Dar

Preżentazzjoni u kompetenzi

Id-delegazzjoni tal-PE għall-Assemblea Parlamentari EURONEST (AP EURONEST) inħolqot b'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew fis-6 ta' Mejju 2009 u kienet ikkostitwita fil-bidu tas-seba' leġiżlatura (fl-aħħar ta' Settembru 2009). L-Assemblea, wara sena u nofs ta' diskussjonijiet diffiċli, kienet stabbilita fit-3 ta' Mejju 2011 bħala d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant, il-politika mnedija mill-Unjoni Ewropea għall-ġirien tagħha tal-Lvant biex tqarribhom, tevita linji ġodda ta' firda, u biex tikkonkludi Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni estensivi, inklużi Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi. Il-Parlament Ewropew kien diġà kien talab li tinħoloq din l-Assemblea waqt is-sitt leġiżlatura tiegħu. L-AP EURONEST bħalissa hija magħmula minn 110 Membri: 60 Membru mill-Parlament Ewropew (dan huwa wkoll in-numru tal-Membri tad-delegazzjoni attwali tal-PE) u 10 minn kull wieħed mill-pajjiżi li ġejjin (is-Sieħba tal-Lvant): L-Armenja, L-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina. Għal raġunijiet politiċi, ma kienx possibbli, sal-lum, li tiġi ammessa Delegazzjoni mill-Bjelorussja fl-AP.
L-AP EURONEST għandha l-għan li tkun l-istituzzjoni għad-djalogu u l-iskambju parlamentari multilaterali fost is-sħab tal-Lvant u bejn il-MPE u l-omologi tagħhom mill-pajjiżi sħab tal-Lvant f'diversi oqsma ta' interess komuni: l-istabilità, id-demokrazija, l-approssimazzjoni ta' standards u leġiżlazzjoni, il-kummerċ, l-enerġija, il-kuntatti bejn in-nies u ħafna oħrajn.