Dar

Preżentazzjoni u kompetenzi

Id-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Asja t’Isfel evolviet mid-delegazzjoni preċedenti inkarigata mir-relazzjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Asja t’Isfel għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC). Tkopri l-pajjiżi kollha tal-SAARC bl-eċċezzjoni tal-Indja, jiġifieri l-Bangladexx, il-Bhutan, is-Sri Lanka, il-Maldive, in-Nepal u l-Pakistan. Ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi huma msejsa fuq bażijiet legali differenti: għalhekk, il-Ftehima ta’ Koperazzjoni Kummerċjali bejn il-KE u l-Pakistan tmur lura għall-1976, waqt li l-Ftehima aġġornata dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-KE u l-Bangladexx ġiet iffirmata fl-2001.
 
Minkejja li dawn il-ftehimiet mhux dejjem jipprevedu b’mod espliċitu dimensjoni parlamentari, ikun hemm djalogu regolarment bejn il-leġiżlaturi, is-soltu bl-inizjattiva tad-Delegazzjoni tal-PE: mill-1981 ’il quddiem inżammu aktar minn 35 laqgħa interparlamentari. Din l-attività mhux biss għamlitha possibbli biex il-prijoritajiet tal-PE fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitwasslu lin-nies b’mod aktar konkret, iżda għenet ukoll lill-PE fid-dover tiegħu li jagħti opinjoni infurmata meta mitlub mit-Trattati – pereżempju dwar ftehimiet relatati mal-kummerċ, meta jkun jinħtieġ il-kunsens tiegħu.