RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

13.6.2020 - (2020/2023(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteurs: Kati Piri, Christophe Hansen
(Proċedura ta' kumitat konġunt – Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)


Proċedura : 2020/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0117/2020
Testi mressqa :
A9-0117/2020
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rakkomandazzjoni dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tat-TFUE,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid[1] u d-direttivi li jinsabu fl-addendum tagħha dwar in-negozjar ta' sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li saru pubbliċi,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[2], tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[3], tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[4], tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit[5], tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea[6], tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ[7] u tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[8],

 wara li kkunsidra l-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, tat-18 ta' Marzu 2020[9];

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[10],

 wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[11] (il-"Ftehim dwar il-Ħruġ"), u d-Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit[12], li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ (id-"Dikjarazzjoni Politika"),

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għas-Sajd, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

 wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 114(4) u l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0117/2020),

A. billi d-Dikjarazzjoni Politika hija l-bażi li fuqha jiġu analizzati n-negozjati u tistabbilixxi l-parametri ta' sħubija ambizzjuża, mifruxa, approfondita u flessibbli fir-rigward tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni ekonomika bi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u l-oqsma usa' ta' kooperazzjoni; billi l-mandat tal-Unjoni Ewropea (UE), adottat fil-25 ta' Frar 2020 fuq dik il-bażi, jikkostitwixxi l-qafas ta' negozjar li jipprevedi sħubija b'saħħitha u komprensiva bejn l-UE u r-Renju Unit, li tifforma struttura koerenti u qafas ta' governanza ġenerali; billi l-UE mhix se taċċetta l-approċċ frammentarju tar-Renju Unit, li jfittex li jiġu nnegozjati sensiela ta' ftehimiet separati u awtonomi minn xulxin;

B.  billi l-mandat tal-UE huwa bbażat fuq il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2018 u fuq id-Dikjarazzjoni Politika;

C.  billi n-negozjati dwar is-sħubija futura mar-Renju Unit jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-premessa ta' implimentazzjoni effettiva u sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tat-tliet Protokolli tiegħu;

D. billi l-UE għandha żżomm l-isforzi u d-determinazzjoni tagħha sabiex tinnegozja ftehim ambizzjuż kif previst b'mod ċar fid-Dikjarazzjoni Politika, li ż-żewġ partijiet, inkluż il-Prim Ministru tar-Renju Unit, iffirmaw fis-17 ta' Ottubru 2019, u l-mandat tal-UE; billi r-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE mill-31 ta' Jannar 2020;

E. billi l-pressjoni taż-żmien attwali fin-negozjati hija sempliċement ir-riżultat tal-għażliet tar-Renju Unit;

F. billi l-ftehim futur għandu jkun integrat f'qafas ta' governanza ġenerali u billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) għandha tkun l-uniku organu responsabbli mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE;

G. billi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni fl-oqsma ta' politika kollha tiegħu, għadu applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-atti li ma kinux vinkolanti għar-Renju Unit u fir-Renju Unit qabel ma daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Ħruġ; billi fl-14 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedimenti ta' ksur kontra r-Renju Unit talli naqas milli jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu;

H. billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jolqot lil miljuni ta' ċittadini, liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fl-UE, liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fir-Renju Unit kif ukoll lill-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit;

I. billi, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax igawdi mill-istess drittijiet u mill-istess benefiċċji u ma jistax ikun suġġett għall-istess obbligi bħal Stat Membru u, għaldaqstant, is-sitwazzjoni kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit se tinbidel b'mod konsiderevoli fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; billi l-UE u r-Renju Unit jikkondividu prinċipji u valuri fundamentali; billi l-prossimità ġeografika tar-Renju Unit, il-livell ta' interkonnessjoni u l-livell għoli ta' allinjament u interdipendenza eżistenti mar-regoli tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati fil-ftehim ta' sħubija futur; billi, kif iċċarat l-UE sa mill-bidu nett, aktar ma r-Renju Unit ifittex privileġġi u drittijiet, aktar se jkun hemm obbligi marbuta;

J.  billi l-UE u r-Renju Unit, fid-Dikjarazzjoni Politika, qablu li jiltaqgħu f'livell għoli f'Ġunju 2020 biex jevalwaw il-progress, bil-għan li jaqblu dwar azzjoni biex jimxu 'l quddiem fin-negozjati dwar ir-relazzjoni futura tagħhom;

K. billi l-unità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha matul in-negozjati hija essenzjali biex jiddefendu l-interessi tal-UE, inklużi dawk taċ-ċittadini tagħha fl-aħjar mod possibbli; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha baqgħu magħqudin matul in-negozjati u l-adozzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u baqgħu hekk sal-lum; billi din l-unità hija riflessa fl-adozzjoni tal-mandat ta' negozjar fdat lin-negozjatur tal-UE u lill-Kap tat-Task Force tal-UE Michel Barnier, li jgawdi minn appoġġ qawwi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

 

L. billi l-UE u r-Renju Unit, fid-Dikjarazzjoni Politika, qablu li r-relazzjoni futura għandha tkun mirfuda minn valuri komuni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-salvagwardja tagħhom u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jinkludi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ għan-nonproliferazzjoni, il-prinċipji tad-diżarm, tal-paċi u tas-sigurtà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent u li dawn il-valuri huma prerekwiżit essenzjali għall-kooperazzjoni prevista fil-qafas tad-Dikjarazzjoni Politika, li għandhom ikunu espressi f'termini ta' klawżoli politiċi vinkolanti kif ukoll ikunu kwistjonijiet ta' fiduċja reċiproka; billi, filwaqt li l-UE se tibqa' marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura jrid ikun subordinat għall-impenn kontinwu min-naħa tar-Renju Unit li jirrispetta l-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

M. billi l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sitwazzjoni ġdida totalment mhux mistennija u mingħajr preċedent, li għandha konsegwenzi sinifikanti fuq ir-ritmu u l-effiċjenza tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE; billi, jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, iż-żewġ naħat ikollhom ikunu ppreparati għal kull tibdil drammatiku fl-ekonomiji tagħhom, li jkun aggravat mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-konsegwenzi ekonomiċi mistennija tagħha; billi quddiem pandemija globali u l-konsegwenzi ġeopolitiċi, ekonomiċi u soċjali prevedibbli tagħha tiżdied il-ħtieġa li jitjiebu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn is-sħab u l-alleati;

Prinċipji ġenerali

1. Jiddispjaċih li, wara erba' sensiliet ta' negozjati, ma nkiseb l-ebda progress reali, bl-eċċezzjoni ta' spunti żgħar ħafna f'numru limitat ta' oqsma; jinnota d-diverġenzi sostanzjali li jeżistu bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż rigward l-portata u l-arkitettura ġuridika tat-test li jrid jiġi negozjat; jesprimi tħassib qawwi dwar il-portata limitata tas-sħubija futura kif prevista mill-Gvern tar-Renju Unit u dwar l-approċċ frammentarju tiegħu fil-konfront tan-negozjati unikament f'oqsma li huma fl-interess tar-Renju Unit; itenni li dan l-approċċ, li bih jagħżel dak li jaqbillu, mhuwiex aċċettabbli għall-UE; jenfasizza li l-proposti tar-Renju Unit ma jissodisfawx l-impenji tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika, li magħhom qabel ir-Renju Unit, inkluż ir-rifjut tiegħu li jinnegozja ftehim dwar kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà u mad-difiża; 

2. Itenni li l-UE hija deċiżament konvinta mill-pożizzjoni tagħha li jrid jinkiseb progress tanġibbli fl-oqsma kollha tan-negozjati b'mod parallel, inkluż dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, is-sajd, is-sigurtà interna u l-governanza, kif spjegat fid-Dikjarazzjoni Politika; jenfasizza li n-negozjati kollha huma indiviżibbli u l-UE mhix se taqbel dwar ftehim bi kwalunkwe prezz, b'mod partikolari mhix se taqbel dwar ftehim ta' kummerċ ħieles mingħajr ma jkollha garanziji sodi ta' kundizzjonijiet ekwivalenti u ftehim sodisfaċenti dwar is-sajd; isostni bis-sħiħ, għalhekk, lill-Kummissjoni fid-difiża tal-bżonn ta' abbozz komprensiv tat-trattat kif propost mill-UE sa mill-bidu nett, minflok ma jintlaħaq qbil fuq ftehimiet separati kif propost mir-Renju Unit;

3. Jinsisti li kwalunkwe ftehim dwar relazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit irid ikun koerenti u adattat kemm għall-prossimità ġeografika taż-żewġ partijiet kif ukoll għal-livell għoli ta' interkonnessjoni tal-ekonomiji taż-żewġ partijiet;

4.  Jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni, anki jekk tard, tal-abbozz ta' proposti ġuridiċi tar-Renju Unit; jinnota li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tar-Renju Unit ta' użu ta' preċedenti eżistenti, ħafna minn dawk il-proposti jmorru ferm lil hinn minn dak li ġie nnegozjat mill-UE fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles oħra ma' pajjiżi terzi f'dawn l-aħħar snin; ifakkar li kwalunkwe ftehim finali jrid ikun ibbażat fuq bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi;

5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li jeżisti livell għoli ta' konverġenza bejn l-objettivi tan-negozjati espressi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020 u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid[13] (id-"direttivi ta' negozjati"); jenfasizza li l-Kummissjoni tgawdi mis-sostenn sħiħ tal-Parlament fin-negozjati mar-Renju Unit bi qbil mad-direttivi ta' negozjati, peress li t-tliet istituzzjonijiet ilkoll jikkondividu b'mod estensiv l-istess objettivi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultati li dawn in-negozjati għandhom jiksbu;

6. Jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozz tat-test tal-UE tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, ippubblikat fit-18 ta' Marzu 2020, li jipproponi ftehim komprensiv għal sħubija profonda u mill-qrib, li ma tkoprix biss il-kummerċ ħieles fil-merkanzija u fis-servizzi iżda anki modi sabiex jiġu evitati distorsjonijiet u żvantaġġi kompetittivi inġusti, inklużi dawk relatati mas-settur agrikolu, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) u l-għajnuna mill-Istat, u li tiġi stabbilita klima favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investimenti;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tmexxi n-negozjati b'mod trasparenti billi huwa ta' ġid għall-proċess tan-negozjati u ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-impriżi peress li dan jippermettilhom iħejju ruħhom aħjar għall-fażi ta' wara t-tranżizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, f'dan ir-rigward, konsultazzjoni pubblika u djalogu kontinwu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-parlamenti nazzjonali; jilqa' pożittivament il-prassi tal-Kummissjoni li tagħti informazzjoni regolari u puntwali lill-Parlament dwar in-negozjati u jistenna li din il-prassi tkompli, b'mod konformi mal-informazzjoni li hija kondiviża mal-Istati Membri;

8. Ifakkar li kwalunkwe ftehim futur ta' assoċjazzjoni konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit skont l-Artikolu 217 tat-TFUE (il-"Ftehim") irid ikun totalment konformi mal-prinċipji li ġejjin:

(i) pajjiż terz m'għandux ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji u ma jikkonformax mal-istess obbligi ta' Stat Membru tal-UE, jew ta' membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

(ii) il-protezzjoni tal-integrità sħiħa u tal-funzjonament korrett tas-suq intern, tal-unjoni doganali, l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet u, b'mod partikolari, il-grad ta' kooperazzjoni fil-pilastru ekonomiku jrid ikun skont l-impenji meħuda għall-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-persuni, bħall-ivvjaġġar eżenti mill-viżi, il-mobilità tar-riċerkaturi, tal-istudenti, tal-fornituri temporanji ta' servizzi u tal-vjaġġaturi għal negozju, u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali;(iii)  l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tkun ippreservata;

(iv) l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-QĠUE bħala l-organu finali responsabbli mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f'dan ir-rigward ikunu salvagwardjati;

(v) tkompli l-adeżjoni mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif definiti b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-KEDB u fil-protokolli tagħha, fil-Karta Soċjali Ewropea, fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u fit-trattati internazzjonali l-oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt ifakkar b'mod partikolari li r-relazzjoni futura għandha tkun subordinata għall-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jirrispetta l-qafas tal-KEDB;

(vi) kundizzjonijiet ekwivalenti, anki għall-impriżi, li jiżguraw standards ekwivalenti għoljin fil-politiki soċjali, tax-xogħol, ambjentali, tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tat-tassazzjoni, tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, inkluż permezz ta' qafas robust u komprensiv dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Tali kundizzjonijiet ekwivalenti għandhom ikunu garantiti permezz ta' mekkaniżmi effikaċi ta' soluzzjoni tat-tilwim u ta' infurzar, anki fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar, b'mod partikolari, li kwalunkwe ftehim futur għandu jkun subordinat għar-rispett tal-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-"Ftehim ta' Pariġi");

(vii) jitħarsu l-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju skont liema l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rrettifikata f'ras il-għajn u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas";

(viii) il-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu salvagwardjati, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, u jinżamm il-bilanċ globali ta' dawn ir-relazzjonijiet;

(ix) l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati;

(x) ikun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi, fejn ikunu xierqa, kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti;

(xi) il-garanzija ta' eżitu li jkun xieraq u ġust għall-Istati Membri kollha u fl-aħjar interessi taċ-ċittadini tagħna;

9. Jissottolinja li l-Kap Negozjatur tal-UE jgawdi mis-sostenn sħiħ u sod tal-Parlament sabiex jinsisti li garanziji ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni huma element kruċjali ta' kwalunkwe ftehim mar-Renju Unit, peress li dawn la huma dogmatiżmu u lanqas ideoloġija min-naħa tal-UE iżda prerekwiżit għall-istabbiliment ta' sħubija ambizzjuża u bbilanċjata mar-Renju Unit u sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tas-suq intern u tal-kumpaniji tal-UE, kif ukoll sabiex jinżammu u jiġu żviluppati fil-futur livelli għoljin ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumatur;

10. Jirrispetta bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, is-sovranità tar-Renju Unit, li l-UE ma għandha l-ebda intenzjoni li xxekkel fin-negozjati attwali; ifakkar, madankollu, li r-Renju Unit qatt mhu se jkun ugwali għall-pajjiżi terzi l-oħra minħabba l-istatus tiegħu bħala ex Stat Membru tal-UE, l-allinjament regolatorju attwali komplut, u l-volum sinifikanti ta' kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, kif ukoll il-prossimità ġeografika tiegħu mal-UE, li lkoll jispjegaw il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet b'saħħithom u robusti dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-ftehim;

11. Jissottolinja li l-UE għandha tissokta bl-isforzi u bl-impenn tagħha li tinnegozja ftehim hekk kif dejjem indikat fid-Dikjarazzjoni Politika u fid-direttivi ta' negozjati, fuq il-partijiet li ġejjin: il-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u l-oqsma tematiċi ta' kooperazzjoni bħall-kooperazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli; jitlob approċċ pragmatiku raġonevoli fuq iż-żewġ naħat;

12. Jenfasizza l-importanza li nkunu ppreparati bis-sħiħ għall-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern u mill-unjoni doganali fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, indipendentement mill-eżitu tan-negozjati; jisħaq fuq il-fatt li l-konsegwenzi se jkunu saħansitra aktar sinifikanti f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim; jissottolinja, iżda, li l-UE lesta għaż-żewġ xenarji;

13. Jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-"avviżi ta' tħejjija" tal-Kummissjoni, speċifiċi għal kull settur, li jimmiraw li jiżguraw li l-industrija tal-UE tkun ippreparata għall-iskoss inevitabbli kkawżat mill-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jinfurmaw bis-sħiħ liċ-ċittadini u lill-impriżi tal-UE dwar ir-riskji li l-perjodu ta' tranżizzjoni jista' jintemm qabel ma jintlaħaq ftehim, sabiex jippermettu preparazzjoni adegwata;

14. Jissottolinja l-importanza li jiġu intensifikati u ffinanzjati kif suppost l-miżuri ta' preparazzjoni u ta' kontinġenza sew qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, speċjalment f'każ ta' staġnar fin-negozjati; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri ta' kontinġenza għandhom ikunu temporanji u unilaterali;

15. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-direttivi ta' negozjati, li jipprevedu li Ġibiltà mhix se tkun inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-UE u r-Renju Unit, u li kwalunkwe ftehim separat se jkun jirrikjedi l-qbil minn qabel tar-Renju ta' Spanja;

16. Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar Ġibiltà rigward il-ħaddiema fruntaliera, it-tassazzjoni, l-ambjent u s-sajd; jistieden lill-Gvern Spanjol u lil dak tar-Renju Unit sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni neċessarja sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet;

17. Itenni li l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi l-possibbiltà li l-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' tranżizzjoni lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2020;

Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

18. Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ, ġuridikament vinkolanti, huwa l-istrument għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE li mhuwa suġġett għall-ebda rinegozjar u li l-uniku skop tal-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit huwa li jgħasses l-implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja li l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija prekundizzjoni tal-fiduċja, kif ukoll element fundamentali biex din tkun żgurata, li hija meħtieġa għall-konklużjoni b'suċċess ta' ftehim mar-Renju Unit u hija test bil-karta tat-tornasol tal-bona fede li r-Renju Unit impenja ruħu li jqiegħed fil-proċess tan-negozjati;

19. Jinsisti li jsir progress tanġibbli mill-aktar fis possibbli u b'garanziji sodi li r-Renju Unit se jimplimenta l-Ftehim dwar il-Ħruġ b'mod effettiv u fl-intier tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, jisħaq fuq il-fatt li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu huwa parti integrali tal-ħidma tal-Parlament u jtenni li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Parlament għandu jiġi infurmat bis-sħiħ u minnufih dwar id-diskussjonijiet kollha li jsiru u dwar id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt, u se jibqa' jkun għassa u jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn li kien ħa l-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-plenarja tal-Parlament fis-16 ta' April 2019 kif ukoll fl-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta' Jannar 2020; jistieden lill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt jinvolvu b'mod attiv liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-deliberazzjonijiet tagħhom;

20. Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi l-protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, inkluż għall-membri tal-familji tagħhom, li għandhom jingħataw l-informazzjoni neċessarja kollha fir-rigward ta' drittijiethom u tal-proċeduri li għandhom isegwu sabiex ikomplu jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fil-pajjiż ta' residenza tagħhom u lejh; ifakkar li ċ-ċittadini milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit jiddependu minn informazzjoni puntwali u affidabbli dwar id-drittijiet u l-istatus tagħhom u jħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lir-Renju Unit jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni.

21. Itenni li d-drittijiet taċ-ċittadini se jibqgħu jingħataw prijorità assoluta u huwa ddeterminat li jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu garantiti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, kemm għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit kif ukoll għall-familji tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit iħabirku biex jintlaħaq livell għoli ta' drittijiet tal-mobilità fil-ftehim futur; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-Renju Unit s'issa ftit wera ambizzjoni fir-rigward tal-mobilità taċ-ċittadini, li r-Renju Unit u ċ-ċittadini tiegħu bbenefikaw minnha fil-passat;

22. Jesprimi tħassib dwar rapporti li ċ-ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit ġew imċaħħda mill-benefiċċji soċjali fir-Renju Unit minħabba ostakli burokratiċi; jissottolinja li sitwazzjonijiet bħal dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni indebita u għandhom konsegwenzi sinifikanti, speċjalment fi żmien ta' inċertezza ekonomika u soċjali gravi;

23. Jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit qegħdin ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi sinifikanti biex jiksbu status ta' stabbilit, anki minħabba l-pandemija tal-COVID-19; iqis li l-għadd ta' każijiet li ngħataw status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit huwa sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-għadd ta' każijiet li ngħataw status ta' stabbilit; iħeġġeġ lill-Ministeru għall-Intern tar-Renju Unit juri flessibbiltà meta jiġi biex jaċċetta l-evidenza fornuta mill-applikanti rigward ir-residenza tagħhom fil-pajjiż għall-ħames snin rikjesti; jinsab imħasseb ukoll li l-applikanti mhi qed tinħarġilhom l-ebda prova fiżika tal-istatus li jkunu ngħataw;

24. Jitlob lill-partijiet jiżguraw l-implimentazzjoni stretta tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, billi din hija prekundizzjoni għall-konklużjoni b'suċċess tal-ftehim futur; ifakkar li l-Protokoll tfassal u ġie adottat biex jirrispetta l-proċess ta' paċi u jsostni l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u jiżgura l-assenza ta' fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda filwaqt li jipproteġi l-integrità tas-suq intern, u huwa kruċjali għall-impriżi, b'mod partikolari fis-settur agroalimentari, għall-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-ambjent u tal-bijodiversità; jissottolinja l-importanza tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-moviment liberu tas-servizzi fuq il-gżira tal-Irlanda sabiex tiġi limitata l-ħsara lill-ekonomija tal-gżira kollha u li din il-kwistjoni għandha tkun koperta fil-ftehim futur; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq;

25. Jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern tar-Renju Unit li wrew nuqqas ta' rieda politika għal konformità sħiħa mal-impenji ġuridiċi meħuda minnu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, jiġifieri rigward il-kontrolli fuq il-merkanzija fil-Baħar Irlandiż;

26. Ifakkar li l-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit għad irid jieħu deċiżjonijiet importanti dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

27. Jittama li jkun jista' jintlaħaq ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-arranġamenti istituzzjonali kollha, bħall-ħolqien ta' uffiċċju tekniku tal-Kummissjoni Ewropea f'Belfast minkejja ċ-ċaħda ripetuta espressa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit għall-ftuħ ta' uffiċċju bħal dan; jenfasizza li r-Renju Unit jeħtieġ li jippreżenta skeda ta' żmien dettaljata u jipproċedi bil-miżuri meħtieġa, bħall-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-kodiċi doganali tal-Unjoni u l-introduzzjoni ta' proċeduri doganali għal oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq mir-Renju Unit, u jiżgura li l-kontrolli kollha meħtieġa tal-SPS kif ukoll kontrolli regolatorji oħra jistgħu jitwettqu fir-rigward ta' oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq minn barra l-UE, li huwa wkoll meħtieġ biex tinħoloq ċarezza għan-negozji; 

28. Jissottolinja l-importanza ta' regoli ġuridiċi ċari, implimentazzjoni trasparenti u mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll biex jiġu evitati riskji sistemiċi ta' frodi doganali u tal-VAT, traffikar (kuntrabandu) jew abbuż ieħor frawdolenti ta' qafas legali potenzjalment mhux ċar, inkluż mir-riskju miżjud ta' dikjarazzjonijiet ta' oriġini u ta' prodotti ħżiena mhux maħsuba għas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifiki u kontrolli effiċjenti u tirrapporta lura b'mod regolari lill-Parlament rigward is-sitwazzjoni ta' kontroll fil-fruntieri;

29. Josserva li l-kliem merkanzija "f'riskju li sussegwentement tiddaħħal fl-Unjoni" użat fl-Artikolu 5 ta' dak il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jiddependi minn deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jieħu sussegwentement, u jinsisti li deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu taħt l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew; jitlob li jiġi infurmat bis-sħiħ dwar l-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu u kull proposta għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu, bħall-istabbiliment tal-kriterji speċifiċi biex merkanzija titqies "f'riskju", jew dwar l-emenda ta' xi waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu;

30. Ifakkar li fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa obbligat jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-finanzjament tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) li jipparteċipa fihom;

31. Jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit jeħtieġlu jimplimenta l-miżuri restrittivi u s-sanzjonijiet preeżistenti kollha tal-UE u dawk eventwalment deċiżi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, jeħtieġlu jappoġġa d-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jipparteċipa fuq bażi ta' każ b'każ fl-operazzjonijiet militari u fil-missjonijiet ċivili tal-UE stabbiliti fil-qafas tal-PSDK, iżda mingħajr ebda kapaċità ta' tmexxija fi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni ġdid, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-UE fit-teħid ta' deċiżjonijiet u d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż dwar l-akkwist u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża; jafferma li din il-kooperazzjoni hija subordinata għall-konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-drittijiet fundamentali tal-UE;

Sħubija ekonomika

Kummerċ

32. Jieħu nota li r-Renju Unit għażel li jistabbilixxi s-sħubija ekonomika u kummerċjali futura tiegħu mal-UE abbażi ta' "Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Komprensiv" kif stabbilit fid-dokument ippubblikat mill-Gvern tar-Renju Unit fis-27 ta' Frar 2020 bit-titlu "The Future Relationship with the EU – the UK's Approach to Negotiations" (Ir-Relazzjoni Futura mar-Renju Unit – l-approċċ tar-Renju Unit għan-Negozjati); jenfasizza li, filwaqt li l-Parlament jappoġġa lill-UE f'negozjati kostruttivi għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (Free Trade Agreement - FTA) ibbilanċjat, ambizzjuż u komprensiv mar-Renju Unit, in-natura stess tal-FTA qatt mhi se tkun ekwivalenti għall-kummerċ "bla xkiel"; jikkondividi l-pożizzjoni stabbilita fid-direttivi tan-negozjati, li ġiet adottata b'mod konġunt mis-27 Stat Membru, li l-kamp ta' applikazzjoni u l-ambizzjoni ta' FTA li l-UE tista' taqbel dwaru huma subordinati u jrid ikollhom rabta diretta ma' qbil, minn naħa tar-Renju Unit, dwar dispożizzjonijiet komprensivi, vinkolanti u infurzabbli b'rabta mal-kundizzjonijiet ekwivalenti, fid-dawl tad-daqs, il-prossimità ġeografika, l-interdipendenza u l-konnessjoni ekonomiċi, l-integrazzjoni tas-swieq, kif ukoll il-konklużjoni ta' ftehim sodisfaċenti dwar is-sajd; itenni mill ġdid li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit jekk dan ma jinkludix ftehim dwar is-sajd komplut, ibbilanċjat u fit-tul, li jippermetti l-kontinwazzjoni b'kundizzjonijiet ottimali tal-aċċess eżistenti għall-ibħra, għar-riżorsi u għas-swieq skont il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u li dan jiġi adottat qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

33. Jinnota li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tar-Renju Unit li għandu jittieħed spunt mill-preċedenti eżistenti, ħafna proposti fl-abbozz tal-proposti leġiżlattivi tar-Renju Unit imorru ferm lil hinn minn dak li ġie nnegozjat mill-UE f'FTAs oħrajn ma' pajjiżi terzi fi snin reċenti, pereżempju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-ekwivalenza tar-reġim tal-SPS, jew tal-akkumulazzjoni tar-regoli ta' oriġini; jappoġġa s-sistema ta' akkumulazzjoni bilaterali, li hija l-aktar waħda xierqa, billi tinvolvi appoġġ għall-integrazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, u mhux mal-pajjiżi terzi li magħhom l-UE kkonkludiet FTAs, u għandu jiġi previst mekkaniżmu ad hoc kontra r-riskji ta' "swap"[14];

34. Jiddispjaċih ferm, f'dan ir-rigward, li r-Renju Unit s'issa rrifjuta li jieħu azzjoni, minkejja l-impenn tiegħu meħud fid-Dikjarazzjoni Politika, pereżempju dwar l-akkwist pubbliku, it-trasport marittimu kif ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi futuri (IĠ), speċjalment billi r-Renju Unit tabilħaqq inkluda wħud minn dawn it-temi fil-mandati ta' negozjar tiegħu mal-Istati Uniti u mal-Ġappun; barra minn hekk jiddispjaċih ukoll, li r-Renju Unit għadu ma ressaqx proposta dwar l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

 35. Ifakkar li l-impenn kontinwu kondiviż biex jintlaħaq l-objettiv ta' kwoti żero u tariffi żero fid-dawl tar-relazzjoni kummerċjali, għadu kundizzjoni essenzjali għall-konklużjoni puntwali ta' ftehim fi kronoloġija ta' żmien tassew impenjattiva li ħadd ħlief ir-Renju Unit stess ma impona fuq dawn in-negozjati, speċjalment billi l-esperjenza fl-imgħoddi wriet b'mod ċar li n-negozjar tal-linji tariffarji jista' jieħu diversi snin; jesprimi tħassib dwar l-intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jitbiegħed minn dak l-objettiv; jenfasizza li probabbilment il-prodotti agrikoli se jkunu l-aktar affettwati, billi l-bqija tal-linji tariffarji li għalihom m'hemmx prevista tariffa żero fl-FTAs, normalment jaffettwaw lil dan is-settur; itenni, f'dan ir-rigward, li irrispettivament minn jekk jitneħħewx 100 % jew anqas mil-linji tariffarji, dan mhux se jbiddel it-talba tal-UE għal kundizzjonijiet ekwivalenti robusti; itenni li d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti, maż-żmien, iridu jżommu standards ambjentali, soċjali u tal-impjiegi fil-livelli għoljin, abbażi ta' standards tal-UE u internazzjonali xierqa u rilevanti, u jinkludu wkoll mekkaniżmi xierqa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva domestikament, u qafas robust u komprensiv għall-kompetizzjoni u għall-kontroll tal-għajnuna mill-istat li jipprevjeni distorsjoni mhux dovuta tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni minflok ma jsir riferiment għas-sussidji biss, kif sfortunatament jagħmel ir-Renju Unit;

 36. Iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex taħtaf il-momentum ikkawżat minn dawn in-negozjati ħalli ttejjeb il-kompetittività għall-kumpaniji u l-SMEs Ewropej; jisħaq li l-Ftehim għandu jkollu l-għan li jippermetti l-aċċess għas-suq u l-iffaċilitar tal-kummerċ malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi mminimizzat it-tfixkil fil-kummerċ; iħeġġeġ lill-Partijiet jistabbilixxu punti ta' kuntatt tal-SMEs u jitlob li jkun hemm qafas legali stabbli, trasparenti u prevedibbli li ma jimponix piż sproporzjonat fuq l-SMEs;

37. Jenfasizza li biex FTA jippromwovi verament l-interessi tal-UE, in-negozjati għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-objettivi li ġejjin kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar, b'mod partikolari l-paragrafu 14 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tiegħu għadhom kompletament validi; barra minn hekk, jenfasizza li għandu jkun kopert dan li ġej:

(i) aċċess għas-suq li jkun ta' benefiċċju għat-tnejn fejn jidħlu prodotti, servizzi, l-akkwist pubbliku, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali kif ukoll ir-regoli tal-prodotti; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' ktajjen tal-valur stabbli, affidabbli u sostenibbli;  

(ii) il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għal klawżoli ta' salvagwardja biex jipproteġu l-integrità u l-istabbiltà tas-suq intern tal-UE bħal pereżempju minn żidiet mhux mistennija fl-importazzjoni, frodi u ċirkomvenzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali; 

(iii) l-impenji rigward miżuri anti-dumping u miżuri kompensatorji għandhom imorru lil hinn mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'dan il-qasam, kif xieraq, u mill-impenji u l-possibbiltajiet ta' infurzar dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat;

(iv) ir-regoli dwar l-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ diġitali għandhom jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, inklużi rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data, jeħtieġ li jippreservaw l-awtonomija regolatorja tal-UE, u jiżguraw ambjent online miftuħ, sigur u affidabbli għan-negozji u l-konsumaturi, dment li l-bejjiegħa online tar-Renju Unit jikkonformaw mar-regoli rilevanti tas-suq intern u dment li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi ;

(v)  kull miżura SPS għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tar-riskju, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' prekawzjoni;

