kompożizzjoni u presidenza

Il-membri tal-Konferenza huma l-presidenti tal-44 delegazzjoni permanenti tal-Parlament u tat-3 kumitati li jaħdmu fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali: il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), il-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE) u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA).

Wieħed mill-44 president tad-delegazzjonijiet jiġi elett bħala l-President tal-Konferenza. It-terminu tal-mandat tiegħu huwa ta' sentejn u nofs, jiġifieri nofs il-leġiżlatura ta' ħames snin tal-Parlament Ewropew.

Skedar

Il-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet normalment isiru nhar ta' Tlieta matul is-sessjonijiet ta' Strasburgu.

Darbtejn fis-sena, il-KPD tippjana l-kalendarju li jmiss ta' sitt xhur ta' laqgħat tad-delegazzjoni. Il-Kumitati AFET, INTA u DEVE jiġu kkonsultati matul dan il-proċess.

Fit-tfassil tal-iskeda, il-KPD taħdem ma' korp politiku parallel li jissorvelja l-ħidma tal-kumitati, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Flimkien, jivverifikaw li l-iskedi tad-delegazzjonijiet u tal-kumitati jkunu komplementari u li jkunu allinjati mal-kalendarju ġenerali tal-Parlament Ewropew.

Jitqiesu wkoll l-attivitajiet futuri li għandhom l-għan li jappoġġjaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem barra mill-UE.

Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament, grupp li jinkludi l-President tal-Parlament Ewropew u l-presidenti tal-gruppi politiċi, hija responsabbli li tapprova l-kalendarju tad-delegazzjonijiet.

Rwol ta' koordinament

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tikkoordina ma' korpi politiċi oħra fil-Parlament Ewropew dwar għadd ta' kwistjonijiet apparti l-kalendarju.

Hija tippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti.

Il-Bureau tal-Parlament - korp politiku ieħor, magħmul mill-President u l-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew - xi drabi jitlob lill-KPD twettaq ċerti kompiti.

Il-KPD tippromwovi l-aħjar prattiki fil-ħidma ta' dawn il-korpi differenti u tadotta approċċi u linji gwida komuni għall-attivitajiet tad-delegazzjonijiet.

Permezz tal-ħidma tagħha mal-kumitati, hija tiżgura wkoll li l-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament jibqgħu allinjati flimkien. Dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ il-kontribut tal-Parlament Ewropew għall-politika barranija tal-UE.

Membri