(vi) il-protezzjoni tal-IĠ mnaqqxa fil-Ftehim dwar il-Ħruġ mhijiex negozjabbli; il-ftehim futur għandu wkoll jipproteġi u jżomm l-IĠ irreġistrati wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

(vii) għandu jinkludi konċessjonijiet prudenzjali sodi biex jiġu garantiti ġuridikament id-drittijiet taż-żewġ partijiet li jirregolaw, fl-interess pubbliku;

(viii) ifakkar li għandhom jiġu meqjusa l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għal azzjonijiet tal-UE li jipproteġu u javvanzaw ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija, pereżempju f'termini ta' miżuri li jiġġieldu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

(ix)  sħubija li tikseb l-għanijiet fuq medda twila ta' żmien;

(x) jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu t-tħejjijiet u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għall-possibbiltà ta' skadenza tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mingħajr qbil fuq ir-relazzjonijiet futuri, u b'mod partikolari r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021, inklużi miżuri ta' kontinġenza sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun id-dannu għall-ħaddiema u għall-impriżi affettwati;

(xi) jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tnaqqas l-impatt fuq is-sħab kummerċjali tal-pajjiżi terzi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim mal-Gran Brittanja, billi l-importazzjonijiet Brittaniċi jista' jkun li kienu jikkostitwixxu sehem imdaqqas mill-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni Ewropea;

Kundizzjonijiet ekwivalenti

38. Jesprimi dispjaċir dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fin-negozjati mal-UE li sal-lum għadu ma impenjax ruħu f'negozjati dettaljati rigward il-kundizzjonijiet ekwivalenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-pożizzjoni ma tirriflettix il-paragrafu 77 tad-Dikjarazzjoni Politika ffirmata kemm mill-UE kif ukoll mir-Renju Unit; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Gvern tar-Renju Unit jirrevedi b'mod urġenti l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu u jimpenja ruħu b'mod kostruttiv fin-negozjati dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti billi hija kundizzjoni neċessarja biex il-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim kummerċjali mar-Renju Unit;

39. Itenni li, minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika tar-Renju Unit mal-UE, l-estensjoni u l-profondità tal-Ftehim fir-rigward ta' kundizzjonijiet ekwivalenti se jkunu essenzjali biex tiġi ddeterminata l-firxa tar-relazzjoni futura ġenerali bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis, għaldaqstant, li l-kundizzjonijiet ekwivalenti li huma xierqa għal-livell ta' ambizzjoni u liberalizzazzjoni tal-Ftehim għall-konverġenza regolatorja f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika trid tkun prevista u l-istandards tal-UE iridu jkunu ssalvagwardjati biex tkun evitata "ġirja lejn l-aktar livell baxx" kif ukoll miżuri li għandhom effett dannuż mhux ġustifikat u sproporzjonat fuq il-flussi kummerċjali, fil-perspettiva ta' allinjament dinamiku; inkluż għall-għajnuna mill-istat; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-Renju Unit ma jiksibx vantaġġ kompetittiv inġust permezz tat-twaqqigħ tal-livelli ta' protezzjoni u biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju min-naħa tal-operaturi tas-suq;

40. Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jimpedixxi kull tip ta' "dumping" fil-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit; jirrimarka li riżultat ewlieni tan-negozjati huwa li jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti sabiex jiġu ppreservati l-kompetittività, standards soċjali u ta' sostenibbiltà għoljin, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fil-futur permezz ta' impenji robusti, dispożizzjonijiet infurzabbli u klawżoli ta' nuqqas ta' rigressjoni, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament dinamiku dwar:

(i)  il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, u kull miżura regolatorja oħra ġenerali jew speċifika għas-settur, li għandhom jipprevjenu distorsjoni indebita tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni u jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-impriżi statali, inkluż dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' appoġġ għall-produzzjoni agrikola;

(ii)  il-kwistjonijiet rilevanti tat-taxxa, inklużi l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll is-servizzi finanzjarji;

(iii)  ir-rispett sħiħ tal-istandards soċjali u tax-xogħol tal-mudell soċjali tal-UE (inklużi livelli ekwivalenti ta' protezzjoni u salvagwardja kontra d-dumping soċjali), tal-anqas fil-livelli għoljin attwali mogħtija mill-istandards komuni eżistenti;

(iv)  il-protezzjoni ambjentali u l-istandards relatati mat-tibdil fil-klima, inkluż impenn biex ikompli jiġi implimentat b'mod effettiv il-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll il-promozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

(v)  livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi, inkluża l-kwalità sanitarja tal-prodotti fis-settur tal-ikel;

(vi)  l-iżvilupp sostenibbli;

 41. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-istandards ma jitbaxxewx, filwaqt li jagħtu s-setgħa lill-UE u lir-Renju Unit biex jimmodifikaw l-impenji maż-żmien ħalli jistabbilixxu standards ogħla jew jinkludu oqsma addizzjonali, fir-rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità; jenfasizza, barra minn hekk, li l-impenji u d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu infurzabbli permezz ta' miżuri provviżorji awtonomi, mekkaniżmu sod għas-soluzzjoni tat-tilwim li jkopri l-oqsma u r-rimedji kollha, inkluża s-sorveljanza ġuridika, biex l-UE tingħata l-kapaċità li tadotta sanzjonijiet bħala l-aħħar soluzzjoni, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli fil-perspettiva ta' allinjament dinamiku; jissottolinja li kundizzjonijiet ekwivalenti jirrikjedu mekkaniżmu orizzontali, bħall-qafas ta' governanza ġenerali li jkopri l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni;

42. Jenfasizza b'mod partikolari l-klawżoli ta' nonregressjoni fl-oqsma li ġejjin: (i) id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol; (ii) l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; (iii) kundizzjonijiet tax-xogħol u standards tal-impjieg ġusti; (iv) id-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni fil-livell tal-kumpaniji; u (v) ir-ristrutturar;

43. Iqis li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, u l-kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa għandhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tas-sħubija prevista; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew billi għamlet ir-rispett lejn l-Ftehim ta' Pariġi element essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali komprensivi futuri kollha;

44. Jisħaq li "klawżola ratchet" għal-livelli futuri ta' protezzjoni mhijiex biżżejjed, billi ma tipprevedix kundizzjonijiet ekwivalenti jew inċentivi biex jogħlew il-livelli ta' ambizzjoni, u jqis li jekk parti waħda (jiġifieri l-UE jew ir-Renju Unit) iżżid il-livell tagħha ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali, il-parti l-oħra għandha tiżgura li l-istandards u l-miri tagħha joffru mill-inqas livell ekwivalenti ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali;

 45. Jemmen bis-sħiħ li r-Renju Unit għandu jaderixxi mal-istandards li qed jevolvu dwar it-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan l-acquis tal-UE kif ukoll fid-dinja kollha, inkluż it-trasparenza fiskali, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa u l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, sabiex tiġi ggarantita kooperazzjoni reċiproka siewja u bbażata fuq il-fiduċja, u għandu jindirizza s-sitwazzjonijiet rispettivi tat-Territorji Extra-Ewropej tiegħu, iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tiegħu u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu u n-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-kriterji tal-governanza tajba u r-rekwiżiti tat-trasparenza tal-UE, b'mod partikolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa, it-trasparenza fiskali, il-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa u dwar l-istandards tal-OECD kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferimenti tal-Profitt; jappella, barra minn hekk, li l-UE u r-Renju Unit jirrispettaw l-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; ifakkar, fir-rigward ta' Ġibiltà, fid-direttivi ta' negozjati u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-abbozz tat-test ġuridiku tal-UE;

46. Itenni l-ħtieġa li jinżammu standards għoljin, traċċabbiltà ċara, servizzi ta' spezzjoni ta' kwalità għolja u kundizzjonijiet ekwivalenti fl-oqsma tal-prodotti mediċinali, l-apparat mediku, is-sikurezza u t-tikkettar tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-benessri u l-kura veterinarja tal-annimali, l-SPS u l-politiki u l-istandards ambjentali;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-prinċipji u l-istrumenti eżistenti u futuri fil-qafas tal-politiki soċjali, ambjentali u klimatiċi tal-UE (pereżempju l-miżuri anti-dumping, il-politika industrijali Ewropea, il-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja, it-tassonomija tal-UE għal investiment sostenibbli, il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti", il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji) ma jistgħux jiġu ġuridikament ikkontestati fil-qafas tal-FTA bejn l-UE u r-Renju Unit u fil-ftehimiet kummerċjali futuri;

Kwistjonijiet settorjali speċifiċi u kooperazzjoni tematika

Is-suq intern

48. Jisħaq li l-aċċess għas-suq intern tal-UE jeħtieġ, bħala prekundizzjoni, konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mas-suq intern;

49. Jissottolinja li l-allinjament regolatorju dinamiku u d-dispożizzjonijiet li jiżguraw sorveljanza tas-suq robusta li jgħinu fl-infurzar tar-regoli dwar il-prodotti, inklużi dawk dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-prodotti, u jiżguraw ċertezza ġudizzjarja għan-negozji tal-UE flimkien ma' livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE, għandhom ikunu parti essenzjali, u li ma tistax tiġi sostitwita, ta' kull ftehim futur li għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti;

50. Ifakkar li fi kwalunkwe każ, ftehim ġdid se jwassal għal verifiki u kontrolli doganali qabel ma l-prodotti jidħlu fis-suq intern u jinsisti li s-salvagwardja tal-konformità tal-prodotti mar-regoli tas-suq intern hija tal-akbar importanza;

51. Jissottolinja l-importanza li tinżamm kooperazzjoni mill-qrib u strutturata fi kwistjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, b'rispett għar-reġim regolatorju tal-UE u tal-awtonomija tagħha fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

52.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati arranġamenti reċiproċi għar-rikonoxximent ta' kwalifiki u diplomi u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet u b'mod partikolari lill-korpi u l-awtoritajiet professjonali biex jiżviluppaw u jipprovdu aktar rakkomandazzjonijiet konġunti dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Kunsill ta' Sħubija;

Is-Servizzi finanzjarji

53. Huwa tal-opinjoni li l-ftehim futur għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji tar-Renju Unit sabiex jitrawwem l-allinjament regolatorju, jiġu kondiviżi t-tħassib superviżorju u l-aħjar prattiki, kif ukoll biex jiġi żgurat livell ta' kooperazzjoni bla xkiel u jinżammu swieq kapitali integrati;

54. Ifakkar li d-drittijiet ta' passaportar, li huma bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku, ir-regoli prudenzjali armonizzati u l-konverġenza superviżorja fis-suq intern, se jieqfu japplikaw bejn l-UE u r-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, billi r-Renju Unit se jsir pajjiż terz; jissottolinja li, minn hemm 'il quddiem, l-aċċess għas-suq finanzjarju tal-UE irid ikun ibbażat fuq il-qafas ta' ekwivalenza awtonomu tal-UE; ifakkar, madankollu, fil-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ekwivalenza;

55. Jenfasizza li se ssir valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-regolamenti finanzjarji tar-Renju Unit mill-Kummissjoni u li tali ekwivalenza tista' tingħata biss b'rispett sħiħ għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, u jekk ir-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tar-Renju Unit ikunu kompletament ekwivalenti għal dawk tal-UE; jitlob li din il-valutazzjoni ssir kemm jista' jkun malajr biex jiġi ssodisfat l-impenn tad-Dikjarazzjoni Politika; ifakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment l-istatus ta' ekwivalenti fi kwalunkwe ħin;

56. Ifakkar li ammont sostanzjali ta' derivati iddenominati f'euro huma kklerjati fir-Renju Unit, u dan potenzjalment jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-istabbiltà finanzjarja għall-UE;

Id-dwana

57. Jinnota l-intenzjoni tar-Renju Unit li ma tfittix il-kontinwazzjoni tal-istatus attwali tagħha fir-rigward tas-suq intern u l-unjoni doganali; jissottolinja l-importanza li tinżamm l-integrità tal-unjoni doganali u l-proċeduri tagħha, li jiggarantixxu s-sikurezza u l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-interessi ekonomiċi tal-UE u l-intrapriżi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment akbar fil-faċilitajiet ta' kontroll doganali fil-punti ta' tranżitu komuni fil-fruntieri komuni u, fejn rilevanti u xieraq, aktar koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma' xulxin kif ukoll l-inklużjoni tal-possibbiltà ta' uffiċċju permanenti tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq li jkun jitttratta l-konformità mad-dwana;

58. Jissottolinja li kull ftehim futur għandu jistabbilixxi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni doganali komprensivi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier kif ukoll mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq; jitlob, barra minn hekk, lill-partijiet biex, fejn rilevanti u xieraq, jistinkaw ħalli jissimplifikaw ir-rekwiżiti u l-formalitajiet tal-proċeduri doganali għall-kummerċjanti jew l-operaturi, inkluż għall-SMEs;

59. Jissottolinja li l-UE u r-Renju Unit għandhom jistinkaw biex iżommu livell għoli ta' konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki doganali tagħhom bil-għan li jiġu żgurati kontrolli doganali u kklerjar effettivi, infurzar tal-leġiżlazzjoni doganali u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet b'kapaċità ta' rkupru ta' taxxi u dazji żejda, kif ukoll miżuri ta' salvagwardja għal ksur sistematiku tal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli;

60. Jenfasizza li huwa ferm mixtieq li r-Renju Unit iżomm il-klassifikazzjoni attwali tal-prodotti abbażi tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) sabiex il-proċeduri jibqgħu simplifikati u jitnaqqas il-piż regolatorju;

Il-politika tal-konsumatur

61. Jisħaq li l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet taċ-ċittadini skont l-acquis tal-UE iridu jiġu ppreservati miż-żewġ partijiet fi kwalunkwe ftehim futur; jemmen li l-Ftehim għandu jiżgura valur miżjud għall-konsumaturi tal-UE billi jipprovdi l-aħjar qafas għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u għall-infurzar tal-obbligi tan-negozjanti;

62.  Iqis li huwa importanti ħafna li tiġi ggarantita s-sikurezza tal-prodotti importati mir-Renju Unit b'mod li dawn ikunu jikkorrispondu għall-istandards tal-UE;

63. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni regolatorja u amministrattiva akkumpanjati, fejn rilevanti u xieraq, minn sorveljanza parlamentari u impenji ta' nonrigressjoni, sabiex jiġu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji u jiġu segwiti objettivi ta' interess pubbliku, biex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi tal-UE inkluż biex jiġi żgurat ambjent sigur u affidabbli għall-konsumaturi u għan-negozji online, kif ukoll biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti.

Sajd

64. Itenni li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim komprensiv bejn l-UE u r-Renju Unit jekk dan ma jinkludix ftehim dwar is-sajd u l-kwistjonijiet relatati mas-sajd li jkun komplut, ibbilanċjat u fit-tul, u li jippermetti l-kontinwazzjoni b'kundizzjonijiet ottimali ta' aċċess għall-ilmijiet, ir-riżorsi u s-swieq tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-attivitajiet tas-sajd eżistenti;

65. Ifakkar li l-akbar benefiċċju għaż-żewġ naħat se jinkiseb permezz tal-protezzjoni tal-ekosistemi kondiviżi u l-ġestjoni sostenibbli tal-isfruttament tagħhom, billi jinżamm l-aċċess reċiproku eżistenti għall-ilmijiet u għar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li jinżammu l-attivitajiet tas-sajd eżistenti, kif ukoll billi jiġu definiti prinċipji u regoli komuni, koerenti, ċari u stabbli li jipermettu l-aċċess reċiproku miftuħ għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għas-swieq, mingħajr ma jiġu kkawżati tensjonijiet ekonomiċi jew soċjali minħabba kompetizzjoni żbilanċjata; Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' qafas ta' governanza li jħaddan kollox biex jiġi żgurat li kull ksur ta' dispożizzjonijiet li jikkonċerna l-aċċess reċiproku għall-ilmijiet u r-riżorsi jista' jkun soġġett għal sanzjonijiet, inkluż is-sospensjoni ta' tariffi preferenzjali għall-merkanzija tar-Renju Unit fis-suq tal-UE;

66. Jenfasizza l-ħtieġa li fil-Ftehim jiġu inklużi l-perċentwali ta' distribuzzjoni li bħalissa qed jiġu applikati għall-istokkijiet li għandhom jinqasmu bejn iż-żewġ partijiet fl-Anness FISH-2 (Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd), f'konformità mal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva fis-seħħ;

67. Jistieden lill-partijiet iżommu l-ishma tal-kwoti eżistenti u d-distribuzzjoni stabbli u kostanti tad-drittijiet tas-sajd; jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni fit-tul tar-riżorsi abbażi tal-konformità mal-prinċipji tal-PKS li s'issa kkontribwew għat-titjib tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut għall-benefiċċju tal-flotot kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit;

68. Jenfasizza li l-Ftehim irid jiżgura li l-miżuri tekniċi jew iż-żoni protetti tal-baħar ikunu reċiproki, nondiskriminatorji u proporzjonati u ma jikkostitwixxux mod de facto ta' esklużjoni tal-bastimenti tal-UE mill-ilmijiet tar-Renju Unit; jinsisti li l-Ftehim ma jistax iwassal għal tnaqqis fl-istandards ambjentali u soċjali tal-UE;

69. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolati (IUU) fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit;

70. Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni xierqa, ta' approċċ xjentifiku komuni u ta' garanziji li r-Renju Unit ser ikompli jikkontribwixxi għall-ġbir ta' data u l-valutazzjoni xjentifika tal-istokkijiet bħala bażi għal deċiżjonijiet futuri għall-ġestjoni ta' attivitajiet tas-sajd konġunti fil-baċiri tal-baħar kollha li jaqsmu bejniethom; iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit ikomplu bil-kooperazzjoni attiva u leali tagħhom fi kwistjonijiet ta' kontroll tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

Drittijiet taċ-ċittadini u moviment liberu ta' persuni

71. Jinnota b'dispjaċir li r-Renju Unit iddeċieda li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u r-Renju Unit mhux ser jibqa' japplika wara l-perjodu ta' tranżizzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li s-sħubija futura tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-moviment tal-persuni, abbażi ta' reċiproċità sħiħa u nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri; itenni l-fatt li l-aċċess tar-Renju Unit għas-suq intern jeħtieġ li jkun proporzjonat mal-impenji li jieħu biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-persuni; jenfasizza li s-sistema tal-qsim tal-fruntieri ma għandhiex tikkawża ostaklu amministrattiv jew finanzjarju eċċessiv;

72. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tat-tfal minn familji mħallta fejn ġenitur wieħed biss huwa ċittadin tal-UE, u li jiġu provduti l-mekkaniżmi legali xierqa għas-soluzzjoni ta' tilwimiet bejn il-ġenituri, pereżempju fil-każ ta' divorzju;

73. Iqis li l-ftehimiet ta' mobilità, inkluż l-ivvjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra, għandhom ikunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reċiproċità sħiħa u għandhom jinkludu l-acquis tal-UE dwar il-mobilità, ir-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

74. Iqis li l-kodifikazzjoni ulterjuri tad-drittijiet taċ-ċittadini permezz ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti trid tikkostitwixxi parti intrinsika tat-test ta' ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis li dan irid jinkludi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema transfruntiera, li l-libertà ta' moviment tagħhom għandha tkun garantita, u msejsa fuq in-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għal regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza għal skopijiet ta' riċerka, studju, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' studenti jew proġetti edukattivi, au pairing u servizz volontarju fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jeħtieġ li dawn ikunu parti mill-ftehim futur u ma jitħallewx għal regolamentazzjoni domestika; ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 uriet id-dipendenza ta' setturi vitali fir-Renju Unit, bħas-saħħa pubblika jew l-agrikoltura, fuq ħaddiema mill-UE, inkluża l-forza tax-xogħol staġonali;

Forza tax-xogħol, mobilità u koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

75. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit għadu ma ssodisfax l-impenn tiegħu li jattwa Liġi ġdida dwar l-Impjiegi u jħeġġeġ lir-Renju Unit biex jagħmel dan qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward speċjalment għall-atti leġiżlattivi tal-UE li ġew adottati reċentement u li l-iskadenzi ta' traspożizzjoni tagħhom huma matul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq l-importanza kbira li tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza fejn id-drittijiet tal-ħaddiema la huma protetti minn liġi eżistenti tal-Unjoni u lanqas mill-Liġi dwar l-Impjiegi tar-Renju Unit;

76. Ifakkar fl-importanza li jinżammu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali eżistenti u futuri tal-persuni affettwati, fid-dimensjonijiet kollha; jistieden lin-negozjaturi tal-Ftehim jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jagħtu prijorità lid-drittijiet ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u jipprovdu għall-applikazzjoni kontinwa tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fil-kapitoli kollha;

77. Jiddispjaċih, madankollu, li ma hemm previst ebda dispożizzjoni speċjali rigward il-benefiċċji tal-qgħad għall-ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit jeżaminaw dispożizzjonijiet xierqa rigward il-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri;

78. Jisħaq fuq l-importanza ta' ftehim dinamiku dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim finali dwar il-mobilità tal-persuni jridu jinkludu drittijiet proporzjonati u robusti fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika;

Protezzjoni tad-data

79. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data kemm bħala dritt fundamentali kif ukoll bħala faċilitatur ewlieni għall-ekonomija diġitali; jinnota li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex il-Kummissjoni tiddikjara l-adegwatezza tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, hija jeħtiġilha turi li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni "essenzjalment ekwivalenti" għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi;

80. Ifakkar li l-Att tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi eżenzjoni ġenerali u mifruxa mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' immigrazzjoni; jinsab imħasseb li, meta d-data ta' ċittadini mhux tar-Renju Unit tiġi pproċessata fl-ambitu ta' din l-eżenzjoni, dawn mhumiex protetti bl-istess mod bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit u jkunu f'konflitt mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15]; huwa tal-fehma li l-qafas legali tar-Renju Unit dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjoni elettronika ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-acquis rilevanti tal-UE kif interpretat mill-QĠUE u, għalhekk, bħalissa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal adegwatezza;

81. Jissottolinja u jappoġġa l-fatt li s-sħubija futura tkun ibbażata fuq impenji li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni adegwata tad-data personali, li hija kundizzjoni neċessarja għall-kooperazzjoni prevista, u fuq is-sospensjoni awtomatika tal-ftehim ta' infurzar tal-liġi jekk ir-Renju Unit iħassar il-liġi domestika li tagħti effett lill-QEDB; jappella lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-qafas legali tar-Renju Unit meta tivvaluta l-adegwatezza tiegħu skont id-dritt tal-UE; jirrakkomanda li titqies il-ġurisprudenza tal-QĠUE f'dan il-qasam, bħall-Kawża Schrems, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QEDB;

82. Jieħu l-pożizzjoni li jekk ir-Renju Unit ma jiħux l-impenn espliċitu li jinforza l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mhux ser jaċċetta r-rwol tal-QĠUE, mhu ser ikun possibbli ebda ftehim dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materji kriminali; jiddispjaċih li s'issa r-Renju Unit irrifjuta li jagħti garanziji sodi dwar id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali u insista li jbaxxi l-istandards attwali u jiddevja mill-mekkaniżmi tal-protezzjoni tad-data li kien intlaħaq qbil dwarhom, inkluż bl-użu ta' sorveljanza tal-massa;

83. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-elementi msemmija hawn fuq meta tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas legali tar-Renju Unit fir-rigward tal-livell tal-protezzjoni tad-data personali, u tiżgura li r-Renju Unit ikun solva l-problemi identifikati f'din ir-riżoluzzjoni qabel ma possibbilment tiddikjara l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit bħala adegwata f'konformità mal-liġi tal-UE kif interpretata mill-QĠUE; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tfittex il-parir tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

Sigurtà, infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

84. Itenni li għandu jinkiseb progress tanġibbli fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali biex ikun jista' jintlaħaq qbil għal kooperazzjoni komprensiva u effiċjenti li jkun ta' benefiċċju reċiproku għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit;

85. Jopponi b'qawwa t-talba tar-Renju Unit li jirċievi aċċess dirett għas-sistemi tal-informazzjoni tad-data tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni; jenfasizza għal darb'oħra f'dan ir-rigward li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz mhux ta' Schengen, ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE; iwissi li kwalunkwe kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluża data personali, mar-Renju Unit għandha tkun soġġetta għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ta' protezzjoni tad-data personali ekwivalenti għal dak previst mid-dritt tal-UE;

86. Jindika l-leġiżlazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) tipprojbixxi b'mod espliċitu l-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-sistema u li, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-SIS; ifakkar li fil-5 ta' Marzu 2020 il-Kunsill ħareġ sett ta' rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw ksur serju fl-applikazzjoni tas-SIS mir-Renju Unit u li fit-tweġiba tar-Renju Unit ftit li xejn hemm intenzjoni li jiġu applikati dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bi ksur tad-dritt tal-UE; iqis li l-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għandha tkun ibbażata fuq fiduċja reċiproka; jissottolinja li ftehim fuq kooperazzjoni ta' dan it-tip jista' jintlaħaq biss jekk jiġu stabbiliti regoli dwar il-protezzjoni tad-data u jekk ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi sodi ta' infurzar;

87. Jirrimarka li l-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA mar-Renju Unit skont il-Qafas ta' Prüm tnieda biss fl-2019 u li l-Kunsill wasal biex jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tippermetti lir-Renju Unit jieħu sehem fi skambji awtomatizzati tad-data dattiloskopika; jindika, f'dan ir-rigward, li skont il-proċedura ta' konsultazzjoni speċjali għall-atti ta' dak li qabel kien it-tielet pilastru fit-13 ta'Mejju 2020, il-Parlament ċaħad l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill minħabba tħassib dwar reċiproċità sħiħa għall-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba', dwar garanziji tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll dwar iż-żmien qasir ħafna għall-applikazzjoni; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra b'attenzjoni l-argumenti tal-Parlament għaċ-ċaħda; ifakkar lin-negozjaturi li, jekk jiġi adottati, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw dawn l-iskambji awtomatizzati tad-data ser jiskadu fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ftehim f'waqtu dwar arranġamenti ġodda għar-relazzjoni futura, minħabba l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u organizzata u t-terroriżmu;

88. Jinsab imħasseb li l-mandat ta' negozjar tar-Renju Unit huwa nieqes mill-ambizzjoni f'oqsma importanti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; jemmen li l-UE u r-Renju Unit jistgħu isibu soluzzjoni li tippermetti livell ta' kooperazzjoni aktar ambizzjuż minn dak previst fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni;

Migrazzjoni, asil u ġestjoni tal-fruntieri

89. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq qbil fuq it-termini ta' kooperazzjoni rigward migrazzjoni ta' ċittadini mhux taż-żewġ partijiet, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana u tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli; itenni t-talba tiegħu li din il-kooperazzjoni jkun fiha, minn tal-anqas, arranġamenti li jsaħħu perkorsi sikuri u legali għall-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja;

90. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni qawwija bejn il-partijiet biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin tal-bnedmin u t-traffikar tal-bnedmin, f'konformità mad-dritt internazzjonali, li ser jibqa' applikabbli għall-fruntiera bejn l-UE u r-Renju Unit;

91. Jinsisti li r-Renju Unit ma jistax jagħżel dak li jaqbel lilu rigward l-elementi tal-acquis tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni li jixtieq iżomm;

92. Jisħaq għal darb'oħra fuq il-ħtieġa li jiġi adottat pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li jkun lest li jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

93. Bħala parti minn pjan bħal dan, u b'mod aktar ġenerali, il-Parlament ifakkar lin-negozjaturi dwar l-obbligu kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit li jipproteġu t-tfal kollha fit-territorju tagħhom u, skont il-Konvenzjoni 1989 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (il-UNCRC tistieden lill-Istati Membri biex, ladarba jsiru proposti konkreti mir-Renju Unit, jagħtu mandat lill-Kummissjoni ħalli tinnegozja pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għal dawk li jfittxu asil);

94. Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ koordinat mill-UE dwar dawn il-kwistjonijiet kollha, peress li hemm riskju li arranġamenti bilaterali bejn ir-Renju Unit u Stati Membri individwali dwar kwistjonijiet bħar-riunifikazzjoni tal-familja għar-rifuġjati jew għal dawk li jfittxu asil, u l-arranġamenti għar-rilokazzjoni jew ir-riammissjoni, ikollhom konsegwenzi negattivi għall-koerenza tal-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni; jappella lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit biex ifittxu li jinkiseb approċċ ibbilanċjat u kostruttiv f'dawn il-kwistjonijiet kollha;

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

95. Jappella lill-UE u lir-Renju Unit biex fil-ftehim ta' sħubija futur jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), kif ukoll mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li, fid-Dikjarazzjoni Politika, l-UE u r-Renju Unit ħadu impenn li jmorru lil hinn mill-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar l-AML/CFT fir-rigward tat-trasparenza ta' sjieda benefiċjarja u li jtemmu l-anonimat assoċjat mal-użu ta' muniti virtwali, inkluż bl-użu ta' kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-klijent;

96. Jappella lill-UE u lir-Renju Unit biex fil-ftehim għal sħubija ġdida jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-superviżjoni tal-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji marbuta b'obbligu, fil-kuntest tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus;

Kwistjonijiet fiskali

97. Jappella lill-UE u lir-Renju Unit jagħtu prijorità lill-ġlieda kkoordinata kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jappella lill-partijiet jindirizzaw il-prattiki dwar it-taxxa dannużi billi jfittxu li jdaħħlu fis-seħħ atti ta' kooperazzjoni fl-ambitu tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi; jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit huwa kklassifikat f'pożizzjoni għolja fir-rigward tal-indikaturi li jidentifikaw pajjiż bħala wieħed li għandu aspetti li jistgħu jintużaw minn kumpaniji għal finijiet ta' evitar t-taxxa; jappella biex il-ftehim futur jindirizza b'mod speċifiku din il-kwistjoni; jinnota li, fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit ser jibda jitqies bħala pajjiż terz u li ser ikollu jiġi kkontrollat mill-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi skont il-kriterji stabbiliti għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jappella lill-UE u lir-Renju Unit jiżguraw kooperazzjoni amministrattiva sħiħa biex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u mal-protezzjoni u l-irkupru tad-dħul mill-VAT;

Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u ħarsien tal-ambjent

98. Iqis li r-Renju Unit għandu jallinja ruħu kompletament mal-qafas ta' politika attwali u futur tal-UE dwar il-klima, inkluż l-objettivi riveduti għall-2030, l-objettivi għall-2040 u t-trajettorji biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050;

99. Iqis li r-Renju Unit għandu jimplimenta sistema ta' pprezzar tal-karbonju li mill-inqas ikollha l-istess ambitu u effikaċja bħal dik prevista mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) u għandu japplika l-istess prinċipji rigward l-użu ta' krediti esterni sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; iqis, barra minn hekk, li jekk ir-Renju Unit jitlob li l-iskema tiegħu għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tkun marbuta mal-EU ETS, biex tiġi kkunsidrata tali talba għandhom japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tar-Renju Unit ma għandhiex iddgħajjef l-integrità tal-EU ETS, b'mod partikolari l-bilanċ tagħha ta' drittijiet u obbligi, u għandha tirrifletti ż-żieda kontinwa fl-ambitu u l-eeffikaċja tal-EU ETS; jenfasizza li għandu jkun hemm sistema ta' pprezzar tal-karbonju diġà stabbilita u fis-seħħ qabel il-votazzjoni fil-Parlament dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Ftehim;

100. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-kwalità tal-arja u tal-ilma fir-Renju Unit minbarra l-adozzjoni tal-istandards u l-miri komuni; jenfasizza wkoll l-importanza li r-Renju Unit jimplimenta u jinforza l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet u dispożizzjonijiet oħra maqbula skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16] u jallinja b'mod dinamiku mad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17], inkluż l-aġġornamenti għad-Dokumenti ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli;

Saħħa pubblika

101. Jenfasizza li, jekk ir-Renju Unit ikun jixtieq jiġi inkluż fil-lista ta' pajjiżi bil-permess li jesportaw prodotti lejn l-UE li huma soġġetti għal miżuri SPS, ser ikollu jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE għal dawk il-prodotti, inklużi r-rekwiżiti relatati mal-proċessi ta' produzzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li r-regoli tal-oriġini, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti alimentari, għandhom ikunu kompletament konformi u li għandhom jiġu adottati regoli ċari fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-prodotti alimentari fir-Renju Unit biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti tal-UE, speċjalment fil-kuntest ta' FTAs possibbli bejn ir-Renju Unit u pajjiżi oħra;

102. Jisħaq li r-Renju Unit jeħtieġ ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; iqis li l-Partijiet għandhom jaspiraw li jnaqqsu l-użu u r-riskji tal-pestiċidi; jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żewġ Partijiet jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fil-produzzjoni tal-annimali u biex ikomplu jipprojbixxu l-użu tagħhom bħala promotur tat-tkabbir u jnaqqsu l-użu mhux xieraq jew mhux neċessarju mill-bniedem;

103. Jenfasizza l-importanza li jiġi evitat in-nuqqas ta' prodotti mediċinali u tagħmir mediku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati jiżguraw li l-proċess ta' ridistribuzzjoni ta' prodotti mediċinali awtorizzati fuq livell nazzjonali jiġi konkluż sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jappella lill-UE u lir-Renju Unit jikkooperaw fuq medda twila ta' żmien biex jipprevjenu u jidentifikaw it-theddid stabbilit u emerġenti għas-sigurtà tas-saħħa, u jħejju ruħhom u jirrispondu għal tali theddid; jappella, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u r-Renju Unit biex jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-pandemija tal-COVID-19; iqis li, jekk waħda mill-partijiet ma tiħux miżuri adegwati biex tindirizza theddida għas-saħħa, il-parti l-oħra tista' tadotta miżuri unilaterali biex tipproteġi s-saħħa pubblika;

 104.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi rrispettata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku, is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi, inklużi s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali, filwaqt li jiġi żgurat aċċess kontinwu għall-mediċini u l-apparat mediku u jissottolinja l-fatt li fi kwalunkwe każ, il-kumpaniji tar-Renju Unit jiġu soġġetti għall-istess obbligi li japplikaw għal kumpaniji barra miż-ŻEE: jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet sodi dwar il-miżuri SPS li jmorru lil hinn mill-ftehim tad-WTO biex jiġi protett is-suq intern tal-UE, b'mod partikolari l-konsumaturi, minn kwalunkwe riskju relatat mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' prodotti mar-Renju Unit;

Trasport

105. Jisħaq li s-sħubija prevista abbażi ta' rabtiet ekonomiċi mill-qrib u interessi komuni għandha tipprovdi konnettività kontinwa u bla xkiel għall-mezzi kollha tat-trasport soġġetta għar-reċiproċità u għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards soċjali, tal-impjiegi u tal-ambjent u d-drittijiet tal-passiġġieri; ifakkar li għandha tinkludi wkoll s-sitwazzjoni speċifika tal-Mina taħt il-Kanal Ingliż, speċjalment fir-rigward tal-aspetti tar-reġim tas-sikurezza u l-awtorizzazzjoni;

106. Iqis li kooperazzjoni futura mar-Renju Unit għandha tipprevedi proġetti tat-trasport li huma ta' interess komuni u tinkoraġġixxi kummerċ u kundizzjonijiet kummerċjali transfruntiera tajbin, b'mod partikolari li jiffaċilitaw u jassistu lin-negozji tal-SMEs jevitaw kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali;

107. Jemmen li għandha tiġi prevista l-parteċipazzjoni, abbażi ta' interessi komuni, tar-Renju Unit fil-programmi transfruntiera ta' riċerka u żvilupp tal-UE dwar it-trasport;

108. Ifakkar li huwa importanti li l-Kummissjoni tkun l-uniku negozjatur tal-UE matul in-negozjati u li l-Istati Membri ma għandhom jidħlu għall-ebda negozjat bilaterali; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrappreżenta l-interessi ta' kull Stat Membru fil-ftehim komprensiv finali;

109. Jenfasizza li d-drittijiet u l-privileġġi jinvolvu obbligi u li l-livell ta' aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jikkorrispondi bis-sħiħ mal-firxa tal-konverġenza regolatorja u l-impenji miftiehma fir-rigward tal-osservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta abbażi ta' standards minimi komuni applikabbli fl-UE;

110.  Ifakkar li l-avjazzjoni huwa l-uniku mezz ta' trasport li m'għandux appoġġ legali tad-WTO f'każ li ebda ftehim ma jintlaħaq qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

111.  Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi kapitolu ambizzjuż u komprensiv dwar it-trasport bl-ajru li jiżgura l-interessi strateġiċi tal-UE, b'dispożizzjonijiet adegwati, dwar l-aċċess għas-suq, l-investiment u l-flessibilità operattiva u kummerċjali (pereżempju kondiviżjoni tal-kodiċi) fir-rigward ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati filwaqt li għandu jinkludi kooperazzjoni mill-qrib fis-sikurezza tal-avjazzjoni u fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

112.  Jisħaq li kwalunkwe għoti possibbli ta' xi elementi tal-hekk imsejħa "ħames libertà" (libertà tal-ajru) għandu jkun limitat fil-kamp ta' applikazzjoni u jeħtieġ li jinkludi obbligi bbilanċjati u korrispondenti fl-interess tal-UE;

113. Jinnota li l-qafas attwali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport, abbażi ta' għadd limitat ta' permessi, mhuwiex xieraq għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, filwaqt li jitqies l-ammont ta' merkanzija ttrasportata bit-triq bejn l-UE u r-Renju Unit; f'dan ir-rigward, jisħaq li għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jiġi evitat theddid għall-ordni pubbliku u jiġi evitat tfixkil fil-flussi tat-traffiku tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-operaturi ta' servizzi ta' kowċis u xarabanks; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu pprovduti rotot diretti bil-baħar mtejba mill-Irlanda lejn il-kontinent u b'hekk titnaqqas id-dipendenza fuq "il-pont bl-art" tar-Renju Unit;

114.  Jenfasizza li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tar-Renju Unit ma jistgħux jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tal-UE fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

115. Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi d-dritt ta' tranżitu ta' vjaġġi bit-tagħbija u bla tagħbija mit-territorju ta' parti waħda lejn it-territorju tal-istess parti mit-territorju tal-parti l-oħra;

116.  Iqis li s-sħubija maħsuba għandha tinkludi kundizzjonijiet ekwivalenti fl-oqsma, b'mod partikolari, tax-xogħol, tal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ, tal-istazzjonar tax-xufiera, tat-takografi, tal-piż u d-dimensjonijiet tal-vetturi, tat-trasport ikkombinat u tat-taħriġ tal-persunal, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat livell komparabbli ta' protezzjoni fir-rigward tal-operaturi u tax-xufiera;

117. Iħeġġeġ li jenħtieġ li l-fluwidità tal-kummerċ marittimu bejn l-UE u r-Renju Unit, il-moviment liberu tal-passiġġieri, il-baħħara, il-persunal fuq il-baħar u fuq l-art ikunu ta' prijorità; f'dan ir-rigward jisħaq li l-UE u r-Renju Unit għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistemi adegwati tal-fruntiera u tad-dwana biex jiġi evitat li jkun hemm dewmien u tfixkil;

Kultura u edukazzjoni

118. Iqis li l-Ftehim għandu jagħmilha ċara li ser jirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika f'konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

119. Jilqa' d-dikjarazzjoni ċara fid-direttivi ta' negozjar li r-relazzjonijiet ġejjiena bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom jinkludu wkoll djalogu u skambji fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura; jappella lill-Kummissjoni tqis in-natura speċifika tas-settur kulturali meta tinnegozja d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-mobilità; jinsab imħasseb, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u s-soġġorn temporanju ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju, li jinsabu fl-abbozz ta' test tal-ftehim ippubblikat mill-Kummissjoni, ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tas-settur kulturali u kreattiv, u jissograw li jxekklu il-kontinwità tal-iskambji kulturali;

120. Jappoġġa bla riżervi iċ-ċarezza tad-direttivi ta' negozjar li s-servizzi awdjoviżivi għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tas-sħubija ekonomika, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' soda fil-pożizzjoni tagħha;

121. Jisħaq li l-aċċess għas-suq għas-servizzi awdjoviżivi fl-Unjoni jista' jiġi garantit biss jekk id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] tiġi implimentata għalkollox biex l-istess drittijiet ta' ritrażmissjoni jingħataw liż-żewġ naħat; ifakkar li l-kontenut li joriġina mir-Renju Unit ser ikompli jiġi klassifikat bħala "xogħlijiet Ewropej" wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sakemm ix-xogħlijiet li joriġinaw fi Stati mhux Membri u fi Stati mhux taż-ŻEE li huma parti għall-Konvenzjoni dwar it-Televiżjoni Transkonfinali tal-Kunsill tal-Ewropa jkunu inklużi fil-kwota tal-kontenut ta' "xogħlijiet Ewropej";

122.  Jilqa' l-inklużjoni ta' kwistjonijiet relatati mar-ritorn jew ir-restituzzjoni ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; u jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni kontinwa mar-Renju Unit f'dan il-qasam;

Governanza finanzjarja u qafas ta' skrutinju

123. Jappella biex jiġi żgurat u rispettat id-dritt ta' aċċess għas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif ukoll id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament; ifakkar li l-QĠUE trid tiġi aċċettata bħala l-qorti kompetenti f'każijiet fejn il-konformità mal-liġi tal-UE u l-interpretazzjoni tagħha huma kkonċernati;

Parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni

124. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin u li huma applikabbli kemm għall-"Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni" kif ukoll għall-"Arranġamenti u governanza orizzontali":

(a) tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiżgura li l-prinċipji ġenerali, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bħala parti mis-sħubija prevista fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE jinkludu r-rekwiżit li r-Renju Unit jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa għal kwalunkwe programm li jipparteċipa fih, kemm f'termini ta' miżata ta' parteċipazzjoni kif ukoll ta' kontribuzzjoni operattiva;

(b) tiżgura li r-regola ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe programm tkun skont il-kundizzjonijiet standard applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi u tkun għat-tul kollu tal-programm ikkonċernat u għall-partijiet kollha tal-programm, ħlief meta parteċipazzjoni parzjali tkun ġustifikata għal raġunijiet bħall-kunfidenzjalità; tirrakkomanda li tiżgura prevedibbiltà għall-parteċipanti fil-programmi tal-UE li huma stabbiliti fl-UE u stabbiltà f'termini ta' allokazzjonijiet baġitarji;

(c) tiżgura li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE ma tinvolvix trasferiment ġenerali nett mill-baġit tal-Unjoni lejn ir-Renju Unit u li l-UE tkun tista' tissospendi jew ittemm unilateralment il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe programm jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ma jiġux ssodisfati jew jekk ir-Renju Unit ma jħallasx il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu;

(d) tiżgura li fil-Ftehim mar-Renju Unit jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati irregolaritajiet finanzjarji, frodi, ħasil tal-flus u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

125. Jemmen, b'mod partikolari, li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'konformità mal-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni fi programmi transfruntiera, kulturali, ta' żvilupp, edukattivi u ta' riċerka bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva, Orizzont, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, il-Programm LIFE, in-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), l-Ajru Uniku Ewropew (SES), Interreg, inizjattivi konġunti dwar it-teknoloġija bħal Clean Sky I u II, ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), ERICs, Galileo, Copernicus, is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), il-Qafas ta' Appoġġ għal Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju (SST), u sħubijiet pubbliċi-privati, hija importanti;

126. Jistenna li l-ftehim jindirizza r-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Euratom u mal-proġett ITER u l-impatt ta' rtirar fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet; jistenna li r-Renju Unit, barra minn hekk, jikkonforma mal-ogħla standards ta' sikurezza, sigurtà u protezzjoni mir-radjazzjoni fil-qasam nukleari;

127. Iqis li, jekk ir-Renju Unit fl-aħħar mill-aħħar ikun jixtieq jipparteċipa fis-suq intern, hu għandu jikkontribwixxi għall-fondi ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027, bħalma huwa l-każ għall-pajjiżi taż-ŻEE;

128. Jemmen li l-ftehim il-ġdid għandu jqis il-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-UE affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

129. Jisħaq fuq il-fatt li huwa importanti ħafna li l-programm PEACE ikompli jopera fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni fil-fruntiera tal-Irlanda, u li jiġi ġestit b'mod awtonomu mill-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE;

130. Iqis li l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-UE fuq in-naħa l-waħda, u l-Pajjiżi u t-Territorji barra mix-xtut tar-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, b'mod partikolari fil-Karibew u l-Paċifiku, għandha titkompla; jitlob dispożizzjonijiet speċjali li jippermettu proġetti konġunti futuri fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-fondi ta' koeżjoni, skont il-każ; u l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta' appoġġ għall-bqija tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej;

131. Jissottolinja li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), li qiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji permezz tal-baġit tal-UE, jikkostitwixxi espressjoni tanġibbli ta' solidarjetà meta riperkussjonijiet serji, inter alia, fuq l-ekonomija jaffettwaw reġjun wieħed jew aktar tal-UE jew ta' pajjiż li jkun qed japplika għall-adeżjoni;

132. Jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm rabta bejn il-parteċipazzjoni fil-programmi mal-allinjament tal-politiki relatat, bħal politiki dwar il-klima jew iċ-ċibernetika;

133. Iqis li ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, f'konformità mal-ftehim globali dwar ir-relazzjonijiet futuri u bbażat fuq governanza robusta u kundizzjonijiet ekwivalenti, ikun fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet;

134. Jissottolinja li biex tiġi żgurata l-kontinwità għas-Suq Uniku tal-Elettriku fuq il-gżira tal-Irlanda wara l-ħruġ tar-Renju Unit, dan jirrikjedi t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq;

135. Huwa tal-fehma li r-Renju Unit jista' jkompli jkun sieħeb importanti fil-politika spazjali tal-UE, jissottolinja li l-aċċess futur tar-Renju Unit għall-Programm Spazjali tal-UE jeħtieġ li jiġi indirizzat fin-negozjati filwaqt li jinżammu l-interessi tal-UE u f'konformità mal-qafas legali applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-Programm Spazjali tal-UE;

Proprjetà intellettwali

136. Jenfasizza li l-ftehim previst għandu jinkludi miżuri sodi u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u livell għoli ta' protezzjoni tal-IG kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, it-trademarks u d-disinni industrijali, il-privattivi u s-sigrieti kummerċjali, abbażi tal-qafas ġuridiku attwali u futur tal-UE; iqis li għandu jiżgura wkoll il-possibbiltà ta' kooperazzjoni bilaterali mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Uffiċċji tal-Proprjetà Intellettwali fir-Renju Unit;

Dritt soċjetarju

137. Jinnota li, sabiex jiġi evitat li jitbaxxew l-istandards u jiġi żgurat l-istatus ġuridiku fir-Renju Unit u fl-UE, huwa mixtieq li l-ftehim previst jinkludi standards minimi komuni rigward l-istabbiliment u t-twettiq ta' operazzjonijiet, il-protezzjoni għall-azzjonisti, il-kredituri jew l-impjegati, ir-rappurtar tal-kumpanija u r-regoli dwar l-awditjar u t-trasparenza, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw ir-ristrutturar u l-falliment jew l-insolvenza;

Kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili, inkluż fi kwistjonijiet tal-familja

138.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili hija tal-ogħla importanza biex jiġu garantiti l-interazzjonijiet kummerċjali u korporattivi futuri bejn iċ-ċittadini u l-kumpaniji u biex jingħataw ċertezza u protezzjoni suffiċjenti lill-partijiet fi tranżazzjonijiet transfruntiera u f'attivitajiet oħra; huwa tal-fehma li għandu, għaldaqstant, jiġi vvalutat bir-reqqa jekk il-Konvenzjoni ta' Lugano tistax tkun soluzzjoni adegwata li tippermetti lill-UE żżomm il-bilanċ globali tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, jew jekk ikunx iktar xieraq li tinstab soluzzjoni ġdida li tkun tista' tiżgura "allinjament dinamiku" bejn iż-żewġ naħat;

139. Jenfasizza li l-ftehim previst għandu jsib soluzzjoni sinifikanti u komprensiva, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kwistjonijiet matrimonjali, ta' responsabbiltà tal-ġenituri u kwistjonijiet oħra tal-familja; f'dak il-kuntest, jinnota li kwalunkwe dispożizzjoni ta' infurzar reċiproku rigward kwistjonijiet tal-familja fil-ftehim previst ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka tas-sistemi ġudizzjarji, iżda wkoll fuq l-eżistenza ta' ċerti garanziji kostituzzjonali u ta' standards komuni dwar id-drittijiet fundamentali;

Kooperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja

140. Josserva li r-Renju Unit jibqa' wieħed mill-ikbar donaturi bilaterali fid-dinja u jindika li l-UE teħtieġ tindirizza l-opportunitajiet għal kooperazzjoni mar-Renju Unit fi spirtu ta' sħubija; jiddispjaċih li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jħalli diskrepanzi fil-politika globali tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

141. Jenfasizza r-rwoli ċentrali li jaqdu l-UE u r-Renju Unit biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni permezz tal-politika tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; jissottolinja l-importanza li tiġi segwita l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp f'dak ir-rigward;

142. Jissottolinja l-importanza ta' sħubija b'saħħitha li tħaddan l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet filwaqt li tiżgura kontinwità ta' impenn u kollaborazzjoni biex jinkisbu l-SDGs, id-drittijiet tal-bniedem, il-qerda tal-faqar, kif ukoll biex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tar-risponsi armonizzati għal kriżijiet umanitarji u l-prinċipji fundamentali ta' għajnuna umanitarja;

143. Jinsab konvint li l-isħubija ta' wara Cotonou u l-Istrateġija UE-Afrika jistgħu jissaħħu permezz ta' kooperazzjoni effettiva mar-Renju Unit u bl-isfruttar tal-preżenza qawwija tar-Renju Unit fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku; jenfasizza li l-UE, ir-Renju Unit u l-pajjiżi AKP għandhom jikkooperaw fil-livelli kollha b'konformità mal-prinċipji ta' sħubija, solidarjetà u komplementarjetà;

Sigurtà u affarijiet barranin

144. Jinnota l-fatt li l-objettivi tar-Renju Unit fin-negozjati, ippubblikati fis-27 ta' Frar 2020, affermaw li l-politika barranija se tkun iddeterminata biss f' qafas ta' djalogu u kooperazzjoni usa' ta' ħbiberija bejn ir-Renju Unit u l-UE, li wassal biex dan il-qasam ewlieni ġie degradat għall-istatus ta' relazzjoni mhux istituzzjonalizzata li għandha tiġi miftiehma fi stadju aktar tard;

145. Jiddispjaċih li dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Politika li tipprevedi sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u jitlob li tiġi stabbilita sħubija futura, wiesgħa, komprensiva u bbilanċjata fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit, u li r-Renju Unit approva;

146. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE skont liema il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża għandhom ikunu parti minn ftehim komprensiv li jirregola r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

147. Jiddeplora l-fatt li r-Renju Unit ma juri l-ebda ambizzjoni għar-relazzjonijiet mal-UE fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, u li dawn it-temi ma kinux espliċitament koperti mill-mandat tar-Renju Unit u, għaldaqstant, ma jifformawx parti mill-11-il mejda tan-negozjati;

148. Ifakkar li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jikkondividu prinċipji, valuri u interessi; jisħaq li huwa fl-interess taż-żewġ naħat li tinżamm kooperazzjoni ambizzjuża, mill-qrib u dejjiema li tirrispetta l-awtonomija tal-UE fil-forma ta' qafas komuni dwar il-politika estera u ta' sigurtà bbażata fuq l-Artikolu 21 tat-TUE u li tqis il-Karta tan-NU u n-NATO fl-oqsma li ġejjin:

(a) il-promozzjoni tal-paċi;

 

(b) approċċ kondiviż lejn sfidi ta' sigurtà komuni, u stabbiltà globali inkluż fil-viċinat Ewropew;

 

(c) il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

(d) il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

(e)  il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

 

(f) il-promozzjoni tal-prosperità globali, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-telf tal-bijodiversità;

149. Josserva li kooperazzjoni internazzjonali integrata u kkoordinata fil-fond bejn l-UE u r-Renju Unit tkun ta' benefiċċju kbir għaż-żewġ partijiet u għall-ordni dinji globali inġenerali minħabba l-approċċi simili tagħhom lejn multilateraliżmu effettiv, is-salvagwardja tal-paċi, is-sigurtà u s-sostenibbiltà kif ukoll id-difiża u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jipproponi li dan il-koordinament għandu jkun irregolat minn pjattaforma sistematika għal konsultazzjonijiet u koordinament fuq livell għoli dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija; jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud ta' kooperazzjoni interparlamentari dwar kwistjonijiet globali;

150. Jisħaq fuq il-fatt li risponsi komuni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża bħalma huma t-terroriżmu, il-gwerra ċibernetika, il-kriżi fil-viċinat, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u t-theddid ibridu huma meħtieġa għaż-żewġ naħat; iħeġġeġ id-djalogu, il-konsultazzjoni, il-koordinament u l-iskambju tal-informazzjoni u tal-intelligence effettivi, f'waqthom u reċiproċi; soġġetti għal kontroll demokratiku mill-istituzzjonijiet tar-Renju Unit u tal-UE; ifakkar li l-iskambji ta' informazzjoni kklassifikata jridu jiġu organizzati f'qafas speċifiku;

151. Jenfasizza li minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jsir pajjiż terz mingħajr ebda qafas speċifiku ta' relazzjonijiet, fatt li se kollu riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-kooperazzjoni eżistenti fil-politika barranija u tas-sigurtà;

152. Jistieden kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit isaħħu l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali inkluż billi jiżviluppaw strateġiji konġunti biex jissaħħu l-isforzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi; jistieden liż-żewġ partijiet jippromwovu l-kultura tal-paċi u d-djalogu bħala mezz għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tan-nisa u tal-ġeneru; jappoġġa t-tkomplija tal-kooperazzjoni eżistenti f'dawk l-oqsma; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni preferenzjali sistematika fl-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u r-Renju Unit dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp demokratiku, il-proċessi ta' riforma u l-prattiki parlamentari demokratiċi f'pajjiżi terzi, inkluża l-osservazzjoni elettorali;

153. Jiddikjara l-interess b'saħħtu tal-UE f'tali sħubija tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà, fid-dawl tal-benefiċċji reċiproċi li jirriżultaw mis-siġġu permanenti tar-Renju Unit u ta' Franza fil-Kunsill tas-Sigurtà, is-servizz diplomatiku effiċjenti ħafna tar-Renju Unit u tal-membri tal-UE, u l-fatt li r-Renju Unit għandu l-aktar forzi armati b'saħħithom fl-Ewropa;

154. Jipproponi li s-sħubija futura tkun ibbażata fuq kooperazzjoni u koordinament mill-qrib ħafna u regolari fin-NU, b'mod partikolari l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

155. Jisħaq fuq l-importanza reċiproka bejn is-sigurtà u l-iżvilupp; iħeġġeġ kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit jikkooperaw mill-qrib dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-għajnuna umanitarja; ifakkar liż-żewġ partijiet dwar l-importanza li jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-ilħuq tal-objettiv ta' ODA/DNG ta' 0,7 % u li jappoġġaw il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jemmen li s-sħubija ta' wara Cotonou u l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni effikaċi mar-Renju Unit li jindirizzaw standards soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni ambjentali għolja, sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u l-ftehim ta' Pariġi;

156. Jisħaq fuq il-fatt li huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit, amplifikat mill-prossimità ġeografika tagħhom, li jikkooperaw fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tad-difiża effikaċi u tassew interoperabbli, anki fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li magħha għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv, u jkomplu s-sħubijiet ta' valur kbir fi ħdan il-programmi tan-NATO u tal-UE fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà esterna, Galileo, il-programmi marbuta maċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra kampanji ta' diżinformazzjoni u ċiberattakki mmirati, kif uriet il-pandemija attwali tal-COVID-19; ifakkar li, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-Servizz Pubbliku Regolat ta' Galileo, ftehim speċifiku huwa kemm possibbli kif ukoll meħtieġ; jinnota wkoll li, fir-rigward tal-Fond Ewropew għad-Difiża li jmiss, ir-Renju Unit jista' jiġi assoċjat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-pajjiżi terzi; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit jiżviluppaw approċċ konġunt għall-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija tad-difiża;

157. Jistenna li r-Renju Unit ikun jista' jkompli bil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

158. Ifakkar li numru ta' miżuri restrittivi (reġimi ta' sanzjonijiet) attwalment huma fis-seħħ fir-Renju Unit skont il-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi l-użu effikaċi tas-sanzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt f'konformità mal-Karta tan-NU; jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit xorta jkun marbut japplika r-reġimi ta' sanzjonijiet tan-NU wara l-ħruġ tiegħu u jappella lir-Renju Unit ikompli jallinja l-politika tiegħu dwar is-sanzjonijiet mal-UE; u jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' koordinament adegwat għas-sanzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet, u kooperazzjoni mill-qrib dwar is-sanzjonijiet fil-fora globali, bil-għan li jimmassimizza l-impatt tagħhom u jiżgura konverġenza u l-fatt li l-interessi reċiproċi jkunu segwiti u ssodisfati fil-promozzjoni tal-valuri komuni;

159. Iħeġġeġ lir-Renju Unit jipparteċipa fl-aġenziji rilevanti tal-UE u jieħu rwol prominenti fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet immexxija mill-UE u fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż f'missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma tal-paċi, fil-konsulenza u l-assistenza militari u fl-istabbilizzazzjoni ta' wara l-kunflitti kif ukoll fi proġetti fl-ambitu tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), fejn ikun mistieden jipparteċipa, u jisħaq li tali parteċipazzjoni għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti li jirrispettaw l-awtonomija tal-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll is-sovranità tar-Renju Unit, il-prinċipju ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati u abbażi ta' reċiproċità effettiva, inkluża kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jinformaw b'mod regolari lill-Parlament dwar il-proċess tad-djalogu politiku mar-Renju Unit u dwar l-aspetti ewlenin tal-iskambji ta' informazzjoni dwar il-PSDK u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

160. Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà globali u Ewropea; ifakkar fl-importanza ta' strateġija Ewropea koerenti u kredibbli għal negozjati multilaterali fil-livell globali u dwar miżuri reġjonali ta' tnaqqis tat-tensjoni u miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja; ifakkar fir-rwol importanti li kellu r-Renju Unit fir-rigward tal-iżvilupp u l-istabbiliment ta' tali normi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet; jistieden lir-Renju Unit jiżviluppa strateġija konġunta mal-UE fir-rigward ta' dan il-qasam ta' politika f'konformità mal-aġenda dwar id-diżarm tan-NU; jistieden lir-Renju Unit jimpenja ruħu li jibqa' marbut bil-kriterji ekwivalenti għal dawk miġbura mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK[19] u, b'mod konġunt mal-UE, jippromwovi l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni stretta tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni (TNP) u t-tiġdid tat-Trattat START il-ġdid;

161. Jenfasizza l-importanza kbira tal-kooperazzjoni konsulari u diplomatika bejn l-UE u r-Renju Unit, billi din tkun tiggarantixxi assistenza effiċjenti għaċ-ċittadini ta' xulxin u tkun tippermetti kemm lir-Renju Unit kif ukoll lill-UE joffru liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jgawdu mill-protezzjoni konsulari fi stati terzi fejn waħda miż-żewġ partijiet ma jkollha ebda rappreżentanza diplomatika, skont il-punt (c) tal-Artikolu 20 TFUE;

162. Jenfasizza l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-kapaċitajiet u tal-mezzi militari, bil-forzi armati Ewropej jaqdu rwol kruċjali biex jappoġġaw l-isforzi ċivili fl-indirizzar tal-pandemija, filwaqt li jissodisfaw il-missjonijiet fundamentali tagħhom; jenfasizza li din il-pandemija wriet l-importanza ta' awtonomija strateġika tal-kooperazzjoni tal-UE u Ewropea fil-qasam tad-difiża biex jiġu protetti l-popolazzjonijiet Ewropej fi żminijiet ta' emerġenza u biex titrawwem ir-reżiljenza tal-Istati Membri; iqis li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex tkun tista' sseħħ kooperazzjoni fil-pront bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fid-dawl tal-kriżijiet futuri ta' natura u kobor simili; huwa tal-fehma li abbażi tat-tagħlimiet miksuba mill-pandemija tal-COVID-19, is-servizzi mediċi militari Ewropej għandhom jiffurmaw skambju ta' informazzjoni u network ta' appoġġ biex titrawwem reżiljenza Ewropea wiesgħa fi żminijiet ta' emerġenza u kriżi; iqis li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe tali network mediku militari Ewropew futur tkun ta' benefiċċju b'mod reċiproku;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali u governanza

163. Jirrimarka li l-Ftehim kollu kemm hu mar-Renju Unit, bħala pajjiż terz, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti, il-kwistjonijiet settorjali speċifiċi u l-oqsma tematiċi tal-kooperazzjoni u s-sajd, għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza unika, koerenti u solida bħala qafas globali li jkopri s-superviżjoni u l-ġestjoni konġunta kontinwa tal-Ftehim kif ukoll mekkaniżmi trasparenti tas-soluzzjoni ta' tilwim, ta' konformità u ta' infurzar, b'sanzjonijiet u miżuri provviżorji meta jkun meħtieġ, fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim;

164. Huwa tal-opinjoni li mekkaniżmu ta' governanza uniku, komprensiv u orizzontali għandu jkun applikabbli għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit kollu kemm hu, inkluż kwalunkwe ftehim supplementari li jista' jiġi konkluż fi stadju aktar tard, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u jiġu evitati l-ineffiċjenzi; jirrimarka li l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim se jeħtieġ li jkun robust u għandu jipprevedi sanzjonijiet gradwali kif ukoll rimedji meta jkun determinat li waħda mill-partijiet tkun qed tikser il-Ftehim, u li dan il-mekkaniżmu jeħtieġ li jiżgura rimedji effettivi, azzjonabbli malajr u dissważivi; jenfasizza li l-Parlament se jkompli jkun viġilanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha; ifakkar li r-Renju Unit, bħala ex Stat Membru, żviluppa strutturi ta' kooperazzjoni u djalogu istituzzjonali importanti mal-UE li għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' tali arranġamenti orizzontali; itenni li l-UE tistenna mir-Renju Unit livell ogħla ta' ambizzjoni fir-rigward tal-governanza sabiex tibni sħubija futura soda;

165. Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li dik is-sistema ta' governanza, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija taż-żewġ naħat, tippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-UE, inkluż ir-rwol tal-Parlament u tal-Kunsill bħala l-koleġiżlaturi tad-dritt tal-UE, u r-rwol tal-QĠUE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; iqis li, għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq kunċetti tad-dritt tal-UE, l-arranġamenti ta' governanza jridu jipprevedu r-rinviju quddiem il-QĠUE;

166. Jilqa' pożittivament il-proposta biex tiġi stabbilita Assemblea ta' Sħubija Parlamentari għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tar-Renju Unit, li jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mill-Kunsill ta' Sħubija u tressaqlu rakkomandazzjonijiet u jenfasizza li l-Ftehim għandu jipprovdi l-bażi ġuridika għad-dispożizzjonijiet li jippermettu l-istruttura istituzzjonali ta' dak il-korp;

167. Jeżiġi li r-rwol tal-Parlament jiġi rispettat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja sabiex jiġi żgurat li huwa jkun jista' jeżerċita sorveljanza politika xierqa u li d-drittijiet u l-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur ikunu garantiti; ifakkar fid-drittijiet tal-Parlament li jkun infurmat dwar l-arranġamenti dwar ir-rieżami tal-Ftehim;

168. Jenfasizza li l-Ftehim fl-intier tiegħu għandu jkun kopert minn dispożizzjonijiet dwar id-djalogu tas-soċjetà ċivili, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni miż-żewġ partijiet, skont il-paragrafu 125 tad-Dikjarazzjoni Politika, li għandha tinkludi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegati li jirrappreżentaw kemm liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit kif ukoll liċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE; jinsisti fuq it-twaqqif ta' gruppi konsultattivi domestiċi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

169. Jappoġġa l-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit bħala osservatur ta' pajjiż terz mingħajr ebda rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'aġenziji mhux regolatorji tal-UE bħal fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent jew l-impjiegi, kif ukoll ftehimiet ta' kooperazzjoni possibbli tar-Renju Unit ma' aġenziji regolatorji bejn il-pari, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, sabiex jiġu skambjati d-data, l-aħjar prattiki u l-għarfien xjentifiku; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux f'Schengen u bħala sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, tikkunsidra l-potenzjal ta' kooperazzjoni prattika futura bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni;

°

° °

170. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet informattivi, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvern u lill-parlament tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

NOTA SPJEGATTIVA

 

Kuntest ġenerali u rwol tal-Parlament

 

Fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim ta' sħubija ma' ex Stat Membru u minkejja l-kriżi kbira li d-dinja qiegħda tħabbat wiċċha magħha bil-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew jibqa' impenjat li jiżvolġi r-rwol fdat lilu mit-Trattati fir-rigward tan-negozjati tal-ftehimiet internazzjonali. L-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Parlament għall-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali bejn l-UE u pajjiż terz. Bil-għan li din l-approvazzjoni tkun garantita, hemm obbligu li l-Parlament ikun involut fil-proċess tan-negozjati billi jinżamm regolarment u totalment infurmat.

 

Fil-31 ta' Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-UE biċ-ċertezza u biċ-ċarezza ġuridika prevista mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jindirizza t-tliet kwistjonijiet fundamentali tas-separazzjoni: id-drittijiet taċ-ċittadini, il-fruntiera Irlandiża u s-saldu tal-obbligi tar-Renju Unit fil-konfront tal-UE. Dawn il-kwistjonijiet kellhom importanza essenzjali għall-Parlament sa mill-bidu nett tan-negozjati, flimkien mal-kjarifika tal-istatus tal-impenji internazzjonali tar-Renju Unit meħudin bħala Stat Membru, il-garanzija taċ-ċertezza tad-dritt għall-persuni ġuridiċi u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Parlament jibqa' impenjat li jiżgura skrutinju parlamentari xieraq fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

Fid-dawl tan-natura bla preċedent tal-kumplessità u tal-importanza tan-negozjati ma' ex Stat Membru, il-Parlament waqqaf organu speċjali biex jikkoordina l-kontribut u t-tweġiba tal-Parlament lin-negozjati, il-Grupp ta' Koordinament dwar ir-Renju Unit (UK Coordination Group – UKCG). Huwa mmexxi mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) u huwa magħmul mill-President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA), il-President tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża (SEDE), ir-rapporteur tal-Kumitat INTA u r-rapporteur tal-Kumitat AFET dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, rappreżentant wieħed minn kull grupp politiku, u l-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.

 

Il-bażi loġika tar-rakkomandazzjoni

 

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 114 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar in-negozjati għal sħubija ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, imfassla miż-żewġ korapporteurs tal-Kumitati AFET u INTA bħala l-kumitati ewlenin, waslu f'mument ferm importanti tan-negozjati. Wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020 u l-bidu formali tan-negozjati fil-jiem inizjali ta' Marzu, il-Parlament biħsiebu jadotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet bis-saħħa ta' vot finali fil-plenarja ta' Ġunju, qabel il-Konferenza ta' Livell Għoli u l-Kunsill Ewropew f'Ġunju li se jevalwa l-progress tan-negozjati.

 

Minħabba l-livell għoli ta' kumplessità tan-negozjati, l-għarfien espert ta' valur kbir tal-kumitati speċjalizzati tal-Parlament huwa importantissmu għall-kontenut ta' dan it-test. Għaldaqstant, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiżguraw ukoll l-involviment totali tal-kumitati li jifformulaw opinjonijiet skont il-proċeduri parlamentari u huma mħejjija bl-involviment tal-gruppi politiċi li jikkomponu l-PE taħt il-kappa tal-Grupp ta' Koordinament dwar ir-Renju Unit (UKCG). L-għarfien espert tagħhom kien assolutament kruċjali fil-valutazzjoni tas-sħubija politika ekonomika, b'enfasi fuq il-kummerċ u l-kundizzjonijiet ekwivalenti sottostanti, iżda wkoll tas-sħubija futura f'oqsma speċifiċi: is-sajd, il-protezzjoni tad-data, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel, id-drittijiet taċ-ċittadini, l-aspetti finanzjarji, it-trasport, l-enerġija, inkluża dik nukleari ċivili, is-sigurtà u l-politika barranija u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi.

 

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet ikopru sensiela ta' suġġetti importanti b'mod komprensiv, bħall-prinċipji ġenerali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, is-sħubija ekonomika, il-kummerċ u l-kundizzjonijiet ekwivalenti, il-kwistjonijiet settorjali speċifiċi, il-politika barranija u s-sigurtà iżda wkoll aspetti importanti tal-governanza. Lill-valutazzjoni tal-Parlament tagħtiha kemm l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kif ukoll il-progress tan-negozjati, u għaldaqstant isservi bħala l-kontribut tal-Parlament lill-Konferenza ta' Livell Għoli u lill-Kunsill Ewropew li se jiltaqgħu f'Ġunju. Huwa importanti li jkun enfasizzat li, bis-saħħa ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Parlament jesprimi l-apprezzament u s-sostenn qawwi tiegħu lill-ħidma kostruttiva tat-Task Force tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit immexxija mill-Kap Negozjatur tal-UE, Michel Barnier. L-UE tibqa' u għandha tkompli tkun magħquda fl-appoġġ lill-Kap Negozjatur tagħha.

 

Dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Kumitat Konġunt

 

Parti sinifikanti ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet qiegħda tikkonċentra fuq l-importanza tal-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet taċ-ċittadini u l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. Bħala parti mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati hemm rabta diretta bejn l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-affidabbiltà tar-Renju Unit fin-negozjati dwar ir-relazzjoni futura.

 

Għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet jilqgħu pożittivament il-ħidma tal-Kumitat Konġunt, immexxi, għan-naħa tal-UE, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič. Il-Kumitat Konġunt huwa pjattaforma importanti ħafna li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. F'din il-perspettiva, il-valutazzjoni parlamentari adegwata hija wkoll essenzjali għas-suċċess tax-xogħol tal-Kumitat Konġunt u tas-sitt Kumitati Speċjalizzati tiegħu. Hemm bżonn biżżejjed garanziji fl-oqsma fundamentali kollha li l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ miexja sewwa u għandhom jaslu qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.

 


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP

Is-Sur David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

BRUSSELL

 

Is-Sur Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

BRUSSELL

 

Suġġett: Opinjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

Għażiż Sur President,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Iżvilupp ingħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitati tiegħek. Bi proċedura bil-miktub, il-kumitat iddeċieda li jibgħat l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' April 2020. Waqt dik il-laqgħa, huwa ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom.

Dejjem tiegħek,

Tomas Tobé

SUĠĠERIMENTI

1. Josserva li r-Renju Unit jibqa' wieħed mill-ikbar donaturi bilaterali fid-dinja u jindika li l-UE teħtieġ tindirizza l-opportunitajiet għal kooperazzjoni mar-Renju Unit fi spirtu ta' sħubija; jiddispjaċih li l-Brexit, ġeneralment se jħalli lakuni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja tal-UE, mhux biss f'termini ta' baġit, ta' riżorsi umani u għarfien espert, iżda wkoll fil-qasam tad-djalogu politiku mal-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi terzi, madankollu, jinsab konvint li ż-żewġ partijiet se jibbenefikaw minn koordinazzjoni kontinwa tad-donaturi u minn programmazzjoni konġunta, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli, il-mekkaniżmi u l-kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni rilevanti kollha; jitlob li jkun possibbli li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu għat-termini u d-definizzjonijiet tal-kooperazzjoni futura;

 

2. Jinsisti li jeħtieġ jittieħdu miżuri interni biex jiġu indirizzati l-lakuni msemmija qabel u jiġi garantit baġit suffiċjenti għall-istrumenti finanzjarji esterni fil-qafas finanzjarju pluriennali, u sabiex jintużaw l-għodod eżistenti fil-qasam tal-effikaċja tal-għajnuna bil-għan li jsir użu ikbar u aħjar tar-riżorsi li jifdal, filwaqt li jiġu mħeġġa investimenti strateġiċi mis-settur privat, fir-rispett tal-istandards soċjali, ambjentali u ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u dawk internazzjonali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), jitjiebu l-viżibbiltà u l-komunikazzjoni komuni u jsir sforz favur vuċi b'saħħitha tal-UE, u filwaqt li jitfakkar l-impenn biex tinkiseb il-mira ta' 0,7 % tal-ODA/DNG u l-importanza li jingħata appoġġ lill-Prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD);

 

3. Jenfasizza r-rwoli ċentrali li jaqdu l-UE u r-Renju Unit biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni permezz tal-politika tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja, pereżempju billi jiġu indirizzati: il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-theddid għad-drittijiet fundamentali bħal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-gruppi ta' komunitajiet reliġjużi, u tal-gruppi li jissalvagwardjaw l-interessi u d-drittijiet ta' popolazzjonijiet vulnerabbli bħall-persuni b'diżabilità, l-anzjani, in-nisa u t-tfal f'reġjuni milquta minn kunflitti, il-popli indiġeni, il-persuni LGBTI, u r-rappreżentanti ta' komunitajiet vulnerabbli, diskriminati u emarġinati;

 

4. Jissottolinja l-importanza ta' sħubija b'saħħitha li, fil-qalba tagħha, tħaddan l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, filwaqt li tiżgura kontinwità ta' impenn u kollaborazzjoni biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, il-qerda tal-faqar u l-ftehim ta' Pariġi; kif ukoll risponsi armonizzati għal kriżijiet umanitarji u l-qadi tal-prinċipji fundamentali ta' għajnuna umanitarja; filwaqt li jiġi garantit il-vantaġġ komparattiv ta' kooperazzjoni f'oqsma strateġiċi ewlenin kemm ġeografiċi kif ukoll tematiċi;

 

5. Jinsab konvint li l-isħubija ta' wara Cotonou u l-Istrateġija UE-Afrika jistgħu jissaħħu permezz ta' kooperazzjoni effettiva mar-Renju Unit u bl-isfruttar tal-preżenza qawwija tar-Renju Unit fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku; jirrimarka li s-swieq tal-UE u tar-Renju Unit fil-kummerċ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma importanti, b'mod partikolari għall-pajjiżi AKP; jenfasizza li l-UE, ir-Renju Unit u l-pajjiżi AKP għandhom jikkooperaw fil-livelli kollha b'konformità mal-prinċipji ta' sħubija, solidarjetà u komplementarjetà; josserva l-ħsieb tal-Gvern tar-Renju Unit li jkompli joffri preferenzi ġenerużi lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt potenzjali li dawn l-arranġamenti kummerċjali futuri se jkollhom fuq il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika attwali mal-pajjiżi AKP; iqis li l-Politika Kummerċjali Komuni, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-ftehim kummerċjali futur, għandhom joffru kemm jista' jkun, il-kontinwità kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-UE u r-Renju Unit.

 

6. Jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm livell ta' appoġġ xieraq għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej (OCTs) li fadal wara l-Brexit, u jitlob li tinżamm il-kooperazzjoni mal-ex OCTs tar-Renju Unit abbażi ta' interess reċiproku, b'mod partikolari fil-qafas tal-programmi ta' kooperazzjoni reġjonali;

 

7. Jissottolinja, fl-insegwiment tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, l-importanza tal-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit biex tinżamm il-kontinwità kummerċjali, jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima, fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd u biex titħares il-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll ħalli jiġu promossi standards ta' protezzjoni soċjali u ambjentali għoljin, bil-għan li jitnaqqas il-faqar;

 

8. Ifakkar ir-rwol pożittiv tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd u fil-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (5.4.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq 

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nicolae Ştefănuță,

Artikolu 56 tar-Regoli ta' Proċedura

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi pajjiż terz ma jistax ikollu l-istess drittijiet u jgawdi mill-istess benefiċċji bħal Stat Membru; billi l-Unjoni għandha tikkunsidra l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni billi tqis primarjament l-interessi strateġiċi u finanzjarji tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha; billi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'tali programmi għandha tikkunsidra l-aspetti rilevanti kollha tas-sħubija prevista, peress li dik is-sħubija għandha tifforma struttura koerenti; billi r-Renju Unit għandu jissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha miftiehma fil-Ftehim dwar il-Ħruġ;

B. billi kwalunkwe parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni għandha tirrispetta r-regoli, il-mekkaniżmi u l-kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni rilevanti kollha, kif stabbilit fil-bażijiet legali korrispondenti; billi, bħala konsegwenza u fost aspetti oħra, bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tar-Renju Unit għandu jiġi żgurat, u r-Renju Unit, bħala pajjiż terz, ma jistax igawdi minn setgħa deċiżjonali fuq kwalunkwe programm; billi għandu jkun hemm l-akbar ċarezza dwar il-grad ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi;

C. billi, jekk il-perjodu ta' tranżizzjoni jiġi estiż, ir-Renju Unit se jitqies bħala pajjiż terz għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni li għalihom ittieħed impenn fi ħdan il-QFP li jmiss u se jikkontribwixxi għall-baġit tal-Unjoni, u l-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ se jiddeċiedi dwar l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni;

D. billi huwa meħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa, inkluż bl-użu ta' awditi u investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u permezz tas-setgħa ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew;

E. billi fid-Dikjarazzjoni Politika l-Unjoni u r-Renju Unit fakkru l-impenn komuni tagħhom li jipprovdu programm futur PEACE PLUS, filwaqt li jżommu l-proporzjonijiet ta' finanzjament attwali għall-programm futur;

F. billi fil-mandat tiegħu r-Renju Unit jiddikjara li se jikkunsidra l-parteċipazzjoni tiegħu fl-elementi tal-Erasmus+ fuq bażi ta' żmien limitat;

1. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

(a) tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiżgura li l-prinċipji ġenerali, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bħala parti mis-sħubija prevista fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni jinkludu r-rekwiżit li r-Renju Unit jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa għal kwalunkwe programm li jipparteċipa fih, kemm f'termini ta' miżata ta' parteċipazzjoni kif ukoll ta' kontribuzzjoni operattiva;

(b) tiżgura li r-regola ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'kull programm tkun il-parteċipazzjoni fil-programm kollu, ħlief fejn il-parteċipazzjoni parzjali tkun ġustifikata għal raġunijiet bħal kunfidenzjalità, u li kull parteċipazzjoni tkun għat-tul kollu tal-programm ikkonċernat; jirrakkomanda, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni ma taċċettax parteċipazzjoni frammentata min-naħa tar-Renju Unit f'Erasmus+, jew parteċipazzjoni għal perjodu iqsar mit-tul sħiħ tal-programm taħt il-QFP, u tiżgura l-prevedibbiltà għall-parteċipanti fil-programmi tal-Unjoni li huma stabbiliti fl-Unjoni, u l-istabbiltà f'termini ta' allokazzjonijiet baġitarji;

(c) tressaq proposti għal implimentazzjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-Unjoni, billi tikkunsidra l-fatt li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz, mhu se jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali fuq l-aġenziji tal-Unjoni;

(d) tiżgura li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni ma tinvolvix trasferiment globali nett mill-baġit tal-Unjoni lejn ir-Renju Unit u li l-Unjoni tkun tista', tissospendi jew ittemm unilateralment, il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe programm jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ma jiġux ssodisfati jew jekk ir-Renju Unit ma jħallasx il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu;

(e) tiżgura li fit-Trattat mar-Renju Unit, jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-irregolaritajiet finanzjarji, il-frodi, il-ħasil tal-flus u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(f) tivvaluta u tħejji għax-xenarji kollha possibbli, inkluża l-estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni, u tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit li jirriżultaw minnu, biex tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

4.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Clotilde Armand, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valerie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Damian Boeselager, Petros Kokkalis

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

 

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Johan Van Overtveldt, Bogdan Rzońca,

GUE/NGL

Petros Kokkalis, Dimitrios Papadimoulis

ID

Hélène Laporte

 

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

 

 

 

RENEW

Clotilde Armand, Olivier Chastel, Valerie Hayer, Moritz Körner

Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds

 

S&D

Robert Biedroń, , Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini,

Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Victor Negrescu

Nils Ušakovs

 

 

 

VERTS/ALE

Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Damian Boeselager

 

NI

Ioannis Lagos

 

 

-

 

 

 

 

0

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Joachim Kuhs

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT

Is-Sur David McAllister

President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Is-Sur Bernd Lange

President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Brussell

Suġġett: Kontribut f'isem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(|INI)

Sur McAllister, Sur Lange,

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) iddeċieda li jippreżenta opinjoni f'forma ta' ittra dwar is-suġġett imsemmi hawn fuq.

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati ewlenin, biex iqisu l-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fit-tħejjija tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju.

F'isem il-Kumitat CONT, napprezza ħafna jekk tkunu tistgħu tiżguraw li r-riżoluzzjoni tal-Parlament tikkunsidra l-pożizzjoni u l-kunsiderazzjonijiet tal-Kumitat CONT dwar il-punti ta' hawn fuq.

 

Dejjem tagħkom,

 

 

 

 

Monika Hohlmeier

SUĠĠERIMENTI

A. billi relazzjoni futura b'saħħitha trid tinkludi dispożizzjonijiet ċari u effiċjenti li jippermettu ġestjoni finanzjarja tajba miż-żewġ partijiet, tkun ibbażata fuq struttura ta' governanza xierqa filwaqt li ma tippermettix li tipperikola l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

B. billi l-Brexit se jkollu impatt fuq rotot kummerċjali ewlenin bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, il-katina ta' provvista ta' oġġetti u operaturi ekonomiċi (sħab kummerċjali, fornituri, intermedjarji, trasportaturi fost oħrajn);

C. billi l-arranġamenti kemm għall-kooperazzjoni doganali kif ukoll għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ se jkunu kruċjali għaż-żewġ partijiet biex jippermettu kummerċ bilaterali bla xkiel u leġittimu u jipproteġu l-interessi finanzjarji u l-qafas regolatorju ta' kull parti;

D. billi n-negozju mar-Renju Unit wara l-Brexit se jsir aktar kumpless f'termini ta' proċeduri doganali u tal-VAT, billi ċ-ċaqliq ta' oġġetti fi ħdan l-UE jew lejn/minn pajjiż terz jiġġenera bidliet għad-dwana, il-VAT u s-sisa;

E. billi huwa ta' importanza kbira li tinżamm l-integrità tas-suq uniku tal-UE u tal-Unjoni Doganali, kif ukoll il-garanziji kollha li tipprovdi f'termini tal-ġlieda kontra l-frodi u t-traffikar;

F. billi żewġt iswieq u ordnijiet ġuridiċi distinti se jeżistu flimkien u dan, b'riskji operazzjonali potenzjali; billi, f'dak il-kuntest, l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit se jkollhom għażla ta' żewġ azzjonijiet għal prodotti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq: (i) japplikaw ir-regoli u t-tariffi tar-Renju Unit għal kwalunkwe prodott li joriġina minn pajjiżi terzi li mhumiex maħsuba għas-suq Ewropew u (ii) japplikaw ir-regoli u t-tariffi tal-UE għal kwalunkwe prodott ieħor li jkun ġej minn pajjiżi terzi jew mir-Renju Unit, maħsuba għas-suq uniku tal-UE filwaqt li jwettqu wkoll kontrolli fuq dawn il-prodotti;

G. billi, fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq, l-awtoritajiet Brittaniċi se jiġbru l-VAT u d-dazji doganali hemmhekk f'isem l-UE u jgħadduhomlha;

H. billi, apparti l-fondi ta' politika ta' koeżjoni aktar ġenerali, ir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda bbenefikaw b'mod partikolari minn programmi transfruntiera u transkomunitarji speċjali, inkluż il-programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq; billi dawn il-programmi kkontribwew b'mod deċiżiv għall-proċess ta' paċi fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda u għall-appoġġ tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u għadhom jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet;

Governanza finanzjarja u qafas ta' skrutinju

1. Iqis essenzjali, li matul in-negozjati, jiġu stabbiliti modalitajiet suffiċjenti u ċari għall-iskrutinju tal-UE, dispożizzjonijiet li jippermettu ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-obbligu ta' rendikont tar-Renju Unit;

2. Jitlob għalhekk li tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipji u l-kundizzjonijiet applikabbli kemm għall-"Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni" kif ukoll għall-"Arranġamenti u governanza orizzontali"; jinsisti b'mod partikolari fuq il-prinċipji fundamentali li ġejjin li għandhom jiġu ddikjarati b'mod ċar u jkun hemm qbil dwarhom:

  (i) kwalunkwe parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'ċerti programmi tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet standard applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li jridu jkunu stabbiliti b'mod ċar fil-programmi u l-istrumenti korrispondenti tal-Unjoni;

  (ii) irid jiġi żgurat li jkun hemm dispożizzjonijiet u garanziji vinkolanti robusti/sodi fir-rigward tal-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni u Ġestjoni Finanzjarja Tajba għall-programmi tal-UE, il-programmi tal-Euratom u l-impriżi konġunti li jipparteċipa fihom ir-Renju Unit, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-kontroll, l-awditjar u l-ispezzjonijiet fuq l-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati kif ukoll investigazzjonijiet f'każ ta' frodi;

3. Jitlob li jiġi żgurat u rispettat id-dritt ta' aċċess għas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-OLAF, l-UPPE, kif ukoll id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew; ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea trid tiġi aċċettata bħala l-Qorti kompetenti f'każijiet fejn ir-rispett u l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE huma kkonċernati;

L-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

4. Jieħu nota li l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, b'mod partikolari l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, jipprovdi soluzzjoni operazzjonali biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, filwaqt li joħloq ukoll mekkaniżmu ġdid ta' "kunsens" dwar l-applikazzjoni fit-tul tal-liġi tal-UE rilevanti fl-Irlanda ta' Fuq, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet ta' allinjament regolatorju dwar oġġetti u dwana u VAT;

5. Jinnota li l-Irlanda ta' Fuq se tibqa' allinjata ma' sett limitat ta' regoli tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' oġġetti, u li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se japplika għal oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq, u dan jevita kwalunkwe kontroll doganali u kontroll fuq il-gżira tal-Irlanda;

6. Jissottolinja l-importanza ta' regoli ġuridiċi ċari, implimentazzjoni trasparenti u mekkaniżmi ta' kontroll effikaċi biex jiġu evitati riskji sistemiċi tal-VAT u l-frodi doganali jew użu ħażin ieħor frodulenti ta' soluzzjoni potenzjalment mhux ċara;

7. Iwissi li sakemm ma jiġux stabbiliti u implimentati regoli u mekkaniżmi ta' kontroll legali u trasparenti ċari fir-rigward tar-reġim doganali doppju bbażat fuq regoli tal-UE u tar-Renju Unit fi ħdan is-sħubija l-ġdida, hemm riskju ta' żieda possibbli fl-opportunitajiet ta' frodi, kuntrabandu ta' oġġetti, falsifikazzjoni u evitar tat-tariffi;

8. Jemmen ukoll li viġilanza partikolari għandha tkun iddedikata kemm għal verifiki kif ukoll għal spezzjonijiet ta' oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq permezz ta' partijiet oħra tar-Renju Unit li joriġinaw minn stati terzi oħra, u mbagħad maħsuba biex jidħlu fis-suq uniku tal-UE;

9. Ifakkar fil-pożizzjoni permanenti u spiss ripetuta tal-Parlament Ewropew biex jiġi żgurat li jkun hemm persunal imtejjeb kif ukoll livell adegwat u avvanzat ta' tagħmir tal-uffiċċji u l-awtoritajiet doganali responsabbli, inklużi arranġamenti xierqa għall-uffiċjali tal-UE li jinsabu fl-Irlanda ta' Fuq; jesprimi tħassib dwar ir-rifjut ripetut espress mill-awtoritajiet Brittaniċi li jawtorizzaw il-ftuħ ta' uffiċċju permanenti għall-uffiċjali tal-UE f'Belfast;

10. Jitlob li ssir valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji li jistgħu jinqalgħu matul l-implimentazzjoni, b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi doganali u tal-VAT u t-traffikar (il-kuntrabandu); iqis li huwa neċessarju li jiġi previst l-użu ta' kriterji ta' riskju li jippermettu li jiġu kkunsidrati kwistjonijiet bħall-oriġini u d-destinazzjoni finali tal-oġġetti, il-kwantifikazzjoni korretta tal-valur tal-oġġetti, id-definizzjoni tan-natura tal-oġġetti (it-tip ta' oġġett), kif ukoll l-iżgurar ta' għadd kbir biżżejjed ta' kampjuni ta' kontroll u li jiżdied in-numru ta' kampjuni għal dawk l-oġġetti aktar suxxettibbli għat-traffikar jew il-kuntrabandu; jinsab imħasseb dwar ir-riskju potenzjalment miżjud ta' importazzjonijiet illegali ogħla ta' oġġetti b'dikjarazzjonijiet ta' oriġini illegali jew ta' prodotti mhux maħsuba għas-suq uniku li jidħlu fl-UE u b'hekk issir ħsara lill-interess finanzjarju tal-Unjoni;

Kooperazzjoni doganali u assistenza amministrattiva reċiproka

 

11. Iqis li huwa essenzjali li fin-negozjati tingħata prijorità lid-definizzjoni ta' regoli ċari ta' kwistjonijiet doganali, b'mod partikolari verifiki u kontrolli doganali;

12. Peress li l-proċeduri doganali huma kumplessi ħafna, jitlob li, matul in-negozjati, jiġu żgurati kemm impenji robusti kif ukoll miżuri ta' salvagwardji indispensabbli biex jiġu garantiti kontrolli ordnati u l-ġbir kif suppost tal-VAT u tad-dazji doganali;

13. Iqis li kooperazzjoni doganali effiċjenti bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tipprevedi arranġamenti prattiċi affidabbli b'bażi legali ċara għal kooperazzjoni effettiva u trasparenti bejn l-UE u l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit fuq il-post fl-Irlanda ta' Fuq;

14. Jissottolinja li kooperazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet fil-qasam tal-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali għandha żżomm livell għoli ta' konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki doganali tagħhom bil-għan li jiġu żgurati kontrolli doganali u kklerjar effettivi, infurzar ta' leġiżlazzjoni doganali u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet b'kapaċità ta' rkupru ta' taxxi u dazji żejda;

15. Jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-kooperazzjoni amministrattiva msaħħa bejn il-partijiet fil-qasam tal-VAT u l-assistenza reċiproka, inter alia għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi u dazji, partikolarment fl-oqsma ta' (i) l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni doganali, l-implimentazzjoni u l-effikaċja ta' proċeduri ta' kontrolli doganali, (ii) is-sigurtà tal-katina tal-provvista kummerċjali u (iii) il-valutazzjonijiet u l-ġestjoni tar-riskju;

16. Jistieden, fil-qafas tal-ftehim kummerċjali futur, arranġamenti doganali profondi u miżuri speċjali li jikkonċernaw il-ġestjoni tat-trattament tariffarju preferenzjali kif ukoll l-operazzjonalizzazzjoni tal-eżenzjoni tat-tariffi għal ċerti oġġetti importati fl-Irlanda ta' Fuq;

17. Jesprimi l-appoġġ tiegħu, bħala prattika standard, għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet f'waqthom dwar assistenza amministrattiva reċiproka fid-dwana u fi kwistjonijiet relatati bħala parti mill-implimentazzjoni u l-kontroll tat-trattament preferenzjali;

18. Jisħaq fuq il-fatt li ż-żewġ partijiet jistgħu jiddependu fuq sistema rapida u oġġettiva ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni għall-ġlieda kontra l-ksur doganali fil-leġiżlazzjoni doganali, inkluż mekkaniżmu li temporanjament jissospendi t-trattament tariffarju preferenzjali għal ċertu oġġett jew operazzjoni kummerċjali fi ksur sistematiku tal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli;

L-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fir-Renju Unit u fl-Irlanda ta' Fuq

 

19. Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti li l-politika ta' koeżjoni tal-UE kellha fiż-żamma tal-paċi fl-Irlanda ta' Fuq u fl-iffaċilitar tar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet;

20. Jisħaq fuq l-importanza ta' soluzzjoni għar-reġjun li tippermetti t-tkomplija tal-ħidma importanti tal-bini tal-paċi;

21. Jinsab konvint li jkun fl-interess tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Unjoni Ewropea kollha li jitkompla b'mod konġunt il-finanzjament tal-programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq u l-programm INTERREG V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja bil-għan li jiġi appoġġat żvilupp paċifiku u prosperu ta' dawn ir-reġjuni;

22. Jilqa' l-proposti li jesploraw suċċessur potenzjali għal PEACE IV u programmi ta' finanzjament INTERREG għall-perjodu ta' wara l-2020, u jilqa' b'mod partikolari l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tiffinanzja dawn il-programmi fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Kopja: Unità LEGI

 

 

 

 

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI (25.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pedro Silva Pereira

 

SUGGESTIONS

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

1. Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ[20] u tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[21]; jieħu nota tal-fatt li n-negozjati dwar ir-relazzjoni futura għadhom fi stadju bikri ħafna, u jissottolinja l-impatt qawwi li l-kriżi tal-coronavirus kellha fuq dan il-proċess u fuq il-kalendarju tiegħu;

2. Jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq, li jiggarantixxi l-assenza ta' fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, hija rekwiżit preliminari għas-sħubija l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit, kif ukoll element bażiku tagħha; jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit li jixhdu nuqqas ta' rieda politika li jonora bis-sħiħ l-impenji tiegħu fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, partikolarment rigward il-kontrolli fil-fruntieri fil-Baħar Irlandiż; jinnota li, fil-Kumitat Konġunt, ma ngħatat l-ebda garanzija konkreta fir-rigward ta' din il-kwistjoni; jissottolinja l-fatt li, f'dawn in-negozjati, il-fiduċja reċiproka bejn il-partijiet hija essenzjali;

3. Jinnota li l-UE u r-Renju Unit ser jibqgħu ġirien viċini u ser jibqgħu jikkondividu bosta interessi; jaċċentwa l-livell ta' integrazzjoni u ta' interdipendenza konsiderevoli tal-ekonomiji tal-UE u tar-Renju Unit; ifakkar li, issa li ħareġ mill-UE, ir-Renju Unit jibqa' wieħed mill-eqreb alleati tal-UE, sieħeb tan-NATO kif ukoll sieħeb kummerċjali importanti; jinsisti, għalhekk, li kwalunkwe ftehim dwar relazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit irid iqis l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz, ikun koerenti u jirrifletti l-prossimità ġeografika taż-żewġ partijiet kif ukoll il-livell għoli ta' interkonnessjoni taż-żewġ ekonomiji; ifakkar li d-Dikjarazzjoni Politika, li hija bbażata fuq r-relazzjoni unika eżistenti, isservi ta' bażi għal sħubija ambizzjuża, mifruxa, profonda u flessibbli;

4. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat u ppubblikat proposta leġiżlattiva komprensiva għal sħubija ġdida, li sostanzjalment hija konsistenti mal-mandat ta' negozjar tal-Parlament u mar-riżoluzzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm it-trasparenza tagħha fil-konfront tal-koleġiżlaturi, tas-settur tas-servizzi finanzjarji u tal-konsumaturi, u jiddispjaċih ferm għall-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit irrifjuta li jaċċetta l-istess livell ta' trasparenza; jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċarezza u ċ-ċertezza huma kruċjali biex jinżammu l-kontinwità tal-attivitajiet kummerċjali u l-forniment mingħajr intoppi ta' servizzi għall-konsumaturi u biex tiġi evitata l-volatilità tas-suq;

5. Jinnota d-diverġenzi sostanzjali li jeżistu bejn iż-żewġ partijiet f'dan l-istadju inizjali tan-negozjati, inkluż rigward l-portata u l-arkitettura ġuridika tat-test li jrid jiġi negozjat; jesprimi tħassib qawwi dwar il-portata limitata tas-sħubija futura kif prevista mill-Gvern tar-Renju Unit, u jenfasizza li l-proposti tar-Renju Unit ma jissodisfawx l-impenji tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika;

6. Jemmen li ż-żewġ partijiet, għal raġunijiet tal-prossimità ġeografika u tal-interdipendenza ekonomika attwali tar-Renju Unit mal-UE, għandhom interess komuni li jistabbilixxu sħubija ekonomika ġdida ambizzjuża u affidabbli li tkopri l-ikbar numru ta' setturi possibbli; jissottolinja li, fi kwalunkwe każ, iridu jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti u jiġu salvagwardati l-istandards tal-UE bil-għan li tiġi evitata "ġirja 'l isfel" u l-ħolqien ta' vantaġġi inġusti li jmorru kontra l-kompetizzjoni permezz tat-twaqqigħ tal-livelli ta' protezzjoni jew minħabba diverġenzi regolatorji oħrajn; jaċċentwa li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għandhom jibqgħu miftuħa reċiprokament bħala rekwiżit preliminari għal kundizzjonijiet ekwivalenti reali bejn il-Partijiet; iqis li kull qafas ġdid għandu jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-istabilità finanzjarja tal-UE, il-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur, it-trasparenza fil-promozzjoni u fl-appoġġ mogħti lill-industriji tal-għarfien, l-integrità tas-suq uniku u l-impenji meħuda fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima li jiggarantixxu li l-livell ta' protezzjoni u tal-istandards attwali ma jitnawwarx; jisħaq li l-qafas li jirriżulta jrid ikun ċar u trasparenti u li ma għandux jimponi piż sproporzjonat fuq l-mikroimpriżi u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jistieden lill-partijiet jipproteġu il-ħtiġijiet u l-interessi ta' dawk l-impriżi fil-ftehim futur, speċjalment fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq, inkluż, iżda mhux limitat għal dawn, il-kompatibilità tal-istandards tekniċi u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri doganali; jinnota, b'mod partikolari, il-possibilità ta' tgħawwiġ tal-ekonomija fiż-żoni tal-fruntiera fl-Irlanda minħabba n-nuqqas ta' firxa sħiħa ta' dispożizzjonijiet li joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti, partikolarment rigward l-istandards tax-xogħol u dawk soċjali; jissottolinja l-importanza li tinżamm kooperazzjoni mill-qrib u strutturata fi kwistjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, fir-rispett tar-reġim regolatorju tal-UE u tal-awtonomija tagħha fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

7. Jemmen li s-sħubija futura trid tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, tax-xogħol u soċjali u ma għandhiex iddgħajjef inizjattivi futuri biex dan il-livell ta' protezzjoni jiżdied; jappoġġa, f'dan il-kuntest, il-klawżola ta' nonregressjoni tal-livell ta' protezzjoni tal-klima u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet iżidu l-miżuri u jikkooperaw fil-kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, bis-saħħa tal-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u tat-trawwim ta' tkabbir ekoloġiku u soċjali inklużiv; jilqa' pożittivament l-impenn tal-partijiet li jiksbu l-objettiv ta' newtralità klimatika fis-setturi kollha tal-ekonomija sal-2050 u li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-objettivi stabbiliti fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u fil-Ftehim ta' Pariġi; jappella għal djalogu politiku regolari biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-SDGs;

8. Jappella għal garanziji sodi u komprensivi fl-oqsma tal-kompetizzjoni, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-impriżi statali, l-antitrust, u l-kontroll tal-fużjonijiet biex jiġu żgurati u infurzati kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-ekonomiji tar-Renju Unit u tal-UE u jiġu evitati u pprojbiti l-kompetizzjoni inġusta u t-tgħawwiġ tal-kummerċ; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-istandards komuni ta' livell għoli fil-liġi tal-kompetizzjoni u tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur, l-integrità tas-suq intern u l-allinjament tar-Renju Unit mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat; jappella għal infurzar effettiv u l-attwazzjoni ta' miżuri korrettivi kif indikat fit-Trattati tal-UE;

9. Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji, id-djalogu fil-qasam regolatorju u superviżorju mar-Renju Unit għandu jitwettaq fuq bażi ta' djalogu regolatorju volontarju fost dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u s-superviżuri, bil-għan li jitrawwem allinjament regolatorju u jiġu kondiviżi t-tħassib u l-aħjar prattiki fil-qasam tas-superviżjoni, anki għal dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi innovattivi l-ġodda u dwar il-kwistjonijiet ta' interess reċiproku; huwa tal-fehma li l-ftehim futur għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji tar-Renju Unit biex jingħataw notifiki regolari dwar it-tibdiliet tal-qafas ġuridiku u l-implimentazzjoni tiegħu; jirrikonoxxi l-fatt li l-ekosistema finanzjarja tal-UE għandha interkonnessjoni qawwija mas-servizzi mogħtija mill-banek u mill-infrastrutturi tas-suq b'sede fir-Renju Unit; jemmen li għandhom isiru sforzi biex jinżamm livell tajjeb ta' kooperazzjoni, jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti u tiġi limitata d-diverġenza tar-Renju Unit dwar is-servizzi finanzjarji biex b'hekk jinżammu l-integrità tas-swieq tal-kapital u l-aċċess għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għal infrastrutturi tas-suq adegwati fir-Renju Unit;

10. Ifakkar li d-drittijiet ta' passaportar, li huma bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku, regoli prudenzjali armonizzati u l-konverġenza superviżorja fis-suq intern, ser jieqfu japplikaw bejn l-UE u r-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, peress li r-Renju Unit ser isir pajjiż terz; jissottolinja li, minn hemm 'il quddiem, l-aċċess għas-suq finanzjarju Ewropew irid ikun ibbażat fuq il-qafas ta' ekwivalenza awtonomu tal-UE; ifakkar, madankollu, fil-portata limitata tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ekwivalenza; jisħaq fuq il-fatt li jistgħu jiġu stabbiliti u miżmuma miżuri u rekwiżiti speċifiċi addizzjonali, għal raġunijiet prudenzjali u biex tiġi salvagwardata l-istabilità finanzjarja; jissottolinja li kwalunkwe sħubija futura mar-Renju Unit għandha tinkludi konċessjonijiet prudenzjali sodi bil-għan li jiġu garantiti ġuridikament id-drittijiet taż-żewġ partijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku;

11. Jaċċentwa l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi l-possibilità li r-regoli ta' pajjiżi terzi jitqiesu ekwivalenti abbażi ta' analiżi proporzjonali u bbażata fuq ir-riskju; jisħaq fuq il-fatt li l-eżamijiet ta' ekwivalenza huma proċess tekniku li għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari, oġġettivi u trasparenti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fir-rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rigward ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji u, skont liema d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu soġġetti għal atti delegati; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-regolamenti finanzjarji tar-Renju Unit u li l-ekwivalenza tista' tingħata biss jekk ir-reġim regolatorju u superviżorju u l-istandards ikunu għal kollox ekwivalenti ma' dawk tal-UE, bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti; jilqa' pożittivament l-impenn meħud mill-partijiet fid-Dikjarazzjoni Politika li tiddefinixxi l-Qafas għar-Relazzjoni Futura bejn l-UE u r-Renju Unit, bil-għan il-valutazzjonijiet ta' ekwivalenza jiġu konklużi sal-aħħar ta' Ġunju 2020; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jilħqu dan l-objettiv; jemmen li jekk ir-Renju Unit jingħata l-ekwivalenza, għandhom isiru sforzi biex din tinżamm, iżda jfakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment l-istatus ta' ekwivalenza fi kwalunkwe ħin;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tibdiliet introdotti permezz tar-Regolament 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment[22] għall-qafas ta' ekwivalenza għad-ditti tal-investiment jirrikjedi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq "timmonitorja l-iżviluppi regolatorji u superviżorji, il-prattiki ta' infurzar u żviluppi oħra fis-suq rilevanti f'pajjiżi terzi"; jinnota li tali dispożizzjonijiet jistgħu jservu bħala mudell ta' bażi għal reġim ta' monitoraġġ effikaċi;

13. Ifakkar li ammont sostanzjali ta' derivati iddenominati f'euro huma kklerjati fir-Renju Unit, u dan potenzjalment jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-istabilità finanzjarja għall-Unjoni Ewropea; jilqa' pożittivament r-reġim superviżorju l-ġdid introdott permezz tar-Regolament 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta' CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi[23]; jistieden lill-Kumitat Superviżorju tal-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs), li għadu kemm ġie stabbilit, juża l-poteri mogħtija lilu permezz ta' dan ir-regolament biex jissalvagwardja l-istabilità finanzjarja fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra approċċ simili għal oqsma oħra stabbiliti fir-Renju Unit għall-kummerċjalizzazzjoni, l-ikklerjar jew għas-sottoskrizzjoni ta' strumenti finanzjarji iddenominati f'euro;

14. Itenni l-importanza li jiġi żgurat qafas ta' kooperazzjoni rapida u ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, biex jiġi evitat, identifikat u kkastigat il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u biex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti; jappella lill-partijiet biex fil-ftehim ta' sħubija futur jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), kif ukoll mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li, fid-Dikjarazzjoni Politika, l-UE u r-Renju Unit ħadu impenn li jmorru lil hinn mill-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar l-AML/CFT fir-rigward tat-trasparenza ta' sjieda benefiċjarja u li jtemmu l-anonimat assoċjat mal-użu ta' muniti virtwali, inkluż bl-użu ta' kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-klijent; jissottolinja li r-Renju Unit għandu jirrispetta l-istandards internazzjonali u jkompli jikkonforma mar-regoli tal-UE u mal-istandards tagħha li qed jevolvu fil-qasam tal-ħasil tal-flus, li f'ċerti każijiet jistabbilixxu standards ta' protezzjoni ogħla u iktar trasparenti mill-istandards internazzjonali attwali; ifakkar l-UE għandha lista ta' pajjiżi terzi b'nuqqasijiet strateġiċi fl-oqfsa tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jħeġġeġ lir-Renju Unit, u lit-territorji extra-Ewropej tiegħu, jimpenjaw ruħhom biex ikomplu jżommu mal-qafas tal-UE dwar l-AML/CFT wara l-perjodu ta' tranżizzjoni;

15. Jilqa' pożittivament ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu LAW.AML.130 u fl-Artikolu LAW.AML.131 tal-abbozz ta' test tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit tat-18 ta' Marzu 2020[24] fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja għall-entitajiet ġuridiċi u għall-arranġamenti ġuridiċi; ifakkar fl-importanza assoluta għaż-żewġ partijiet li jiżguraw li l-informazzjoni inkluża fir-reġistri ċentrali tkun disponibbli skont l-istess standards, kif deskritt fid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu[25], speċjalment b'kunsiderazzjoni tal-premessa 42 tagħha dwar il-kunċett ta' interess leġittimu;

16. Jappella liż-żewġ partijiet biex fil-ftehim għal sħubija ġdida jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-superviżjoni tal-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji marbuta b'obbligu, fil-kuntest tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus; ifakkar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (COM/2019/0360) u fir-rapport tagħha dwar il-valutazzjoni tal-każijiet reċenti ta' allegat ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE, li kkonkludiet li s-superviżjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus kellha nuqqasijiet konsiderevoli;

17. Jemmen li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE – inklużi l-ħaddiema fruntalieri futuri – u l-moviment liberu tas-servizzi fuq il-gżira tal-Irlanda huma importanti sabiex tiġi limitata l-ħsara lill-ekonomija tal-gżira kollha u li din il-kwistjoni għandha tkun koperta fil-ftehim futur;

18. Jirrakkomanda li, fid-dawl taż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-kummerċ, li tinkludi s-servizzi, il-partijiet jaqblu li bħala parti mill-qafas ta' governanza tas-sħubija l-ġdida, ikun hemm dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ diġitali, jiġu indirizzati ostakli inġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, u jiġi żgurat ambjent online miftuħ, sikur u affidabbli għan-negozji u l-konsumaturi; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiffaċilitaw il-flussi neċessarji ta' data, soġġetti għal eċċezzjonijiet minħabba objettivi leġittimi ta' politika pubblika, mingħajr ma jiġu kompromessi r-regoli ta' protezzjoni tad-data personali tal-UE, u għandhom ikunu soġġetti għal kontroll ġudizzjarju xieraq;

19. Jenfasizza li, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier, huma meħtieġa investimenti sinifikanti fil-faċilitajiet ta' kontroll doganali fil-punti ta' tranżitu komuni, u l-ftehim futur għandu jipprevedi mekkaniżmi komprensivi ta' kooperazzjoni doganali;

20. Iqis li kwalunkwe ftehim futur għandu jipprevedi mekkaniżmi ċari li jiżguraw l-implimentazzjoni, l-infurzar u r-riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq; jilqa' pożittivament il-fatt li, fl-abbozz ta' ftehim ġuridiku ppreżentat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti biex tagħti deċiżjonijiet preliminari vinkolanti dwar l-interpretazzjoni ta' kunċett tad-dritt tal-UE jew dwar kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-UE;

21. Jistieden lill-UE u lir-Renju Unit juru impenn qawwi biex jiżguraw, inkluż fit-territorji extra-Ewropej tar-Renju Unit, fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu, konformità ma' governanza fiskali tajba bi qbil mal-istandards internazzjonali u Ewropej attwali u li qegħdin jevolvu, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa, it-trasparenza fiskali, it-tassazzjoni ġusta, il-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa u dwar l-istandards tal-OECD kontra l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt ; jappella, barra minn hekk, lill-partijiet jirrispettaw l-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja;

22. Jappella lill-partijiet jagħtu prijorità lill-ġlieda kkoordinata kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jappella lill-partijiet jindirizzaw il-prattiki dwar it-taxxa dannużi billi jfittxu li jdaħħlu fis-seħħ atti ta' kooperazzjoni fl-ambitu tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi; jaċċentwa, f'dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kummissjoni għall-pajjiż dwar ir-Renju Unit, bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew 2020, li juri li r-reġim tat-taxxa tar-Renju Unit ibbażat fuq id-dividendi u n-numru għoli ta' trattati tat-taxxa bilaterali tar-Renju Unit, huma fatturi li jistgħu jintużaw minn kumpaniji biex jinvolvu ruħhom fi ppjanar aggressiv tat-taxxa; jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit huwa kklassifikat f'pożizzjoni għolja fir-rigward tal-indikaturi li jidentifikaw pajjiż bħala wieħed li għandu aspetti li jistgħu jintużaw minn kumpaniji għal finijiet ta' evitar t-taxxa; jappella biex il-ftehim futur jindirizza b'mod speċifiku din il-kwistjoni u jistabbilixxi kif ir-Renju Unit ser jirrimedja din is-sitwazzjoni fil-futur; jinnota li fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit ser jibda jitqies bħala pajjiż terz u li ser jkollu jiġi kkontrollat mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) skont il-kriterji stabbiliti għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jappella lill-partijiet jiggarantixxu kooperazzjoni amministrattiva sħiħa biex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u mal-protezzjoni u l-irkupru tad-dħul mill-VAT;

23. Jilqa' pożittivament l-impenn mir-Renju Unit biex iżomm l-implimentazzjoni tad-Direttiva DAC 6[26]; jappella lill-partijiet jiggarantixxu li jibqgħu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet inklużi fid-direttivi differenti li jipprevedu l-iskambju obbligatorju awtomatiku ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC[27], DAC 2[28], DAC 3[29], DAC 4[30], DAC 5[31]) dwar l-introjtu, il-kontijiet finanzjarji, id-deċiżjonijiet tat-taxxa, ir-rapporti pajjiż b'pajjiż u s-sjieda benefiċjarja; jirrakkomanda lill-partijiet jistabbilixxu pjattaforma ddedikata dwar iż-żamma tal-kooperazzjoni amministrattiva bil-għan li jitkompla l-iskambju ta' informazzjoni u l-koordinament tal-proposti futuri għall-iskambju ta' informazzjoni, kif jiġri għall-pjattaformi online;

24. Jistieden lill-partijiet jiżguraw li l-politiki tat-taxxa rispettivi tagħhom jappoġġaw il-ksib tal-objettivi deskritti fil-Ftehim ta' Pariġi u jistieden lill-partijiet jikkooperaw fil-qafas ta' Mekkaniżmu tal-UE ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (CBA), b'mod partikolari biex jevitaw kwalunkwe forma ta' tassazzjoni doppja filwaqt li jiġu ssodisfati l-objettivi ambjentali ta' CBA tal-UE;

25. Ifakkar li, skont l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt jista' jadotta deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' tranżizzjoni; jemmen li l-possibilità ta' estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni jisħoqqilha kunsiderazzjoni serja, fid-dawl tad-diverġenzi li fadal u l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, bil-għan li jiġi vverifikat jekk hemmx bżonn ta' iktar żmien biex jiġu konklużi n-negozjati dwar sħubija komprensiva futura, filwaqt li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet taċ-ċittadini, iċ-ċertezza tad-dritt u l-istabilità ekonomika u finanzjarja; itenni l-pożizzjoni tiegħu li meta titqies il-kumplessità tan-negozjati u ż-żmien limitat, jeżisti r-riskju reali ta' effett ta' "preċipizju" f'setturi ekonomiċi li fihom il-miżuri ta' kontinġenza jew il-qafas internazzjonali jistgħu ma joffrux qafas ġuridiku suffiċjenti biex jipprevjenu tfixkil serju; jemmen li huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit li r-relazzjoni futura tagħhom tiġi stabbilita b'mod ordnat;

26. Ifakkar li l-likwidità tas-suq tal-bonds tal-Istati Membri u l-likwidità tal-iskambju ta' valuti nazzjonali ta' Stati Membri mhux membri taż-żona tal-euro, kienu qed jagħmlu affidament fuq l-infrastruttura offruta mill-banek ta' investiment fir-Renju Unit; jinnota li, billi f'ħafna ordinamenti ġuridiċi tal-UE huwa pprojbit in-negozjar primarju ta' bonds tal-Istat, huwa importanti ħafna li din il-kwistjoni, li ssemmiet iktar kmieni, titqies b'mod xieraq fin-negozjati dwar sħubija ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit;

27. Iqis li l-Brexit jista' jagħti impetu ġdid biex jitkompla l-proġett tal-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital, li jista' jgħin biex il-kreditu jiġi dirett lejn l-ekonomija reali, b'mod partikolari għall-SMEs, biex b'hekk ikun hemm iktar qsim tar-riskju privat, jitnaqqas il-bżonn ta' kondiviżjoni tar-riskju pubbliku u biex il-finanzjament jiġi kkomplementat permezz tal-banek.

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

3

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Valentino Grant, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Herve Juvin, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Cristian Terheş, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Chris MacManus, Ville Niinistö, Mikuláš Peksa, Mick Wallace

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

48

+

ECR

Johan Van Overtveldt

GUE/NGL

José Gusmão, Chris MacManus, Mick Wallace

NI

Piernicola Pedicini

PPE

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, José Manuel García‑Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

Renew

Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphanie Yon‑Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli

Verts/ALE

Karima Delli, Stasys Jakeliūnas, Ville Niinistö, Mikuláš Peksa, Kira Marie Peter‑Hansen, Ernest Urtasun

 

3

-

ID

Gunnar Beck, Herve Juvin, Jörg Meuthen

 

9

0

ECR

Derk Jan Eppink, Raffaele Fitto, Cristian Terheş, Roberts Zīle

ID

Francesca Donato, Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

NI

Lefteris Nikolaou‑Alavanos

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

Is-Sur David McAllister

President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

15E201

 

Is-Sur Bernd Lange

President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

12G301

 

Suġġett: Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMPL dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

 

Sinjuri Presidenti,

 

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ddeċieda jippreżenta opinjoni lill-Kumitati tagħkom fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Mejju 2020. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fir-riżoluzzjoni tagħhom.

Dejjem tagħkom,

Lucia Ďuriš Nicholsonová

 

 

SUĠĠERIMENTI

A. Billi l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ("ir-Renju Unit") mill-Unjoni Ewropea ("UE") u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jaffettwa miljuni ta' ċittadini - kemm ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fl-Unjoni u ċittadini tal-Unjoni li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fir-Renju Unit, kif ukoll persuni li mhumiex ċittadini tal-Unjoni u tar-Renju Unit;

B. Billi pajjiżi terzi, li mhumiex soġġetti għall-istess obbligi bħall-Istati Membri, ma jistax ikollhom l-istess drittijiet u jgawdu mill-istess benefiċċji bħala membri;

C. Billi mill-2008, l-UE inkludiet dispożizzjonijiet dwar l-istandards tax-xogħol fil-kapitli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tagħha ma' pajjiżi terzi;

D. Billi d-Dikjarazzjoni Politika li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tad-19 ta' Ottubru 2019, u l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ"), tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, billi tiddefinixxi l-parametri ta' sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli fl-oqsma tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni ekonomika, iċċentrata fuq Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv u bilanċjat;

E. Billi l-Artikolu 184 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jagħmlu kull sforz, bona fide u b'rispett sħiħ tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, biex jieħdu l-passi neċessarji biex jinnegozjaw bla telf ta' żmien il-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjoni futura tagħhom imsemmija fid-Dikjarazzjoni Politika u biex iwettqu l-proċeduri rilevanti għar-ratifika u l-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet, bil-għan li jiżguraw li dawk il-ftehimiet japplikaw, sa fejn possibbli, minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

F.  Billi l-Kunsill Ewropew adotta l-linji gwida ta' negozjar tiegħu bil-ħsieb li jinfetħu negozjati dwar il-fehim ġenerali tal-qafas għar-relazzjoni futura, li kellhom jiġu elaborati fid-Dikjarazzjoni Politika;

G. Billi, minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika kurrenti tal-UE mar-Renju Unit (il-Partijiet), kif ukoll minħabba n-numru kbir ta' ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u ta' ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE, is-sħubija prevista bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tkun komprensiva, tinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, kif ukoll kooperazzjoni settorjali usa' fejn dan ikun fl-interess tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha;

H. Billi din is-sħubija għandha, b'mod partikolari, timmira li tistabbilixxi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles li jiżgura l-ebda tariffa, kwota u dumping, anke fir-rigward tal-istandards soċjali u ta' impjieg, permezz ta' impenji robusti;

I. Billi dawn l-impenji għandhom l-għan li jipprevjenu t-tgħawwiġ fil-kummerċ u l-vantaġġi kompetittivi inġusti bil-għan li tiġi żgurata relazzjoni sostenibbli u dejjiema bejn il-Partijiet; billi s-sħubija prevista għalhekk għandha tkun ibbażata fuq standards għoljin u fuq bilanċ ta' drittijiet u obbligi li jiżguraw l-indiviżibilità tal-erba' libertajiet, u jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti li jibqgħu validi tul iż-żmien;

J.  Billi għalhekk is-sħubija prevista għandha tħaddan livell għoli ta' standards soċjali u tal-impjiegi komuni, u livell għoli ta' standards korrispondenti żviluppati maż-żmien, bl-użu tal-istandards u d-drittijiet soċjali u tal-impjieg tal-UE bħala punt ta' referenza;

K. Billi s-sħubija prevista għandha timpenja lill-Partijiet biex ikomplu jtejbu il-livelli rispettivi ta' protezzjoni tagħhom, bil-għan li jiżguraw livell għoli ta' standards soċjali u tal-impjiegi korrispondenti tagħhom, bil-għan li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti;

L. Billi fid-dawl tal-impenn meħud fid-Dikjarazzjoni Politika lejn kundizzjonijiet ekwivalenti, is-sħubija prevista għandha, b'mod partikolari tiżgura li l-livell ta' impjiegi u ta' protezzjoni soċjali provdut mil-liġijiet, regolamenti u prattiki ma jitnaqqasx taħt il-livell stipulat mill-istandards komuni applikabbli fl-UE u fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, tal-anqas f'dawn l-oqsma li ġejjin: id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol; is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, inkluż il-prinċipju prekawzjonarju; il-kundizzjonijiet ġusti fuq ix-xogħol u l-istandards tal-impjiegi, u l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u d-drittijiet fil-livell tal-kumpaniji u r-ristrutturar; billi s-sħubija prevista għandha wkoll tipproteġi u tippromwovi d-djalogu soċjali fost il-ħaddiema u l-impjegaturi, u l-organizzazzjonijiet u l-gvernijiet rispettivi tagħhom, u tħeġġeġ id-djalogu mas-soċjetà ċivili;

M. Billi f'dan ir-rigward, il-prinċipju ta' nonregressjoni tal-livelli attwali u futuri tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali, kif deskritt fl-abbozz tat-test tal-Kummissjoni tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, huwa essenzjali;

N. Billi s-sħubija prevista għandha tiżgura l-infurzar effettiv tal-impenji tar-Renju Unit u tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki tiegħu li jirriflettu dawk l-impenji, permezz ta' awtoritajiet domestiċi li jingħataw ir-riżorsi li jkollhom bżonn, ta' sistema effettiva ta' spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol u permezz ta' amministrazzjoni effettiva u ta' proċedimenti ġudizzjarji;

O.  Billi l-arranġamenti fir-rigward tal-mobilità għandhom ikunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri u fuq reċiproċità sħiħa; billi s-sħubija prevista trid tipprovdi wkoll koordinazzjoni estensiva u profonda tas-sigurtà soċjali;

P. Billi s-sħubija prevista għandha tinkludi arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar, u għandha b'mod partikolari tistabbilixxi korp governattiv li jkun responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tas-sħubija prevista, bil-għan li jiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim; billi huwa importanti li s-sħab soċjali jkunu involuti, fejn xieraq, fil-proċess ta' soluzzjoni tat-tilwim;

R.  Billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tibqa' l-uniku arbitru tal-liġi tal-Unjoni;

S. Billi qabel ma adotta l-Att tal-Unjoni Ewropea tal-2020 (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), il-Gvern tar-Renju Unit ħassar klawżoli li kienu jipprovdu livell limitat ta' protezzjoni legali domestika għad-drittijiet tal-ħaddiema derivati mill-UE, u impenja ruħu li jerġa' jdaħħal dawn id-dispożizzjonijiet f'Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjiegi li jmiss; billi dan l-Abbozz ta' Liġi għadu ma ġiex introdott;

T. Billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq il-proċess u l-iskeda ta' żmien tan-negozjati;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1. Ifakkar li pajjiż terz taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jkollu l-istess drittijiet jew igawdi mill-istess benefiċċji bħal Stat Membru; ifakkar, min-naħa l-oħra, li huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit li ssir ħidma favur relazzjoni ambizzjuża, wiesgħa u bbilanċjata permezz tal-ftehim ta' sħubija futur; jemmen li tali Ftehim jista' jiġi miftiehem biss jekk jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti kif deskritti fid-Dikjarazzjoni Politika permezz ta' impenji robusti u infurzabbli dwar diversi standards; jenfasizza b'mod partikolari li d-drittijiet u l-istandards soċjali tal-ħaddiema tal-UE skont l-acquis tal-UE ma jridu, fi kwalunkwe każ, jiġu affettwati b'mod negattiv minn ebda Ftehim ta' Kummerċ Ħieles futur;

2. Jilqa' pożittivament l-Abbozz Komprensiv tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit maħruġ mill-Kummissjoni fit-18 ta' Marzu 2020 ("l-Abbozz ta' Ftehim"), li b'mod ġenerali jikkonforma mad-Dikjarazzjoni Politika, mal-mandat ta' negozjar tiegħu u mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq; jiddispjaċih ferm għall-fatt li l-mandat tar-Renju Unit huwa, b'paragun, nieqes mid-dettalji; jiddispjaċih ukoll li r-Renju Unit għamel xi proposti għat-test dwar diversi suġġetti, iżda li dawn baqgħu kunfidenzjali sad-19 ta' Mejju;

3. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-fatt li r-Renju Unit jirrifjuta li jissoġġetta d-dispożizzjonijiet dwar il-liġi tax-xogħol fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles futur, għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst fil-Ftehim, filwaqt li ma jispeċifikax liema tip ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ser ikun japplika f'dan il-qasam; ifakkar li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim iridu jkunu disponibbli għall-partijiet kollha tal-Ftehim;

4.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit għadu ma ssodisfax l-impenn tiegħu għal Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjiegi ġdid u jħeġġeġ lir-Renju Unit biex jagħmel dan qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq il-fatt li huwa importanti ħafna li tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza fejn id-drittijiet tal-ħaddiema la huma protetti mil-liġi eżistenti tal-Unjoni u lanqas mill-Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjiegi tar-Renju Unit; ifakkar li l-istandards soċjali u tax-xogħol fl-Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjiegi m'għandhomx ikunu statiċi, iżda għandhom isegwu direttament kwalunkwe titjib li jsir lill-istandards soċjali u tax-xogħol fl-UE, bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-UE u r-Renju Unit;

5.  Jirreferi b'mod speċjali għall-atti leġiżlattivi tal-Unjoni adottati dan l-aħħar, li l-iskadenzi ta' traspożizzjoni tagħhom jaqgħu fil-perjodu ta' tranżizzjoni, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema, id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, u d-Direttiva dwar Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, u jtenni l-ħtieġa assoluta li dawk l-atti leġiżlattivi jiġu implimentati bis-sħiħ u kif xieraq;

6. Iħeġġeġ il-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit bħala pajjiż terz osservatur mingħajr ebda rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-aġenziji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat tal-Impjiegi tal-Parlament, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (abbażi tal-mudell tan-Norveġja)[32], peress li dan jippermetti lill-Partijiet jaqsmu d-data, l-aħjar prattiki u l-metodoloġiji; iħeġġeġ bil-qawwa wkoll lir-Renju Unit jikkoopera mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (skont l-Artikoli 17(6) u 42 tar-Regolament 2019/1149) u mal-Kummissjoni Amministrattiva skont ir-Regolament 883/2004/KE;

7. Itenni li skont il-paragrafu 125 tad-Dikjarazzjoni Politika, għandu jitħeġġeġ id-djalogu fis-soċjetà ċivili dwar l-aspetti kollha tal-ftehim u dan id-djalogu għandu jinkludi b'mod partikolari, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw kemm lil ċittadini tal-Unjoni li jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit kif ukoll lil ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu u jaħdmu fl-Unjoni (organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u taċ-ċittadini u assoċjazzjonijiet tal-impjegati);

8. Jiddispjaċih għall-fatt li ma sarux sforzi suffiċjenti mir-Renju Unit u mill-Istati Membri biex jissensibbilizzaw liċ-ċittadini dwar l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u jħeġġeġ bil-qawwa liż-żewġ Partijiet biex iniedu jew jintensifikaw il-kampanji ta' informazzjoni mmirati biex jinfurmaw liċ-ċittadini kollha koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ dwar id-drittijiet tagħhom u dwar kwalunkwe bidla possibbli fl-istatus tagħhom, inkluża l-applikazzjoni ta' regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; ifakkar li ċ-ċittadini affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit jiddependu fuq informazzjoni f'waqtha u affidabbli dwar id-drittijiet u l-istatus tagħhom, u jħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lir-Renju Unit jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni.

9. Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' aktar sforzi mill-Istati Membri biex jagħtu aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni tagħhom u dwar l-iskeda ta' żmien biex jiġu adottati miżuri li jipprovdu ċertezza legali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-Istati Membri, permezz ta' skema kostituttiva jew dikjaratorja;

Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

 

10. Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż b'rabta maż-żamma tal-integrità tas-suq uniku u tal-unjoni doganali; jissottolinja li l-Ftehim dwar ir-relazzjoni futura għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar il-Ħruġ; jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit qed jesperjenzaw problemi sinifikanti biex jiksbu status ta' stabbilit u li dawk li kisbu status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit qed isofru minn tnaqqis fid-drittijiet meta mqabbla ma' ċittadini tar-Renju Unit biex ikollhom aċċess għal ċerti benefiċċji;

11. Jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u r-rispett tal-impenji meħuda fid-Dikjarazzjoni Politika, kemm bil-kliem u wkoll bil-fatti, huma rekwiżiti preliminari għas-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit, u wkoll elementi bażiċi tagħha; jiddeplora d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit, li jixhdu nuqqas ta' rieda politika li jikkonforma bis-sħiħ mal-impenji tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, u d-Dikjarazzjoni Politika; jissottolinja li l-fiduċja bejn il-Partijiet hija essenzjali f'dawn in-negozjati;

12. Jaċċentwa l-importanza li jingħata rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u d-diplomi kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit u jenfasizza l-ħtieġa li jsiru arranġamenti xierqa f'dan ir-rigward; ifakkar fl-ambizzjoni tar-Renju Unit li jtejjeb il-mekkaniżmu ta' rikonoxximent għal ċittadini ta' pajjiżi terzi; jappella lin-negozjaturi jagħżlu mekkaniżmi ta' rikonoxximent li jirrispettaw l-istandards mingħajr ma joħolqu ostakli ġodda; . jistieden lin-negozjaturi jiżguraw li r-rikonoxximent tal-kwalifiki u d-diplomi ma jkunx limitat għall-"pajjiż tal-ħruġ", peress li dan joħloq ostakli għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor;

Kundizzjonijiet ekwivalenti

13.  Joġġezzjona bil-qawwa għall-fatt li l-mandat ta' negozjar tar-Renju Unit ma jagħmilx referenza għal "kundizzjonijiet ekwivalenti"; jinnota fl-istess ħin, li l-Gvern tar-Renju Unit iddikjara li se jżomm de facto l-ogħla standards tax-xogħol u soċjali iżda jinsisti li mhux se japprova obbligi legali li jmorru lil hinn mill-impenji li l-UE laħqet ftehim dwarhom ma' pajjiżi bħall-Kanada, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel; ifakkar madankollu li l-impenji fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles l-oħrajn tal-UE joffru salvagwardji insuffiċjenti għas-sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit peress li l-ebda pajjiż ieħor barra mill-UE ma jgawdi minn aċċess mingħajr tariffi u mingħajr kwoti għas-suq uniku, u li l-prossimità ġeografika, ir-residenza ta' ċittadini tar-Renju Unit fl-UE u ta' ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u wkoll il-volum tal-kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit jirrikjedu arranġamenti stretti ta' kundizzjonijiet ekwivalenti, u għaldaqstant impenji aktar profondi minn dawk li ntalbu għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Kanada, il-Ġappun jew il-Korea t'Isfel; se jiċħad, f'dan ir-rigward, kwalunkwe tip ta' "għażla selettiva" minn oqfsa legali u kummerċjali differenti applikabbli fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi oħra;

14. Itenni li, bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-integrità tal-UE u tas-suq uniku tagħha, tal-unjoni doganali u tal-indiviżibilità tal-erba' libertajiet, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-livell ta' aċċess ta' kwoti u ta' aċċess ħieles mid-dazju għall-akbar suq uniku fid-dinja jista' jikkorrispondi biss mal-grad ta' konverġenza regolatorja u l-impenji meħuda fir-rigward tal-osservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta bil-ħsieb ta' allinjament dinamiku; jissottolinja li dan jirrikjedi kombinazzjoni ta' regoli u miżuri sostantivi, inklużi klawżoli ta' nonregressjoni u mekkaniżmi li jiżguraw implimentazzjoni, infurzar u soluzzjoni tat-tilwim effettivi; jissottolinja li jrid jiġi garantit mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti għaċ-ċittadini u għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi fir-rigward tal-infurzar tal-istandards tax-xogħol;

15.  Jenfasizza b'mod partikolari l-klawżoli ta' nonregressjoni fl-oqsma li ġejjin taħt l-artikolu LPFS.2.27: (i) id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, (ii) l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, (iii) il-kundizzjonijiet ġusti fuq ix-xogħol u l-istandards tal-impjieg, u (iv) id-drittijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell tal-kumpanija, u (v) ir-ristrutturar; jilqa' pożittivament id-dispożizzjonijiet tal-artikolu LPFS.2.28 li jwittu t-triq lejn allinjament dinamiku; jinnota b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni li permezz tagħha l-Kunsill ta' Sħubija jingħata s-setgħat biex jimmodifika l-impenji bil-għan li jirriflettu l-istandards tax-xogħol u soċjali li qegħdin jevolvu;

16. Ifakkar li kwalunkwe Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ħieles futur li jkollu l-għan li jasal għal żero tariffi u żero kwoti għalhekk għandu jkun ibbażat fuq impenji legali robusti li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta, inkluż fir-rigward tal-istandards tax-xogħol u soċjali, biex tiġi evitata "tellieqa sal-qiegħ" u l-ħolqien ta' vantaġġi inġusti li jmorru kontra l-kompetizzjoni permezz tat-twaqqigħ tal-livelli ta' protezzjoni jew minħabba diverġenzi regolatorji oħrajn;

17.  Għalhekk jappoġġa bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III (Kundizzjonijiet ekwivalenti u sostenibbiltà) u speċjalment it-Taqsima 5 tiegħu (Ix-xogħol u l-protezzjoni soċjali) tal-Abbozz ta' Ftehim, li huma konformi ma' dawk tad-Dikjarazzjoni Politika;

18.  Jappoġġa s-sistema ta' governanza, kooperazzjoni, monitoraġġ u infurzar u riżoluzzjoni ta' kunflitt ippreżentata mill-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' spezzjonijiet tax-xogħol u proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji, inkluż l-għoti ta' rimedji, u r-rwol tal-Kunsill ta' Sħubija u tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Kundizzjonijiet ekwivalenti u s-Sostenibbiltà;

19. Jilqa' pożittivament il-proposta biex tiġi stabbilita assemblea ta' sħubija parlamentari għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tar-Renju Unit, li jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mill-Kunsill ta' Sħubija u tressaqlu rakkomandazzjonijiet; jaċċentwa wkoll il-ħtieġa li jitkompla l-monitoraġġ dettaljat tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ permezz tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tar-Renju Unit u biex jiġi rievalwat il-bżonn li tiġi stabbilita sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim fil-livell tal-UE;

20. Jisħaq fuq il-fatt li mhuwa se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ebda ftehim li jista' jdgħajjef direttament jew indirettament ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward kwistjonijiet tad-dritt tal-UE;

Mobilità u koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

21.  Ifakkar li, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE u ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit bħalissa huma koperti u protetti mir-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta' benefiċċji tal-mard, benefiċċji ta' maternità u benefiċċji ekwivalenti ta' paternità, benefiċċji ta' invalidità, benefiċċji tax-xjuħija, benefiċċji tas-superstiti, benefiċċji fir-rigward ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali, għotjiet f'każ ta' mewt, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji ta' qabel l-irtirar u l-benefiċċji tal-familja fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

22.  Ifakkar fl-importanza li jinżammu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali eżistenti u futuri tal-persuni affettwati, fid-dimensjonijiet kollha; ifakkar fit-talbiet qawwija li saru minn ċittadini affettwati, kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom; jistieden lin-negozjaturi tal-Ftehim jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jagħtu prijorità lid-drittijiet ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

23. Jinnota li l-għan tat-Titolu XI: Il-Mobilità ta' Persuni Fiżiċi hija li jiġu provduti arranġamenti ta' mobilità bejn il-Partijiet, li jiżguraw ir-reċiproċità sħiħa ta' dawn l-arranġamenti u n-nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri, u li jiżguraw il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Partijiet; jinnota li huwa previst ivvjaġġar reċiproku mingħajr viża għal soġġorni qosra ta' massimu ta' 90 jum, iżda jistgħu jkunu meħtieġa viżi miż-żewġ Partijiet għal dawk iċ-ċittadini li jwettqu attività bi ħlas; jilqa' pożittivament l-Artikolu MOBI.5 li jipprovdi kundizzjonijiet reċiproċi ta' dħul, residenza fit-tul u drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit f'attivitajiet ta' riċerka, studju, taħriġ u skambji ta' żgħażagħ u ta' membri tal-familja tagħhom fejn applikabbli;

24. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Artikolu MOBI.6 u l-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Abbozz ta' Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni kontinwa tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali f'numru ta' fergħat ta' sigurtà soċjali (eż. mard, invalidità u benefiċċji tax-xjuħija u benefiċċji fir-rigward ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol); jiddispjaċih ferm, madankollu, li ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali rigward il-benefiċċji tal-qgħad għall-ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri, u għalhekk iħeġġeġ lill-Partijiet jeżaminaw dispożizzjonijiet xierqa rigward il-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri bil-għan li jiġu salvagwardati d-drittijiet tagħhom; jistieden lin-negozjaturi jipprovdu l-applikazzjoni kontinwa tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fil-kapitoli kollha;

25. Jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-Artikolu MOBI.6 tal-Abbozz ta' Ftehim, ma jipprevedix l-obbligu, iżda biss is-sempliċi possibilità li l-Kunsill ta' Sħubija jemenda l-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali;

26. Jisħaq fuq l-importanza ta' ftehim dinamiku dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, li permezz tiegħu r-Renju Unit ikollu jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu skont il-bidliet fl-atti leġiżlattivi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, (eż. ir-Regolament li jmiss li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004); jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim finali dwar il-mobilità tal-persuni jridu jinkludu drittijiet proporzjonati u robusti fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika;

27. Jappella għal proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim effiċjenti f'każijiet fejn ikun hemm ambigwità dwar l-awtorità kompetenti;

28. Jenfasizza l-fatt li l-iskambju ta' data xieraq huwa essenzjali għall-fini tal-applikazzjoni tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali bejn l-UE u r-Renju Unit; għalhekk iħeġġeġ ukoll lir-Renju Unit jieħu sehem fl-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali;

29. Iħeġġeġ lill-Partijiet jaqblu dwar dispożizzjonijiet biex jitkomplew il-parteċipazzjoni reċiproka u l-investiment finanzjarju fil-programm Erasmus+ f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Politika dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' traineeships għall-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendisti u l-gradwati reċenti; jisħaq fuq il-fatt li l-applikanti kemm mill-UE kif ukoll mir-Renju Unit se jeħtieġu avviż kmieni biżżejjed dwar il-kundizzjonijiet u l-iskedi ta' żmien ta' parteċipazzjoni wara l-perjodu ta' tranżizzjoni;

Konklużjoni

30. Jiddispjaċih għad-diverġenzi sostanzjali li jeżistu bejn iż-żewġ Partijiet f'dan l-istadju tan-negozjati, inkluż rigward l-iskop u l-arkitettura legali tal-ftehim li jrid jiġi negozjat; jesprimi tħassib qawwi dwar l-iskop limitat tas-sħubija futura kif prevista mill-Gvern tar-Renju Unit, u jindika li l-proposti tar-Renju Unit ma jissodisfawx l-impenji tiegħu skont id-Dikjarazzjoni Politika; jinnota li fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 kurrenti, it-twettiq u l-konklużjoni tan-negozjati tirrappreżenta sfida; iħeġġeġ lir-Renju Unit jaħdem b'ħeffa u b'mod kostruttiv flimkien mal-UE biex jintlaħaq ftehim ta' sħubija li jwassal għal relazzjoni ambizzjuża, wiesgħa u bilanċjata u kundizzjonijiet ekwivalenti, f'konformità mal-impenji kollha meħuda skont id-Dikjarazzjoni Politika, qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL

David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

Sinjuri Presidenti,

Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel intalab jippreżenta opinjoni lill-kumitat tiegħek u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali. Fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Marzu 2020, il-kumitat iddeċieda li jibgħat l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Mejju 2020. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom ta' hawn taħt.

Dejjem tiegħek,

Pascal Canfin

SUĠĠERIMENTI

Rimarki ġenerali dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel

1. Itenni d-determinazzjoni tiegħu li jistabbilixxi relazzjoni kemm jista' jkun qrib mar-Renju Unit; jenfasizza, madankollu, li l-ftehim mar-Renju Unit m'għandux jiġi konkluż akkost ta' kollox; itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim ta' kummerċ ħieles wiesa' u ambizzjuż mingħajr restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u b'tariffi żero u mingħajr kwoti, iżda dan biss jekk ir-Renju Unit jimpenja ruħu għal "dumping żero"; jenfasizza, b'mod partikolari, li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, u l-kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa għandhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tas-sħubija prevista;

2. Jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mar-Renju Unit għandu jiddependi kompletament fuq ir-rispett tal-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew li tagħmel ir-rispett tal-Ftehim ta' Pariġi element essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali komprensivi futuri kollha; iqis ukoll li ż-żewġ Partijiet mhux talli għandhom iħarsu l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, talli għandhom iħarsu wkoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni; jenfasizza li r-rispett għal dawn il-ftehimiet internazzjonali għandu jkun vinkolanti u infurzabbli;

3. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-miżuri ta' tħejjija u ta' kontinġenza sew qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, speċjalment f'każ ta' staġnar fin-negozjati; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati b'mod xieraq l-azzjonijiet ta' tħejjija u li tingħata prijorità lill-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza fir-rigward tal-istat ta' tħejjija u kontinġenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku;

Kundizzjonijiet ekwi u sostenibbiltà

4. Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew se jżid l-ambizzjoni klimatika u ambjentali tal-UE u li b'konsegwenza ta' dan se jiġu adattati strumenti ta' politika; iqis li dan jista' jwassal għal diverġenza bejn l-ekonomiji tal-UE u tar-Renju Unit; iqis li ż-żewġ Partijiet għandhom, bħala prijorità, iżidu l-livelli rispettivi tagħhom ta' protezzjoni klimatika u ambjentali; jenfasizza li "klawżola ratchet" għal-livelli futuri ta' protezzjoni mhijiex biżżejjed, peress li ma tipprevedix kundizzjonijiet ekwi jew inċentivi biex jogħlew il-livelli ta' ambizzjoni, u jqis li jekk xi waħda mill-Partijiet iżżid il-livell tagħha ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali, il-Parti l-oħra għandha tiżgura li l-istandards u l-miri tagħha joffru mill-inqas livell ekwivalenti ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali; jenfasizza li l-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità, permezz tad-Direttivi dwar l-Għasafar[33] u dwar il-Ħabitats[34], hija parti essenzjali mill-kundizzjonijiet ekwi u hija vitali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

5. Iqis li qabel il-votazzjoni fil-Parlament dwar jekk japprovax l-abbozz ta' Ftehim dwar is-Sħubija Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ir-Renju Unit irid ikollu fis-seħħ sistema li tiffunzjona għall-monitoraġġ effettiv tal-infurzar domestiku tad-dritt u l-prattiki tar-Renju Unit minn korp indipendenti mgħammar b'riżorsi adegwati; jenfasizza l-importanza li l-korp indipendenti jkollu d-dritt li jieħu azzjoni legali, inkluż kontra l-gvern, quddiem tribunal jew qorti fi proċedura ġudizzjarja xierqa, bil-għan li jfittex rimedju adegwat, inklużi sanzjonijiet;

6. Jenfasizza n-numru kbir ta' każijiet ta' ksur kemm fil-passat kif ukoll attivi mressqa mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit fil-qasam ambjentali, inkluż għall-kwalità tal-arja u tal-ilma, u jissottolinja r-riskju ta' rigressjoni f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li r-Renju Unit jistabbilixxi proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji biex l-awtoritajiet pubbliċi u l-individwi jkunu jistgħu jieħdu azzjonijiet f'waqthom kontra l-ksur tal-liġi ambjentali u jiġu pprovduti rimedji, inklużi miżuri interim, biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u jkollhom effett ta' deterrent reali;

7. Jappoġġa s-sistema ta' kooperazzjoni, monitoraġġ u infurzar u riżoluzzjoni tal-kunflitti ppreżentata mill-Kummissjoni, u r-rwol tal-Kunsill ta' Sħubija; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' skrutinju fil-livell tal-UE li tippermetti lill-Parlament u lill-Kunsill jattivaw, permezz tal-Kummissjoni, sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim meta jqisu li r-Renju Unit ikun fi ksur tal-Ftehim; jenfasizza li s-sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim għandha tipprevedi sanzjonijiet gradwali kif ukoll rimedji meta jinsab ksur tal-Ftehim minn waħda mill-Partijiet; jenfasizza li mhuwa se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ebda ftehim li jista' jdgħajjef direttament jew indirettament ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward kwistjonijiet tad-dritt tal-UE;

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

8. Jenfasizza l-importanza li tinżamm il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-kapitolu "Kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u sostenibbiltà" tal-Ftehim;

9. Iqis li r-Renju Unit għandu jallinja ruħu kompletament mal-qafas ta' politika attwali u futur tal-UE dwar il-klima, inklużi l-miri riveduti għall-2030, il-miri għall-2040 u t-trajettorji biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050, kif ukoll l-impenji li ttieħdu skont il-Ftehim ta' Pariġi;

10. Fir-rigward tal-miri tal-2030, jesprimi tħassib fir-rigward ta' elementi inklużi fl-abbozz tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima (NECP) tar-Renju Unit, li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jindikaw li l-muturi ewlenin tal-politika tar-Renju Unit dwar l-enerġija u l-klima huma l-baġits tal-karbonju u ma joħroġx ċar jekk il-politiki eżistenti u ppjanati, li bihom huma koperti biss is-setturi tat-trasport u tal-bini, humiex biżżejjed biex tinkiseb il-mira tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi[35] u jinżamm l-impenn ta' ebda debitu skont ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija[36], li jippreskrivi li l-emissjonijiet kontabilizzati ma għandhomx jaqbżu l-assorbimenti kontabilizzati; jistieden lir-Renju Unit jissottometti l-NECP finali tiegħu, li kien dovut fl-aħħar tal-2019;

11. Iqis li r-Renju Unit għandu jimplimenta sistema ta' pprezzar tal-karbonju li mill-inqas ikollha l-istess ambitu u effettività bħal dik prevista mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) u għandu japplika l-istess prinċipji rigward l-użu ta' krediti esterni sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; iqis, barra minn hekk, li jekk ir-Renju Unit jitlob li l-ETS tiegħu stess tkun marbuta mal-EU ETS, sabiex tiġi kkunsidrata tali talba għandhom japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: l-ETS tar-Renju Unit ma għandhiex iddgħajjef l-integrità tal-EU ETS, b'mod partikolari l-bilanċ tagħha ta' drittijiet u obbligi, u għandha tirrifletti ż-żieda kontinwa fl-ambitu u l-effettività tal-EU ETS;

12. Jenfasizza l-importanza li ż-żewġ Partijiet iżidu l-miri tagħhom għall-2030 bħala pass neċessarju lejn l-impenn tagħhom favur id-dekarbonizzazzjoni sal-2050; jenfasizza li għandu jkun hemm sistema ta' pprezzar tal-karbonju diġà stabbilita u fis-seħħ qabel il-votazzjoni fil-Parlament dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Ftehim; jissottolinja l-ħtieġa ta' mekkaniżmu tal-UE ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri bħala parti minn strateġija usa' biex tinżamm l-ambizzjoni klimatika tal-UE u jiġi żgurat li pajjiżi terzi jikkontribwixu għall-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi;

13. Jistieden lir-Renju Unit ikompli jikkontribwixxi għall-ħidma fuq it-tisħiħ tal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u fuq l-iżgurar li s-settur tal-avjazzjoni u s-setturi marittimi u tat-trasport bit-triq, fir-Renju Unit u madwar id-dinja, iżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet, u jingħaqad fl-isforzi tal-UE favur l-istabbiliment u l-infurżar ta' sistema ta' pprezzar tal-karbonju għall-emissjonijiet fis-settur marittimu;

14. Jenfasizza li kwalunkwe relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandha tkun soġġetta – fost affarijiet oħra – għall-allinjament tar-Renju Unit mal-objettivi klimatiċi u ambjentali attwali u futuri tal-UE, għall-konformità tar-Renju Unit mar-regolament li jistabbilixxi qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli, u għall-politika ġdida u ambizzjuża ta' self fis-settur tal-enerġija u l-istrateġija klimatika, ukoll ġdida u ambizzjuża, tal-BEI;

Protezzjoni ambjentali

15. Jaqbel li l-Partijiet għandhom jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni ambjentali li jipprovdu l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki ma jitnaqqasx taħt il-livell ipprovdut mill-istandards u l-miri komuni applikabbli fi ħdan l-UE u r-Renju Unit wara li jispiċċa l-perjodu ta' tranżizzjoni b'rabta mal-protezzjonijiet ambjentali stabbiliti fl-acquis ambjentali kollu kemm hu f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza tar-rispett sħiħ għall-prinċipji li ġejjin: il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f'ras il-għajn u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas"; jistieden liż-żewġ Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-politiki kummerċjali u ta' investiment rispettivi tagħhom ma jxekklux il-kisba tal-iżvilupp sostenibbli;

16. Jenfasizza li ż-żewġ Partijiet għandhom jiżguraw l-impenn tagħhom favur il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità globali, permezz ta' miżuri fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, u favur ftehim globali legalment vinkolanti ekwivalenti, f'dak li għandha x'taqsam il-bijodiversità, għall-mira ta' 1.5°C tal-Ftehim ta' Pariġi fil-Konferenza tal-Partijiet li jmiss (COP15) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li jkun hemm impenn li jiġu rispettati ftehimiet internazzjonali oħra, bħall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

17. Jenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi terrestri u marini; ifakkar li permezz tal-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi kondiviżi kollha, jista' jinkiseb l-akbar benefiċċju reċiproku;

18. Fid-dawl tan-nuqqas tar-Renju Unit li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u li jikseb status ta' ilma "tajjeb" għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ naturali, u fid-dawl tal-kwistjonijiet serji li għaddejjin bħalissa fir-rigward tat-tniġġis ikkawżat min-nitrati, jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-kwalità tal-arja u tal-ilma minbarra l-adozzjoni tal-istandards u l-miri komuni; jenfasizza wkoll l-importanza li r-Renju Unit jimplimenta u jinforza l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet u dispożizzjonijiet oħra maqbula skont id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet [37]u jallinja ruħu b'mod dinamiku mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[38], inklużi l-aġġornamenti għad-Dokumenti ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli;

Is-saħħa pubblika u l-kummerċ fil-Prodotti

19. Jenfasizza li jekk ir-Renju Unit ikun jixtieq jiġi inkluż fil-lista ta' pajjiżi bil-permess li jesportaw prodotti lejn l-UE li huma soġġetti għal miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), se jkollu jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE għal dawk il-prodotti, inklużi r-rekwiżiti relatati mal-proċessi ta' produzzjoni; jenfasizza barra minn hekk li r-regoli tal-oriġini, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti alimentari, għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ, u li għandhom jiġu definiti regoli ċari fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-prodotti alimentari fir-Renju Unit biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti tal-UE, speċjalment fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles possibbli bejn ir-Renju Unit u pajjiżi oħra; iqis ukoll li kwalunkwe miżura SPS applikata mill-Partijiet għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju, b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' prekawzjoni;

20. Jenfasizza li r-reżistenza għall-antimikrobiċi toħloq theddida transkonfinali serja għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li ż-żewġ Partijiet jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fil-produzzjoni tal-annimali u biex ikomplu jipprojbixxu l-użu tagħhom bħala promotur tat-tkabbir u jnaqqsu l-użu mhux xieraq jew mhux neċessarju mill-bniedem;

21. Jenfasizza l-importanza li ż-żewġ Partijiet iżommu l-ogħla standards ta' sikurezza alimentari u tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, u servizzi ta' spezzjoni ta' kwalità għolja f'dawk l-oqsma, u l-ħtieġa li jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom mill-Parti l-oħra bil-għan li jippromwovu sistemi alimentari u metodi ta' produzzjoni alimentari sostenibbli, inkluż sajd u akkwakultura sostenibbli bbażati fuq ix-xjenza u approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd; jenfasizza li r-Renju Unit jeħtieġ ikun konformi mar-regolamenti tal-UE dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; iqis li l-Partijiet għandhom jaspiraw li jnaqqsu l-użu u r-riskji tal-pestiċidi;

22. Jenfasizza l-importanza li jiġi evitat in-nuqqas ta' prodotti mediċinali u tagħmir mediku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati jiżguraw li l-proċess ta' ridistribuzzjoni ta' prodotti mediċinali awtorizzati fuq livell nazzjonali jiġi konkluż sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jistieden lill-produtturi, b'mod partikolari, jiżguraw li l-faċilitajiet ta' ttestjar tal-lottijiet jiġu trasferiti sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sabiex il-prodotti mediċinali importati mir-Renju Unit ikunu jistgħu jiġu rilaxxati mingħajr dewmien;

23. Fir-rigward tal-bini li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) kellha fir-Renju Unit, jesprimi tħassib li l-EMA, bħala aġenzija tas-saħħa pubblika tal-UE, se jkollha tieħu ħsieb il-ġestjoni ta' proprjetà kummerċjali f'pajjiż terz u se tibqa' responsabbli għall-ħlas tal-kera sa Ġunju 2039; jitlob li jinstabu soluzzjonijiet biex l-EMA tiġi rilaxxata mill-obbligazzjonijiet kuntrattwali u finanzjarji tagħha fir-rigward ta' dan il-bini; iqis li arranġament raġonevoli fit-tul jista' jikkonsisti fl-assenjazzjoni tal-pożizzjoni kuntrattwali tal-EMA fil-konfront tas-sid il-kera tagħha Canary Wharf Ltd. lill-Gvern tar-Renju Unit;

24. Jenfasizza l-importanza li r-Renju Unit jibqa' allinjat b'mod dinamiku mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku, is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi, inklużi s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali, u REACH, b'mod partikolari, sabiex il-kumpaniji tar-Renju Unit jibqa' jkollhom aċċess għas-suq uniku; jenfasizza l-fatt li anke b'allinjament dinamiku, il-kumpaniji tar-Renju Unit ikunu soġġetti għall-istess obbligi li japplikaw għal kumpaniji mhux tal-UE barra miż-Żona Ekonomika Ewropea;

25. Jenfasizza li hemm firxa ta' fatturi li huma ta' riskju għas-saħħa, bħat-tipjip, l-użu tal-alkoħol u n-nutrizzjoni ħażina għas-saħħa, li huma sinifikanti fl-iżvilupp ta' mard li ma jitteħidx, u li ħafna minn dawn il-kundizzjonijiet huma prevalenti madwar l-Ewropa; jitlob, għalhekk, azzjoni koordinata biex titnaqqas il-prevalenza u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, b'kont meħud ta' fatturi transkonfinali bħar-reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-kummerċ legali u illegali ta' prodotti, kif ukoll l-iżvilupp koordinat tal-politika biex jissaħħu l-istandards tas-saħħa pubblika, bħal miżuri msaħħa ta' kontroll tat-tabakk u approċċ aktar robust għat-tikkettar tal-prodotti alimentari u tax-xorb; jirrimarka li l-kooperazzjoni hija essenzjali minħabba l-mod kif dawn il-prodotti jiġu nnegozjati regolarment bejn il-pajjiżi; jenfasizza li r-Renju Unit irid jikkonforma mal-miżuri tal-UE f'dan il-qasam sabiex ikun jista' jwettaq kummerċ ħieles fis-suq uniku;

Kooperazzjoni tematika

26. Ifakkar li hemm theddid serju għas-saħħa – bħal dak ikkawżat minn tifqigħat ta' mard infettiv, pandemiji, jew fatturi ambjentali – li ma jafx fruntieri; jistieden, għalhekk, liż-żewġ Partijiet jikkooperaw fuq medda twila ta' żmien biex jipprevjenu u jidentifikaw it-theddid stabbilit u emerġenti għas-sigurtà tas-saħħa, u jħejju ruħhom u jirrispondu għal tali theddid; jitlob, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u r-Renju Unit biex il-pandemija tas-COVID-19 tiġi miġġielda b'mod effettiv, b'mod partikolari fuq il-gżira tal-Irlanda fejn il-fruntiera tal-art tagħmel dan saħansitra aktar vitali; iqis li huwa essenzjali li r-Renju Unit u l-UE jżommu approċċ koordinat u mifrux mal-Ewropa kollha f'oqsma bħat-tħejjija għall-emerġenzi, il-komunikazzjoni, il-ġestjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, u l-iżvilupp ta' antimikrobiċi u vaċċini ġodda, u mediċini oħra; iqis li jekk waħda mill-Partijiet ma tiħux miżuri adegwati biex tindirizza theddida għas-saħħa, il-Parti l-oħra tista' tadotta miżuri unilaterali biex tipproteġi s-saħħa pubblika;

27. Jappella, b'mod partikolari, għal azzjonijiet immirati biex ikun żgurat aċċess kontinwu u rapidu għal tagħmir mediku u mediċini sikuri għall-pazjenti, inkluża provvista sikura u konsistenti ta' isotopi radjuattivi; iqis li sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-pazjenti, l-UE u r-Renju Unit għandhom jaħdmu favur ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali biex tiġi żgurata l-mobbiltà tal-professjonisti mediċi.

28. Jappoġġa l-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit bħala pajjiż terz osservatur mingħajr ebda rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'aġenziji mhux regolatorji, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, peress li dan jippermetti liż-żewġ Partijiet jikkondividu l-aħjar prattiki u metodoloġiji; iħeġġeġ liż-żewġ Partijiet, barra minn hekk, jikkunsidraw l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' aġenziji regolatorji omologi, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, sabiex jiskambjaw l-informazzjoni, l-aħjar prattika u l-għarfien xjentifiku;

L-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

29. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż b'rabta maż-żamma tal-integrità tas-suq uniku u tal-unjoni doganali; jissottolinja li l-Ftehim dwar ir-relazzjoni futura għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq; jenfasizza l-importanza ta' applikazzjoni robusta tal-Protokoll għaż-żamma ta' ekonomija li tinkorpora l-gżira kollha u tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, u tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-suq uniku; jenfasizza li l-applikazzjoni kontinwa tal-Kodiċi Doganali tal-UE u l-allinjament mar-regoli rilevanti tas-suq uniku min-naħa tal-Irlanda ta' Fuq huma meħtieġa mhux biss biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, iżda wkoll biex jitħarsu l-ambjent u l-bijodiversità tal-gżira tal-Irlanda u jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE skont ir-regoli tal-UE.

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA

Is-Sur David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

BRUSSELL

 

Is-Sur Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

BRUSSELL

 

Suġġett: Opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar ir-Rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI)

Sinjuri Presidenti,

Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ntalab jippreżenta opinjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Frar 2020, il-koordinaturi tal-Kumitat ITRE ddeċidew li jibagħtu l-opinjoni f'forma ta' ittra u dakinhar stess, ġejt maħtur rapporteur għall-opinjoni fil-kapaċità tiegħi ta' President tal-Kumitat.

F'laqgħa bil-magħluq mat-Task Force għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit fid-19 ta' Mejju 2020, il-koordinaturi tal-Kumitat ITRE kkunsidraw il-kwistjoni u sussegwentement, fis-27 ta' Mejju 2020 iddeċidew bi proċedura bil-miktub li jistiednu lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tagħhom għal riżoluzzjoni.

Dejjem tiegħek,

Cristian-Silviu BUŞOI

SUĠĠERIMENTI

 

1. jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-mandati ta' negozjar rispettivi tal-UE u tar-Renju Unit juru forom differenti ħafna ta' sħubija ġdida u li n-negozjati s'issa ma rnexxilhomx inaqqsu d-distakk suffiċjentement; barra minn hekk huwa mħasseb ukoll dwar iż-żmien qasir disponibbli biex jintlaħaq ftehim u li l-kriżi attwali ta' COVID-19 għamlet dan l-isforz saħansitra aktar diffiċli;

 

2. jistenna li, fl-oqsma kollha tal-politika, il-ftehim jipprovdi kundizzjonijiet ekwi, reċiproċità, nonrigressjoni u sorveljanza ġudizzjarja sabiex jiġu ppreservati l-kompetittività, l-istandards għoljin soċjali u ta' sostenibbiltà u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fil-futur; ifakkar li ż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-ftehim ta' Pariġi;

 

3. jemmen li l-ftehim għandu jistabbilixxi prinċipji ġenerali, termini u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE, filwaqt li jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontributi u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jissottolinja li dawn il-prinċipji ġenerali għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti korrispondenti;

 

4. jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tiġi ffinalizzata malajr kemm jista' jkun il-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi tal-QFP sabiex ikun possibbli li jinbdew malajr f'Jannar 2021; jinsisti li konklużjoni tal-ftehimiet leġiżlattivi m'għandhiex tittardja minħabba l-progress kajman tan-negozjati mar-Renju Unit;

 

5. jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm rabta bejn il-parteċipazzjoni fil-programmi mal-allinjament tal-politiki relatat, bħal politiki dwar il-klima jew iċ-ċibernetika; jenfasizza, barra minn hekk, li l-parteċipazzjoni f'Orizzont Ewropa jew Erasmus + teħtieġ aderenza mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni;

 

6. jissottolinja li l-kriżi COVID-19 uriet li l-kooperazzjoni kontinwa fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit hija vitali u għalhekk jistenna li l-ftehim jipprevedi kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi qafas ta' riċerka u innovazzjoni, mingħajr ma jinħolqu arranġamenti personalizzati li mhumiex disponibbli għal pajjiżi terzi oħra; jistenna, barra minn hekk, li l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi sħubijiet Ewropej ta' R&I taħt Orizzont 2020 li ser jiġu implimentati sal-2024 għandhom jiġu indirizzati; ifakkar il-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu jkun kapaċi jikseb aktar benefiċċju finanzjarju milli jikkontribwixxi;

 

7. jissottolinja li biex tiġi żgurata l-kontinwità għas-Suq Uniku tal-Elettriku fuq il-gżira tal-Irlanda wara li l-ħruġ tar-Renju Unit, dan jirrikjedi t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq;

 

8. huwa tal-fehma li huwa meħtieġ li jiġu żgurati regoli komuni għall-enerġija rinnovabbli offshore u għall-infrastruttura tal-pipelines li għalihom ir-Renju Unit jista' jkun sieħeb permezz ta' ftehimiet kummerċjali;

 

9. jistenna li l-ftehim jindirizza r-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Euratom u mal-proġett ITER u l-impatt ta' rtirar fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet; jistenna li r-Renju Unit, barra minn hekk, jikkonforma mal-ogħla standards ta' sikurezza, sigurtà u protezzjoni mir-radjazzjoni fil-qasam nukleari;

 

10. iqis li ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, f'konformità mal-ftehim globali dwar ir-relazzjonijiet futuri u bbażat fuq governanza robusta u kundizzjonijiet ekwi, ikun fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet;

 

11. jemmen li r-Renju Unit jista' jkompli jkun sieħeb industrijali reali f'setturi strateġikament importanti u jistenna li l-ftehim jipprevedi assistenza speċjali għall-SMEs biex jieħdu vantaġġ sħiħ mis-sħubija futura; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa għal katini tal-valur stabbli, affidabbli u sostenibbli, b'mod partikolari, iżda mhux esklussivament, għall-prodotti mediċinali; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwi u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-industriji ewlenin;

 

12. huwa tal-fehma li r-Renju Unit jista' jkompli jkun sieħeb importanti fil-politika spazjali tal-UE, jenfasizza li l-aċċess futur tar-Renju Unit għall-Programm Spazjali tal-UE jeħtieġ li jiġi indirizzat fin-negozjati filwaqt li jinżammu l-interessi tal-Unjoni u f'konformità mal-qafas legali applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-Programm Spazjali tal-UE;

 

13. jissottolinja li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża hija ta' benefiċċju għall-UE u r-Renju Unit u jekk għandha tkompli fil-qafas tal-Fond Ewropew għad-Difiża jew inizjattivi futuri possibbli, din trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-ftehim ġenerali dwar ir-relazzjonijiet futuri;

 

14. jistenna li r-Renju Unit ikun jista' jkompli bil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà; jistieden lir-Renju Unit jikkontribwixxi b'mod attiv għall-isforzi tal-Unjoni biex iżid ir-reżiljenza ċibernetika fl-Ewropa;

 

15. jistenna li l-ftehim jikkunsidra parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-Programm Ewropa Diġitali u jistenna li tista' tiġi stabbilita kooperazzjoni avvanzata fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis, barra minn hekk, li huwa ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat li jimmiraw għall-allinjament regolatorju tar-Renju Unit fir-rigward tal-ispazju komuni Ewropew tad-data futur tal-Unjoni u l-miżuri regolatorji futuri fil-qasam tal-IA;

 

16. jemmen li huwa fl-interess taċ-ċittadini tal-UE li r-Renju Unit ikompli japplika r-regolament dwar ir-roaming u jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier ta' persuni fuq il-gżira tal-Irlanda; jitlob, madankollu, li fin-nuqqas ta' ftehim dwar dan, l-operaturi joffru kundizzjonijiet ekwivalenti kemm lill-klijenti tagħhom mill-UE kif ukoll dawk mir-Renju Unit.

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (28.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kris Peeters

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

A. billi ftehim mar-Renju Unit irid jiżgura bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi, jirrispetta l-integrità sħiħa u l-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-unjoni doganali tal-UE u l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet, u jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur; billi pajjiż li mhux membru tal-Unjoni li ma jissodisfax l-istess obbligi bħal membru ma jistax ikollu l-istess drittijiet u jgawdi l-istess benefiċċji bħal membru;

B. billi l-aċċess għas-suq uniku tal-UE jirrikjedi, bħala prekundizzjoni, konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar is-suq uniku; billi l-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE hija żgurata permezz ta' qafas legali Ewropew estensiv;

C. billi l-UE hija l-potenza kummerċjali ewlenija tad-dinja u l-akbar suq uniku fid-dinja, li taġixxi bħala mutur prinċipali tal-prosperità ekonomika; billi fl-2019, l-esportazzjonijiet tal-UE-27 f'oġġetti lejn ir-Renju Unit ammontaw għal EUR 318,1 biljun, u l-importazzjonijiet tal-EU-27 mir-Renju Unit ammontaw għal EUR 193,7 biljun;

D. billi l-iskadenza għall-konklużjoni tan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit hija ambizzjuża, billi n-negozjati huma kumplessi ħafna, u billi l-kriżi bla preċedent ikkawzata mill-pandemija tal-COVID-19, li rriżultat fis-sospensjoni tan-negozjati, tagħmel is-sitwazzjoni saħansitra aktar iebsa;

1. Itenni bil-qawwa li l-Ftehim dwar il-Ħruġ irid jiġi implimentat b'mod sħiħ fil-partijiet kollha tiegħu miż-żewġ naħat, u li dan jista' jkun indikatur b'saħħtu tal-bona fide li biha se jitwettqu n-negozjati dwar il-ftehim futur;

2. Jemmen li huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit li tiġi segwita relazzjoni ambizzjuża, estensiva u bbilanċjata permezz tal-ftehim futur;

3. Jenfasizza li ċ-ċittadini, in-negozji, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu lesti għal sħubija ġdida mar-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

4. Jenfasizza li ftehim mar-Renju Unit ma għandux jimmina s-sett ambizzjuż u bbilanċjat ta' miżuri li tressqu mill-Kummissjoni fl-aħħar ħames snin, bħall-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u l-Istrateġija Diġitali Ewropea;

Is-suq intern

5. Jenfasizza li l-ftehim futur għandu jinkludi arranġamenti dwar l-aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali kif ukoll dwar ir-regoli tal-prodotti, dment li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi;

 6. Jemmen li sabiex nimxu lejn ekonomija ċirkolari u b'newtralità karbonika, l-Unjoni teħtieġ suq uniku kompletament operattiv li jinkoraġġixxi t-tixrid ta' soluzzjonijiet ekoloġiċi u innovattivi, u l-ftehim futur mar-Renju Unit għandu jkun konformi ma' dan il-għan;

7. Jenfasizza li pajjiż terz taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jkollu l-istess livell ta' drittijiet u benefiċċji bħal Stat Membru; jenfasizza li d-drittijiet u l-privileġġi assoċjati mal-aċċess għas-suq intern jimxu id f'id ma' obbligi stretti għar-rispett sħiħ tar-regoli tas-suq intern u l-konformità magħhom; ifakkar, għalhekk, li ftehim futur ibbilanċjat, ambizzjuż u estensiv jista' jiġi miftiehem biss jekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi permezz ta' impenji robusti, u l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar effettiv tagħhom, bil-għan li jinżammu standards ekwivalenti u allinjament dinamiku;

8. Jissottolinja li l-allinjament regolatorju dinamiku u d-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu sorveljanza tas-suq robusta li tgħin l-infurzar tar-regoli dwar il-prodotti għandhom ikunu parti essenzjali u insostitwibbli ta' kwalunkwe ftehim futur maħsub biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li ċ-ċertezza tad-dritt għan-negozji tal-UE flimkien ma' livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE permezz ta' sorveljanza tas-suq effettiva, traċċabbiltà tal-prodotti u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, għandhom jgħinu biex jitrawmu kundizzjonijiet ekwi f'dan il-qasam; jissottolinja, barra minn hekk, li biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi, dan jirrikjedi mekkaniżmu orizzontali, bħal qafas ta' governanza ġenerali li jkopri l-oqsma ta' kooperazzjoni kollha, biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-infurzar u s-soluzzjoni tat-tilwim permezz ta' awtoritajiet domestiċi b'riżorsi adegwati u proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji effettivi; ifakkar li tali mekkaniżmu orizzontali għandu jippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u tal-ordinament ġuridiku tagħha, u jipprovdi lill-Unjoni b'għodod adegwati biex taġixxi fir-rigward ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità possibbli min-naħa tar-Renju Unit;

9. Ifakkar li fi kwalunkwe każ il-ftehim futur se jwassal għal kontrolli u verifiki doganali qabel ma l-prodotti jidħlu fis-suq intern, u jinsisti li s-salvagwardja tal-konformità tal-prodotti mar-regoli tas-suq intern u mar-regoli rilevaneti tal-prodotti hija tal-akbar importanza;

10. Jenfasizza li meta jkun qed jiġi nnegozjat il-kapitolu rigward is-suq uniku tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq, fejn ikun rilevanti u xieraq, għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet u l-interessi tal-SMEs Ewropej; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-partijiet jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-SMEs, u jitlob qafas legali ġenerali stabbli u prevedibbli;

11. Jemmen bil-qawwa li l-arranġamenti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali fl-ambitu tar-regoli tal-istat ospitanti biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-UE jiġu ttrattati b'mod mhux diskriminatorju mir-Renju Unit, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment; jenfasizza li l-arranġamenti l-ġodda għandhom jippermettu l-permanenza u d-dħul fuq bażi temporanja taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit għal finijiet ta' negozju u bil-għan li jipprovdu s-servizzi;

12. Jenfasizza li għandhom jiġu inklużi arranġamenti ambizzjużi u xierqa biex jiġu ffaċilitati l-flussi tad-data u l-kummerċ elettroniku, biex jiġu indirizzati l-ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, u biex jiġi żgurat ambjent online miftuħ, sigur u affidabbli għan-negozji u għall-konsumaturi, dment li l-bejjiegħa bl-imnut online tar-Renju Unit jikkonformaw mal-istandards rilevanti tas-suq intern; jitlob, f'dan il-kuntest, l-allinjament ta' dawn l-arranġamenti mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

13. Jenfasizza li s-swieq tal-akkwist pubbliku taż-żewġ partijiet għandhom jibqgħu ugwalment miftuħa sabiex ikomplu jikkontribwixxu għall-fluss transfruntier ta' oġġetti u servizzi, dment li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi effettivi li jkopru kull aspett rilevanti; jiddispjaċih li s-settur tal-akkwist pubbliku mhuwiex imsemmi fil-mandat għan-negozjati tar-Renju Unit, u jitlob f'dan ir-rigward l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet addizzjonali li jagħtu aċċess reċiproku għas-swieq tal-akkwist liż-żewġ partijiet, li għandhom jitfasslu b'konformità sħiħa mal-acquis tal-UE;

Id-dwana

14. Jinnota l-intenzjoni tar-Renju Unit li ma jimmirax għall-kontinwazzjoni tal-istatus attwali tiegħu vis-à-vis is-suq uniku u l-unjoni doganali, u l-interess tar-Renju Unit li jimmira għal kooperazzjoni ekonomika mill-qrib mal-UE wara l-ħruġ tiegħu mill-UE; jenfasizza l-importanza li tinżamm l-integrità tal-unjoni doganali u l-proċeduri tagħha, li jiggarantixxu s-sikurezza u l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-interessi ekonomiċi tal-UE u l-intrapriżi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment ikbar fil-faċilitajiet ta' kontroll doganali fil-punti ta' tranżitu komuni fil-fruntieri komuni u, fejn rilevanti u xieraq, koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni ulterjuri bejn iż-żewġ partijiet;

15. Jirrimarka li l-għadd kbir ta' ostakli mhux tariffarji, id-diverġenzi fil-livell u l-kwalità tal-kontrolli, u d-differenzi fil-proċeduri doganali u l-politiki ta' sanzjonijiet fil-punti ta' dħul tal-UE fl-unjoni doganali sikwit jirriżultaw f'distorsjonijiet tal-flussi kummerċjali u jipperikolaw l-integrità tas-suq uniku Ewropew;

16. Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-arranġamenti għall-fruntiera Irlandiża hija kruċjali għan-negozju u biex jiġu evitati d-devjazzjoni tal-flussi kummerċjali u l-ħsara possibbli għall-ekonomija tal-gżira kollha, u li l-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq għandu jiġi applikat b'mod sħiħ; Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Kumitat Speċjalizzat għandu jipprovdi ċ-ċertezza neċessarja dwar l-aspetti tal-Protokoll, speċjalment l-Artikolu 12, li jikkonċerna l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-Protokoll, li għandu jiġi implimentat b'bona fide;

17. Jissottolinja li kwalunkwe ftehim futur għandu jistabbilixxi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni doganali komprensivi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier, kif ukoll mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq; jitlob, barra minn hekk, lill-partijiet biex, fejn rilevanti u xieraq, jistinkaw ħalli jissimplifikaw ir-rekwiżiti u l-formalitajiet tal-proċedura doganali għall-kummerċjanti jew l-operaturi ekonomiċi, inkluż għall-SMEs;

18. Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura li l-kontrolli doganali fl-UE kollha jsegwu l-istess standards, permezz ta' mekkaniżmu dirett unifikat ta' kontroll doganali, b'koordinazzjoni mal-Istati Membri u b'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

19. Jenfasizza li, għall-manifatturi u l-kummerċjanti tal-UE, l-arranġamenti l-ġodda fil-qasam doganali u f'oqsma oħrajn għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ugwalment ta' benefiċċju bħal fir-rigward tal-kontropartijiet tagħhom fir-Renju Unit;

20. Jenfasizza li jkun ferm mixtieq li r-Renju Unit iżomm il-klassifikazzjoni attwali tal-prodotti li hija bbażata fuq it-Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea (TARIC) sabiex il-proċeduri jibqgħu sempliċi u jitnaqqas il-piż regolatorju;

Il-politika tal-konsumatur

21. Jenfasizza li l-istandards attwali tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet taċ-ċittadini skont l-acquis tal-UE jridu jiġu ppreservati fi kwalunkwe ftehim futur miż-żewġ partijiet; jemmen li l-ftehim għandu jiżgura valur miżjud għall-konsumaturi tal-UE billi jipprovdi l-aħjar qafas għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u għall-infurzar tal-obbligi tal-kummerċjanti;

22. Iqis li l-garanzija tas-sikurezza tal-prodotti importati mir-Renju Unit b'tali mod li jkunu jikkorrispondu għall-istandards tal-UE hija ta' importanza fundamentali;

23. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni regolatorja u amministrattiva, akkumpanjata fejn rilevanti u xieraq minn sorveljanza parlamentari u impenji ta' nonregressjoni, bħal ma jseħħ ma' pajjiżi terzi oħra, biex jiġu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji u jiġu segwiti objettivi ta' interess pubbliku, jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi tal-UE, jiġi żgurat ukoll ambjent sigur u affidabbli għall-konsumaturi u n-negozji online u jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti;

24. Jenfasizza li b'riżultat tal-ftehim futur, huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit li fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-aċċess għas-suq jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq il-vantaġġi tanġibbli attwali għall-konsumaturi f'oqsma bħas-servizzi diġitali, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-kummerċ f'tagħmir mediku, in-numru Ewropew tal-emerġenza (112) u s-sistema pan-Ewropea interoperabbli eCall, l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; jenfasizza li, billi jaħdmu flimkien, l-UE u r-Renju Unit jistgħu jinfluwenzaw id-dibattitu fil-livell internazzjonali, inkluż sabiex jiġi żgurat ambjent online sigur u affidabbli għall-konsumaturi u n-negozji.

 

***


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrus Ansip, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Hynek Blaško, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Deirdre Clune, David Cormand, Petra De Sutter, Evelyne Gebhardt, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Andrey Kovatchev, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Leszek Miller, Dan-Ștefan Motreanu, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Miroslav Radačovský, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jordi Cañas, Maria da Graça Carvalho, Tsvetelina Penkova, Jiří Pospíšil, Dominik Tarczyński, Evžen Tošenovský, Edina Tóth

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

38

+

ECR

GUE/NGL

NI

PPE

Renew

S&D

Verts/ALE

Adam Bielan, Eugen Jurzyca, Dominik Tarczyński, Evžen Tošenovský

Kateřina Konečná

Miroslav Radačovský, Marco Zullo

Maria da Graça Carvalho, Deirdre Clune, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Dan-Ștefan Motreanu, Kris Peeters, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Edina Tóth, Marion Walsmann

Andrus Ansip, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Sandro Gozi, Svenja Hahn, Jordi Cañas

Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Maria Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Tsvetelina Penkova, Christel Schaldemose

David Cormand, Petra De Sutter, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak

 

1

-

ID

Hynek Blaško

 

4

0

GUE/NGL

ID

Anne-Sophie Pelletier

Alessandra Basso, Virginie Joron, Jean-Lin Lacapelle

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (29.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Johan Danielsson

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[39];

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-mandat għan-negozjati mar-Renju Unit, tat-13 ta' Frar 2020[40];

 wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, tal-24 ta' Jannar 2020, u d-dikjarazzjoni politika dwar il-qafas għar-relazzjoni futura[41];

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, tad-19 ta' Marzu 2020[42];

Kwistjonijiet orizzontali

1. Jenfasizza li s-sħubija prevista, li tfasslet abbażi tar-rabtiet ekonomiċi mill-qrib bejn ir-Renju Unit u l-UE u l-interessi komuni tagħhom, għandha tipprovdi konnettività kontinwa u bla xkiel għall-mezzi kollha tat-trasport, soġġetta għar-reċiproċità, u għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards soċjali, ambjentali u tal-impjiegi;

2. Itenni li bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax igawdi l-istess drittijiet u benefiċċji li jgawdi Stat Membru; iqis li l-kooperazzjoni futura mar-Renju Unit għandha tkun magħmula minn proġetti tat-trasport ta' interess komuni u tħeġġeġ kummerċ transfruntiera u kundizzjonijiet tan-negozju tajba; jenfasizza li tali kundizzjonijiet għandhom jiffaċilitaw u jassistu l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u jiżguraw li dawn ma jkollhomx piżijiet amministrattivi addizzjonali;

3. Jemmen li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit programmi transfruntiera ta' riċerka u żvilupp tal-UE fir-rigward tat-trasport għandha tkun prevista abbażi ta' interessi komuni;

4. Ifakkar fl-importanza li l-Kummissjoni tkun l-uniku negozjatur tal-UE matul in-negozjati u li l-Istati Membri m'għandhomx jagħmlux negozjati bilaterali; iħeġġeġ, madankollu, lill-Kummissjoni, biex tirrappreżenta l-interessi ta' kull Stat Membru fil-ftehim komprensiv finali;

5. Jenfasizza li d-drittijiet u l-privileġġi jinvolvu obbligi u li l-livell ta' aċċess għas-suq uniku tal-UE għandu jikkorrispondi għalkollox għal-livell ta' konverġenza regolatorja u għal-impenji miftiehem fir-rigward tal-osservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u għandu jkun imsejjes fuq l-istandards minimi komuni applikabbli fl-UE tas-27;

6. Jappoġġja d-direttivi ta' negozjati li jistabbilixxu li Ġibiltà mhix ser tiġi inkluża fl-ambitu territorjali tal-ftehimiet li ser jiġu konklużi bejn l-UE u r-Renju Unit u li kwalunkwe ftehim separat ser jirrikjedi il-qbil minn qabel tar-Renju ta' Spanja;

L-avjazzjoni

7. Ifakkar fil-fatt li l-avjazzjoni hi l-uniku mezz ta' trasport li ma għandu l-ebda riżerva legali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

8. Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi Kapitolu dwar it-Trasport bl-Ajru ambizzjuż u komprensiv li jiżgura l-interessi strateġiċi tal-UE, u dispożizzjonijiet adegwati dwar l-aċċess għas-suq, l-investiment u l-flessibilità operattiva u kummerċjali (pereżempju l-kondiviżjoni tal-kodiċi) filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-obbligi bbilanċjati;

9. Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-oqsma, tal-għajnuna mill-Istat, id-drittijiet tal-passiġġieri, id-drittijiet soċjali, is-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali;

10. Jenfasizza li kwalunkwe għoti possibbli ta' xi elementi tal-hekk imsejħa "ħames libertà" (libertà tal-ajru) għandu jkun ibbilanċjat b'obbligi korrispondenti fl-interess tal-Unjoni;

11. Jenfasizza li s-sħubija prevista għandha tinkludi kooperazzjoni mill-qrib fis-sikurezza tal-avjazzjoni u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; iqis li kooperazzjoni ta' dan it-tip m'għandhiex tillimita lill-UE fid-determinazzjoni tal-livell ta' protezzjoni li hija tqis bħala xieraq għas-sikurezza u l-ambjent;

12. Jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni mill-qrib fil-futur bejn l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u tal-involviment tar-Renju Unit fil-programmi attwali u futuri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), bħar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, biex tkun żgurata l-interoperabbiltà tal-infrastruttura u jittejjeb il-funzjonament sikur u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa;

13. Iqis li l-kooperazzjoni tar-Renju Unit fil-Programm Spazjali tal-UE għandha tkun prevista meta jkun fl-interess tal-Unjoni;

It-triq

14. Itenni li kwalunkwe ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq jeħtieġ ikun parti integrali minn Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Komprensiv;

15. Jinnota li l-qafas attwali tal-Konferenzi tal-Ministri Ewropej tat-Trasport, li huwa bbażat fuq għadd limitat ta' permessi, mhuwiex adattat għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit meta jitqies l-ammont ta' merkanzija ttrasportata bit-triq bejn l-UE tas-27 u r-Renju Unit; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandu jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġi evitat it-theddid għall-ordni pubbliku u biex ikun prevenut it-tfixkil tal-flussi tat-traffiku tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-operaturi tas-servizzi bil-kowċ u x-xarabank; jissottolinja, għaldaqstant, l-importanza li jiġu pprovduti rotot diretti mtejba bil-baħar mill-Irlanda lejn il-kontinent, u b'hekk titnaqqas id-dipendenza fuq il-pont bl-art tar-Renju Unit;

16. Jenfasizza li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tar-Renju Unit ma jistgħux jingħataw l-istess livell ta' drittijiet u benefiċċji bħall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tal-Unjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

17. Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi d-dritt ta' tranżitu ta' vjaġġi bit-tagħbija u bla tagħbija mit-territorju ta' parti waħda lejn it-territorju tal-istess parti mit-territorju tal-parti l-oħra;

18. Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-oqsma tal-ħinijiet tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ, l-istazzjonar tax-xufiera, it-takografi, il-piżijiet u d-daqsijiet tal-vetturi, it-trasport ikkombinat u t-taħriġ tal-persunal, u dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat livell kumparabbli ta' protezzjoni għall-operaturi u x-xufiera;

19. Jenfasizza li s-sħubija prevista għandha, fir-rigward tal-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, tqis il-Ftehim Interbus multilaterali[43] u l-Protokoll għal dak il-ftehim; jistenna li l-ftehim futur iqis l-importanza li tiġi żgurata l-ekoloġizzazzjoni tal-industrija permezz tal-użu ta’ fjuwils alternattivi u l-infrastruttura għall-iċċarġjar;

Il-ferroviji

20. Jenfasizza li s-sħubija prevista għandha tinkludi s-sitwazzjoni speċifika tal-mina ta' taħt il-Kanal Ingliż, speċjalment fir-rigward tal-aspetti tar-reġim ta' sikurezza, l-awtorizzazzjoni u d-drittijiet tal-passiġġieri;

It-trasport marittimu u l-portijiet

21. Jenfasizza li s-sħubija prevista għandha tiżgura aċċess reċiproku u ugwali għas-suq għas-settur tat-trasport marittimu internazzjonali, inklużi, iżda mhux biss, is-settur offshore u l-kummerċ domestiku, b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni xierqa fl-oqsma tas-sikurezza, is-sigurtà, ambjentali u soċjali bejn l-UE u l-portijiet tar-Renju Unit, mingħajr ma jikkompromettu l-istandards għolja eżistenti tal-UE f'dawn l-oqsma; jenfasizza li s-sħubija għandha tipprevedi approċċ komuni fir-rigward tal-qafas ta' politika globali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u d-WTO;

22. Iħeġġeġ li l-fluidità tal-kummerċ marittimu bejn l-UE u r-Renju Unit, il-moviment liberu tal-passiġġieri, il-baħħara u l-persunal offshore u onshore għandhom ikunu prijorità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE u r-Renju Unit għandhom jiżguraw li jkunu hemm fis-seħħ sistemi xierqa tal-fruntieri u tad-dwana biex jiġu prevenuti d-dewmien u t-tfixkil;

23. Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Marittima u tal-Gwardja tal-Kosta tar-Renju Unit;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Julie Lechanteux, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Josianne Cutajar, Clare Daly, Roman Haider, Anne-Sophie Pelletier, Robert Roos

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

47

+

ECR

Peter Lundgren, Robert Roos, Roberts Zīle,

GUE/NGL

Clare Daly, Kateřina Konečná, Anne-Sophie Pelletier

ID

Marco Campomenosi, Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo

PPE

Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Barbara Thaler, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

RENEW

José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet

S&D

Andris Ameriks, Josianne Cutajar, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Rovana Plumb, Vera Tax, István Ujhelyi, Petar Vitanov

VERTS/ALE

Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Tilly Metz

NI

Mario Furore

 

1

-

NI

Dorien Rookmaker

 

1

0

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI (13.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Arimont

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-politika ta' koeżjoni hija strument ewlieni li jiżgura s-solidarjetà bejn ir-reġjuni tal-UE inkambju għall-opportunitajiet offruti mis-suq intern; billi jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jikseb aċċess għas-suq intern bħala membru, dan jeħtieġlu jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għas-solidarjetà u l-koeżjoni, u jirrispetta l-politiki orizzontali, inklużi dawk dwar it-tisħin globali, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-agrikoltura u s-sajd – kif inhu l-każ għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

B. billi ħafna reġjuni tal-UE se jiġu affettwati b'mod negattiv bil-ħolqien ta' ostakli ġodda għall-kummerċ u għall-moviment tal-persuni bejn l-UE u r-Renju Unit, b'mod partikolari dawk li jikkondividu fruntiera tal-art jew tal-baħar mar-Renju Unit, u għalhekk se jeħtieġu appoġġ addizzjonali mill-fondi ta' koeżjoni;

C. billi l-ħarsien tal-attività ekonomika transfruntiera hu partikolarment importanti, u għandu jibqa' possibbli għall-ħaddiema transfruntiera bejn l-UE u r-Renju Unit li jaqilgħu l-għajxien tagħhom;

D. billi anke jekk ir-Renju Unit se jkun pajjiż terz, ikun vantaġġuż li jitkomplew il-programmi Interreg bejn ir-reġjuni tal-UE u dawk tar-Renju Unit;

E. billi l-finanzjament tal-koeżjoni huwa ta' importanza speċjali għall-Irlanda ta' Fuq u għar-reġjuni fil-fruntiera tal-Irlanda; billi l-programm PEACE żvolġa rwol ewlieni fir-rikonċiljazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi, u għaqqad eluf ta' nies permezz ta' attivitajiet transfruntiera, inkluż appoġġ għall-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità li jmexxu proġetti dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-komprensjoni kulturali, u għal proġetti transfruntiera li jiffokaw fuq il-ħiliet, it-tagħlim u t-taħriġ;

F. billi l-politiki tal-iżvilupp u ta' koeżjoni tal-UE ppermettew kooperazzjoni siewja bejn it-territorji barra mix-xtut tal-UE u tar-Renju Unit, u din il-kooperazzjoni għandha titkompla fil-ġejjieni;

G. billi l-ħruġ tar-Renju Unit mingħajr ftehim sussegwenti dwar ir-relazzjoni futura tiegħu mal-UE jkollu effetti ta' tfixkil, li se joħolqu piż sinifikanti għall-finanzi pubbliċi fl-UE; billi tali nuqqas ta' ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit jiġġustifika l-attivazzjoni tal-prinċipju ta' solidarjetà; billi l-Parlament diġà approva l-attivazzjoni tal-prinċipju ta' solidarjetà f'sitwazzjoni ta' dan it-tip;

1. Jissottolinja li, jekk ir-Renju Unit ma jiksibx adeżjoni mas-suq intern, m'għandux ikun jista' jibbenefika mill-fondi ta' koeżjoni, għajr għal proġetti li huma permessi fl-ambitu tar-regolamenti li jistabbilixxu dawk il-fondi; Iqis li, jekk ir-Renju Unit fl-aħħar mill-aħħar ikun jixtieq jipparteċipa fis-suq intern, hu għandu jikkontribwixxi għall-fondi ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027;

2. Jemmen li l-ftehim il-ġdid għandu jqis il-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-UE affettwati mill-Brexit, speċjalment dawk li jikkondividu fruntiera tal-art jew tal-baħar mar-Renju Unit, bħar-reġjuni fil-fruntiera tal-Irlanda u n-Nofsinhar ta' Spanja, u r-reġjuni kostali tul il-Kanal, l-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana; ifakkar fil-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt tal-Brexit fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li joperaw fit-territorji li jikkondividu fruntiera tal-art jew tal-baħar mar-Renju Unit;

3. Ifakkar fl-importanza tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol eqwa; jitlob li l-ftehim ġejjieni jinkludi dispożizzjonijiet għall-ħarsien kontinwu tal-għajxien tal-ħaddiema transfruntiera, fosthom għal relazzjonijiet ta' impjiegi ta' kwalità ġodda, b'mod partikolari għal dawk li jaħdmu lil hinn mill-fruntiera Irlandiża jew bejn ir-Renju Unit u l-Belġju, Franza jew in-Netherlands;

4. Jinnota li l-programmi transfruntiera u transnazzjonali ffinanzjati permezz ta' Interreg għandhom rwol ewlieni fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u ċ-ċittadini fi Stati Membri differenti, u jipproponi li l-programmi Interreg għandhom jibqgħu miftuħa għar-Renju Unit u l-pajjiżi kostitwenti tiegħu, dment li ssir kontribuzzjoni finanzjarja xierqa; ifakkar li l-programmi Interreg jappoġġaw ukoll politiki u strateġiji inklużivi li jevitaw li jżidu l-inugwaljanzi f'komunitajiet transfruntiera;

5. Jissottolinja l-kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-Irlanda ta' Fuq, b'mod partikolari f'termini ta' assistenza għall-irkupru ta' żoni urbani u rurali żvantaġġati, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u l-bini ta' kuntatti transfruntiera u bejn il-komunitajiet fil-kuntest tal-proċess ta' paċi; jissottolinja li huwa ta' importanza kbira li l-programm PEACE ikompli jopera fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni fil-fruntiera tal-Irlanda, u li jiġi ġestit b'mod awtonomu mill-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE;

6. Iqis li l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-UE fuq in-naħa l-waħda, u t-territorji barra mix-xtut tar-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, b'mod partikolari fil-Karibew u l-Paċifiku, għandha titkompla; jitlob dispożizzjonijiet speċjali li jippermettu proġetti konġunti futuri fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-fondi ta' koeżjoni, skont il-każ;

7. Jissottolinja li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), li qiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji permezz tal-baġit tal-UE, jikkostitwixxi espressjoni tanġibbli ta' solidarjetà meta riperkussjonijiet serji, inter alia, fuq l-ekonomija jaffettwaw reġjun wieħed jew aktar tal-UE jew ta' pajjiż li jkun qed japplika għall-adeżjoni; ifakkar fl-importanza li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE biex ikopri parti min-nefqa pubblika addizzjonali mġarrba fit-tħejjija għal xenarju fejn il-perjodu ta' tranżizzjoni jintemm mingħajr ftehim sussegwenti dwar ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE, jew bħala konsegwenza ta' tali xenarju, kif diġà sar biex tiġi indirizzata l-emerġenza tas-saħħa pubblika attwali kkważata mill-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar il-kwistjoni, fuq l-istess linji tal-proposta li saret qabel biex jiġi kopert in-nuqqas ta' ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie approvat mill-Parlament fl-24 ta' Ottubru 2019[44];

8. Jitlob lill-Kummissjoni tħejji għall-konsegwenzi ta' xenarju mingħajr ebda ftehim f'każ li r-Renju Unit ma jitlobx estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Mathilde Androuët, Pascal Arimont, Adrian-Dragoş Benea, Tom Berendsen, Erik Bergkvist, Stéphane Bijoux, Andrea Cozzolino, Corina Crețu, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Christian Doleschal, Francesca Donato, Raffaele Fitto, Chiara Gemma, Cristian Ghinea, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Manolis Kefalogiannis, Ondřej Knotek, Constanze Krehl, Elżbieta Kruk, Cristina Maestre Martín De Almagro, Pedro Marques, Nora Mebarek, Martina Michels, Andżelika Anna Możdżanowska, Niklas Nienaß, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Alessandro Panza, Tsvetelina Penkova, Caroline Roose, André Rougé, Vincenzo Sofo, Irène Tolleret, Valdemar Tomaševski, Monika Vana

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Vlad-Marius Botoş, Daniel Buda, Sandro Gozi, Simone Schmiedtbauer

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

38

+

ECR

Raffaele Fitto, Elżbieta Kruk, Andżelika Anna Możdżanowska, Valdemar Tomaševski

GUE/NGL

Martina Michels, Younous Omarjee

NI

Rosa D'Amato, Chiara Gemma

PPE

Pascal Arimont, Tom Berendsen, Daniel Buda, Tamás Deutsch, Christian Doleschal, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Manolis Kefalogiannis, Andrey Novakov, Simone Schmiedtbauer

RENEW

Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Cristian Ghinea, Sandro Gozi, Ondrej Knotek, Irène Tolleret

S&D

Adrian-Dragoş Benea, Erik Bergkvist, Andrea Cozzolino, Corina Crețu, Constanze Krehl, Cristina Maestre Martín De Almagro, Pedro Marques, Nora Mebarek, Tsvetelina Penkova

VERTS/ALE

François Alfonsi, Niklas Nienaß, Caroline Roose, Monika Vana

 

0

-

 

 

 

5

0

ID

Mathilde Androuët, Francesca Donato, Alessandro Panza, André Rougé, Vincenzo Sofo

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (COM(2019/0194); COM(2018/0841); COM(2018/0834); COM(2018/0833) – C9-0148/2019 – 2018/0427(NLE))

Sur President,

Il-Kumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2020. Waqt dik il-laqgħa[45], iddeċieda b’mod unanimu li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rakkomandazzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

 

(iffirmata) Norbert Lins

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat AGRI jixtieq jenfasizza l-punti essenzjali li ġejjin dwar l-impatt fuq l-agrikoltura tal-UE tal-Brexit u s-soluzzjonijiet proposti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika.

 

1. F'termini ta' politika agrikola per se, il-ħruġ tar-Renju Unit ma jidhirx li jqajjem problemi li ma jistgħux jingħelbu minħabba li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi u l-pagamenti tal-PAK għar-Renju Unit jistgħu jitwaqqfu b'mod relattivament faċli. Il-fatt li t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ ikun jikkoinċidi mat-tmiem tal-QFP attwali (2014-2020) jiffaċilita l-affarijiet f'dan ir-rigward;

 

2. Madankollu, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni tkun teħtieġ li tiġi akkumpanjata minn dispożizzjonijiet ta' finanzjament u kontijiet xierqa saldati kif xieraq fi tmiem dan il-perjodu, kif previst fl-Artikolu 132 tal-Ftehim, minkejja li r-Renju Unit huwa kkunsidrat bħala pajjiż terz taħt il-QFP mis-sena 2021;

 

3. Il-protezzjoni kontinwa fir-Renju Unit ta' ħafna (aktar minn 3000) Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) li japplikaw għal prodotti agrikoli, tal-ikel jew tax-xorb li joriġinaw fl-UE kienet sors serju ta' tħassib għall-Kumitat AGRI matul in-negozjati tal-Ftehim. F'dan ir-rigward, il-Kumitat huwa sodisfatt li t-test attwali jiżgura l-protezzjoni tal-IĠ tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE approvati sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni f'partijiet oħra tar-Renju Unit;

 

4. Nixtiequ nissottolinjaw l-importanza li tinżamm din il-protezzjoni fl-arranġamenti li jirregolaw ir-relazzjoni futura. Barra minn hekk, mhux biss dawn l-arranġamenti għandhom ikopru lill-IĠ tal-UE eżistenti kollha, iżda għandhom ukoll, fl-opinjoni tagħna, jinkludu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bilaterali għar-rikonoxximent reċiproku mir-Renju Unit u l-UE-27 ta' IĠ ġodda approvati wara l-perjodu ta' tranżizzjoni u, jekk rilevanti, f'każ li l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jieqaf japplika skont l-Artikolu 18 tiegħu;

 

5. Aħna konxji ħafna li l-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq għandha implikazzjonijiet li jmorru lil hinn sew mis-settur agrikolu. Madankollu, minħabba l-importanza tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji fl-agrikoltura, il-karattru ferm integrat u interdipendenti tas-swieq agrikoli tal-Irlanda u tal-Irlanda ta' Fuq, u ċ-ċirkolazzjoni kostanti fuq il-fruntiera ta' annimali ħajjin, ta' prodotti lesti u prodotti li jeħtieġu pproċessar ulterjuri, it-trattament bla xkiel ta' din il-kwistjoni huwa partikolarment importanti għal dan is-settur. F'dan ir-rigward, il-Kumitat AGRI jilqa' ż-żamma tal-istatus quo, il-fruntiera attwali inviżibbli u l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fuq il-gżira tal-Irlanda kif stabbilit fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, dment li jingħata l-kunsens demokratiku msemmi fl-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq;

 

 

6. Fl-istess ħin, nixtiequ nenfasizzaw il-ħtieġa assoluta li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Protokoll, sabiex mhux biss jinżamm l-istatus quo ta' hawn fuq, iżda wkoll biex jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni fil-protezzjoni tariffarja u mhux tariffarja tal-UE. Il-ħidma tal-Kumitat Konġunt biex jiġu ffinalizzati l-arranġamenti skont il-Protokoll se tkun kruċjali. Dawn iż-żewġ objettivi għandhom ukoll jiġu riflessi u infurzati permezz ta' kwalunkwe arranġament dwar ir-relazzjoni futura f'każ li l-Protokoll ma jibqax japplika skont l-Artikolu 18;

 

7. Il-kwistjonijiet agrikoli ewlenin imqajma mill-Brexit jirrigwardaw il-kummerċ. Il-prodotti agrikoli u agroalimentari huma dawk bl-ogħla livelli ta' protezzjoni tariffarja u mhux tariffarja fl-UE bħal fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, u kif aktarx ikun il-każ fir-Renju Unit. Is-settur għalhekk huwa l-aktar li mistenni jbati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Doganali u mis-Suq Uniku fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, speċjalment peress li l-volumi kummerċjali inkwistjoni huma sinifikanti: abbażi tal-flussi kummerċjali attwali, ir-Renju Unit jista' jsir is-sieħeb ewlieni tal-kummerċ agroalimentari tal-UE-27 kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet wara l-Brexit;

 

8. Għalhekk nixtiequ nindikaw li jekk il-Ftehim jidħol fis-seħħ, ikun tal-akbar importanza li jittieħed vantaġġ mill-perjodu ta' tranżizzjoni biex jiġu negozjati arranġamenti komprensivi li joħolqu żona ta' kummerċ ħieles, kif previst skont id-Dikjarazzjoni Politika. Fin-nuqqas ta' dan, is-settur agrikolu jiffaċċja xenarju reali katastrofiku f'termini ta' kummerċ bilaterali, bil-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-UE-27 jaqa' taħt ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, mingħajr ebda aċċess preferenzjali għas-swieq ta' xulxin, u possibbilment b'varjazzjonijiet f'termini tal-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom. Nixtiequ nenfasizzaw bil-qawwa li, mill-perspettiva tal-Kumitat AGRI, għandu jsir minn kollox biex jiġi evitat xenarju bħal dan. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-Kumitat AGRI jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed riżorsi biex jittaffew l-effetti għall-bdiewa u għall-industrija agroalimentari fil-każ ta' eżitu b'effett katastrofiku fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, bħalma kien ippjanat fil-każ ta' nuqqas ta' ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

 

9. Il-politika agrikola nazzjonali l-ġdida li se tidħol fis-seħħ fir-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-UE u l-ftehimiet kummerċjali ġodda li se jwettaq ma' pajjiżi terzi oħra se jkollhom ukoll impatt deċiżiv fuq is-settur. Madankollu dawn huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-opinjoni dwar il-Ftehim;

 

10. Konsegwentement, il-Kumitat AGRI jappoġġa bis-sħiħ il-Ftehim dwar il-Ħruġ kif maqbul min-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit u mgħoddi lill-Parlament għall-kunsens, u jittama li d-dħul fis-seħħ tiegħu u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu jiftħu t-triq għal arranġamenti dwar ir-relazzjoni futura li ser tippreserva, kemm jista' jkun, l-interessi agrikoli tal-UE.


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SAJD (26.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: François-Xavier Bellamy

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

A. billi n-negozjati kurrenti se jkunu ta' importanza deċiżiva għall-futur tal-Istati Membri u tar-Renju Unit u, f'dak il-kuntest, is-sajd u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, u l-preservazzjoni u ksib mill-ġdid tal-ekosistemi tal-baħar huma kwistjonijiet essenzjali; billi s-settur tas-sajd jirrappreżenta direttament u indirettament mijiet ta' eluf ta' impjiegi, jipprovdi għajxien għal ħafna żoni kostali u komunitajiet kostali – li qed jaffrontaw tnaqqis demografiku – jikkontribwixxi għal ikel sikur u tajjeb għas-saħħa għal miljuni ta' konsumaturi, u jippromwovi mudell ambjentali qawwi;

B. billi l-politika komuni tas-sajd (PKS) ilha kważi 50 sena, fl-Istati Membri kollha kkonċernati, ippermettiet l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet aħjar għall-iżvilupp tas-sajd u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi; billi, għalhekk, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, huwa neċessarju ftehim biex jiġu ggarantiti l-vitalità ekonomika tas-settur tas-sajd u l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd eżistenti, kif ukoll biex l-ispeċijiet jiġu ppreservati u l-bijodiversità tiġi protetta u tinkiseb mill-ġdid;

C. billi r-Regolament (UE) 2017/2403 tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni[46] mmarkaw pass kbir ħafna 'l quddiem għat-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sajd globali, u dan għandu jkun rifless fil-ftehim futur;

D. billi r-rabtiet storiċi, ġeografiċi u ekosistemiċi eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit joħolqu interdipendenza qawwija bejn il-partijiet, kemm f'termini tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura u fis-setturi tal-ipproċessar ta' dawk il-prodotti u tal-kummerċ tagħhom, kif ukoll f'termini ta' protezzjoni ta' sistemi tal-baħar maqsuma bejniethom; billi r-Renju Unit u l-UE bħalissa jaqsmu bejniethom 97 stokk soġġetti għall-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs); billi, minn dawn il-perspettivi, nuqqas ta' ftehim jikkawża ħsara immedjata u sinifikanti għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti u fl-aħħar mill-aħħar għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, kif ukoll għall-ekosistemi tal-baħar li jaqsmu bejniethom; billi, barra minn hekk, kwalunkwe ftehim għandu jkollu l-għan li jevita tħarbit ekonomiku għas-sajjieda tal-Unjoni u tar-Renju Unit li ilhom involuti f'attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit;

1.  Jafferma mill-ġdid li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim komprensiv, inkluż dwar il-kummerċ, bejn l-UE u r-Renju Unit jekk dan ma jinkludix ftehim dwar is-sajd u l-kwistjonijiet relatati mas-sajd li jkun komplut, ibbilanċjat u fit-tul, u li jippermetti l-kontinwazzjoni b'kundizzjonijiet ottimali ta' aċċess għall-ilmijiet, ir-riżorsi u s-swieq tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-attivitajiet tas-sajd eżistenti;

2. Jafferma mill-ġdid li l-ftehim dwar is-sajd irid ikollu rabta diretta man-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar sħubija ekonomika, b'mod partikolari dwar il-kummerċ, u għalhekk dan ma jistax ma jkunx konness; jenfasizza li l-kwistjoni tal-aċċess liberu għall-ilmijiet u l-portijiet ma tistax tiġi separata mill-kwistjoni tal-kummerċ ħieles u l-aċċess liberu tal-prodotti tas-sajd tar-Renju Unit għas-suq tal-UE;

3. Ifakkar li kemm il-ħut kif ukoll it-tniġġis ma jagħrfux fruntieri politiċi u se jkomplu jinfirxu fil-baċiri tal-baħar kollha; jenfasizza li l-ekosistemi huma interkonnessi;

4. Ifakkar li l-akbar benefiċċju għaż-żewġ naħat se jinkiseb billi l-ekosistemi maqsuma jiġu protetti u billi l-isfruttament tagħhom jiġi mmaniġġjat b'mod sostenibbli, billi jinżamm l-aċċess reċiproku eżistenti għll-ilmijiet u għar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li jinżammu l-attivitajiet tas-sajd eżistenti, kif ukoll billi jiġu definiti prinċipji u regoli komuni, koerenti, ċari u stabbli li jipermettu l-aċċess reċiproku miftuħ għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għas-swieq, mingħajr ma jiġu kkawżati tensjonijiet ekonomiċi jew soċjali minħabba kompetizzjoni żbilanċjata; jinsisti li fil-ftehim futur ikun hemm klawżola ta' salvagwardja li tiddikjara li kwalunkwe ksur ta' klawżoli li jikkonċernaw l-aċċess reċiproku għall-ilmijiet u r-riżorsi jwassal għal sospensjoni tat-tariffi preferenzjali għall-prodotti tar-Renju Unit fis-suq tal-UE;

5. Jenfasizza l-ħtieġa li fl-abbozz ta' proposta ta' ftehim jiġu inklużi l-perċentwali ta' distribuzzjoni li bħalissa qed jiġu applikati għall-istokkijiet li għandhom jinqasmu bejn iż-żewġ partijiet fl-Anness FISH-2 (Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd), f'konformità mal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva fis-seħħ; il-fatt li l-perċentwali tal-istokkijiet li għandhom jinqasmu bejn iż-żewġ partijiet tħallew vojta jaf jitqies bħala konċessjoni inizjali lir-Renju Unit, u li jnaqqas l-objettivi tal-mandat kurrenti;

6. Jistieden lill-partijiet iżommu l-ishma tal-kwoti eżistenti u d-distribuzzjoni stabbli u kostanti tad-drittijiet tas-sajd; jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni fit-tul tar-riżorsi abbażi tal-konformità mal-prinċipji tal-PKS bħar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) u l-miżuri tekniċi, l-għodod ta' ġestjoni reġjonali bħall-Pjanijiet Pluriennali għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Ilmijiet tal-Punent, u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, li s'issa kollha kkontribwew għat-titjib tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut għall-benefiċċju tal-flotot kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit;

7. Ifakkar li r-Renju Unit kien involut fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Pluriennali għal kull baċir tal-baħar, b'mod partikolari għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Punent, li dawn il-Pjanijiet Pluriennali ġew imfassla b'kunsiderazzjoni tal-Istati Membri f'dak iż-żmien, inkluż ir-Renju Unit, u li l-objettivi stabbiliti jsegwu l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u l-PKS;

8. Itenni li l-implimentazzjoni sħiħa tal-PKS kellha riżultati pożittivi importanti, kemm fiż-żieda tal-għadd ta' stokkijiet sfruttati fi ħdan l-MSY kif ukoll fil-mod kif il-Pjanijiet Pluriennali kkontribwew għas-sostenibbiltà bijoloġika u ekonomika li rriżultaw f'benefiċċji għall-komunitajiet tas-sajd ikkonċernati;

9. Jenfasizza li l-ftehim irid jiżgura li l-miżuri tekniċi jew iż-żoni protetti tal-baħar ikunu reċiproki, nondiskriminatorji u proporzjonati u ma jikkostitwixxux mod de facto ta' esklużjoni tal-bastimenti tal-UE mill-ilmijiet tar-Renju Unit; jenfasizza li meta jiġu stabbiliti ż-żoni protetti tal-baħar, il-partijiet kollha kkonċernati, inklużi s-sajjieda Ewropej, għandhom ikunu involuti fil-governanza u l-monitoraġġ ta' tali żoni, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura; jinsisti li l-ftehim ma jistax iwassal għal tnaqqis fl-istandards ambjentali u soċjali tal-UE;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit;

11. Jinsisti li l-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tar-Renju Unit li jidħlu fis-suq intern iridu jikkonformaw mal-istess standards ambjentali, soċjali, sanitarji u fitosanitarji bħall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tar-Renju Unit u tal-UE, kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur Ewropew;

12. Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni xierqa, ta' approċċ xjentifiku komuni u ta' garanziji li r-Renju Unit se jkompli jikkontribwixxi għall-ġbir ta' data u l-valutazzjoni xjentifika tal-istokkijiet bħala bażi għal deċiżjonijiet futuri għall-ġestjoni ta' attivitajiet tas-sajd konġunti fil-baċiri tal-baħar kollha li jaqsmu bejniethom; iħeġġeġ lill-partijiet ikomplu bil-kooperazzjoni attiva u leali tagħhom fi kwistjonijiet ta' kontroll tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

13. Jieħu nota tal-intenzjoni tar-Renju Unit li jinnegozja ftehim qafas tas-sajd separat man-Norveġja; ifakkar li n-Norveġja hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), u li dan jinvolvi drittijiet u obbligi li jikkonċernaw is-settur tas-sajd u l-prodotti f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għas-suq tal-UE, fost affarijiet oħra;

14. Jissottolinja l-importanza li fil-ftehim tiġi inkluża referenza għall-obbligu ta' kooperazzjoni fil-qafas tal-istati kostali, kif previst fid-dritt internazzjonali, li huwa essenzjali għall-miżuri ta' ġestjoni tas-sajd u s-sostenibbiltà tal-stokkijiet maqsuma bejn iż-żewġ partijiet;

15. Jemmen li d-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim dwar is-sajd għandhom jiġu sostnuti minn mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim u jinkludu miżuri ta' rimedju bħala parti minn ġestjoni ġenerali tal-governanza tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

16. Ifakkar fl-isforzi għal ftehim dwar is-sajd li għandu jiġi konkluż sal-1 ta' Lulju 2020; jinnota b'dispjaċir li l-kriżi tal-coronavirus, jew it-tifqigħa tal-COVID-19, ħarbtet l-iżvolġiment normali tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE; jistieden, għalhekk, lill-partijiet ikunu flessibbli u jiddeċiedu malajr kemm jista' jkun li jestendu l-perjodu ta' tranżizzjoni f'konformità mal-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, sabiex jipprovdu ċertezza għas-settur;

17. Jemmen li jekk jintlaħaq qbil dwar estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni, id-distribuzzjoni kurrenti tat-TACs u l-kwoti għandha tiġi estiża b'mod korrispondenti, sabiex tingħata ċertezza tad-dritt lis-settur tas-sajd;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, madankollu, biex iħejju ruħhom għax-xenarji kollha – kemm għall-estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni, kif ukoll għal ebda ftehim – u biex ifasslu l-miżuri meħtieġa biex jappoġġjaw is-settur, kif ukoll l-oqfsa regolatorji xierqa għal kwalunkwe xenarju;

19. Jitlob, fl-aħħar nett, lill-partijiet fin-negozjati biex jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jaqblu malajr kemm jista' jkun dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sajd ta' kwalunkwe ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE, sabiex dawn ikunu ġew stabbiliti fil-ħin biex jintużaw ħalli jiġu determinati l-opportunitajiet tas-sajd għall-ewwel sena wara l-perjodu ta' tranżizzjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, François-Xavier Bellamy, Izaskun Bilbao Barandica, Isabel Carvalhais, Rosanna Conte, Rosa D’Amato, Fredrick Federley, Giuseppe Ferrandino, João Ferreira, Søren Gade, Francisco Guerreiro, Anja Hazekamp, Niclas Herbst, France Jamet, Pierre Karleskind, Predrag Fred Matić, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Grace O’Sullivan, Manuel Pizarro, Caroline Roose, Bert-Jan Ruissen, Annie Schreijer-Pierik, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Theodoros Zagorakis

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Chabaud, Gabriel Mato, Elżbieta Rafalska

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

24

+

ECR

Bert-Jan Ruissen, Ruža Tomašić

ID

Rosanna Conte, France Jamet

PPE

François-Xavier Bellamy, Niclas Herbst, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Annie Schreijer-Pierik, Peter van Dalen, Theodoros Zagorakis

Renew

Izaskun Bilbao Barandica, Fredrick Federley, Søren Gade, Pierre Karleskind

S&D

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, Isabel Carvalhais, Giuseppe Ferrandino, Predrag Fred Matić, Manuel Pizarro

Verts/ALE

Francisco Guerreiro, Grace O'Sullivan, Caroline Roose

 

1

-

GUE/NGL

Anja Hazekamp

 

1

0

GUE/NGL

João Ferreira

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI

Is-Sur David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

BRUSSELL

 

Is-Sur Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

BRUSSELL

 

 

Suġġett: Opinjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI)) 

Sur McAllister, Sur Lange,

 

F'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, nixtieq nippreżentalkom – fil-forma ta' ittra – l-opinjoni tal-Kumitat CULT fir-rigward tar-rapport imsemmi hawn fuq. Kif mitlub, l-opinjoni hija fformulata bħala kontribut għar-riżoluzzjoni.

 

Jekk ikollkom xi mistoqsija rigward l-opinjoni tagħna jew tixtiequ tiddiskutu xi punti minnha, nibqa' għad-dispożizzjoni tagħkom.

 

Dejjem tagħkom,

Sabine Verheyen

President, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

SUĠĠERIMENTI

A. billi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika jridu jkunu ġebla tax-xewka ta' kwalunkwe ftehim futur mar-Renju Unit;

B. billi l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u l-iskambji taż-żgħażagħ hija parti integrali minn relazzjoni kooperattiva, produttiva u mill-qrib ma' kwalunkwe pajjiż terz; billi r-Renju Unit huwa sieħeb kruċjali tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u t-tagħlim tal-lingwi; billi, minkejja li l-ftehim il-ġdid huwa mfassal biex jiġġestixxi proċess ta' diverġenza, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom ifittxu li jibnu fuq il-kooperazzjoni mill-qrib ħafna li teżisti diġà f'dawk l-oqsma, abbażi tal-għeruq komuni stabbiliti matul is-47 sena ta' sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni; billi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tgħin biex tappoġġa u trawwem kooperazzjoni mill-qrib u netwerks effettivi;

 C. billi l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programm Erasmus+ tkun ta' valur ċar għall-benefiċjarji tal-programm fir-Renju Unit u fl-Unjoni kollha; billi kwalunkwe parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programm Erasmus+ jeħtieġ li tirrispetta r-regoli u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha tal-parteċipazzjoni, kif stabbilit fir-Regolament tal-programm; billi r-Renju Unit ma jistax igawdi minn xi setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm; billi, fil-mandat ta' negozjar tiegħu, ir-Renju Unit jgħid li se jikkunsidra l-parteċipazzjoni f'elementi ta' Erasmus+ fuq bażi ta' żmien limitat;

D. billi sa issa, ir-Renju Unit għadu ma indikax intenzjoni li jkompli jipparteċipa fil-programm Ewropa Kreattiva jew fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

E. billi r-Renju Unit, fil-mandat ta' negozjar tiegħu, jinnota li l-ftehim mal-Unjoni jista' "jippromwovi l-kummerċ fis-servizzi awdjoviżivi"; billi fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi dejjem applikat "exception culturelle" u m'hemm l-ebda preċedent għal kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles tal-Unjoni li jipprevedi aċċess ekwivalenti għas-suq uniku għal fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

F. billi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tistabbilixxi standards minimi għas-servizzi tal-media awdjoviżiva sabiex tkun żgurata r-ritrażmissjoni mingħajr xkiel tas-servizzi tal-media awdjoviżiva abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini;

G. billi l-moviment liberu tal-merkanzija ġie rrikonċiljat mal-protezzjoni ta' oġġetti kulturali b'valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku permezz ta' regoli tal-Unjoni; billi r-Renju Unit, fil-mandat ta' negozjar tiegħu, ma jipprovdi ebda indikazzjoni ta' kif jipprevedi l-kooperazzjoni ġejjiena fir-rigward tal-protezzjoni ta' oġġetti kulturali;

 

1. Iqis li l-ftehim għandu jagħmilha ċara li se jirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika b'konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

 

2. Jilqa' d-dikjarazzjoni ċara fid-direttivi ta' negozjar tal-Unjoni li r-relazzjonijiet ġejjiena bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom jinkludu wkoll djalogu u skambji fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe ambizzjoni simili fil-mandat ta' negozjar tar-Renju Unit; jemmen li kooperazzjoni mill-qrib, li tibni fuq ir-rabtiet mill-qrib eżistenti, hija prerekwiżit għal relazzjoni ġejjiena b'saħħitha bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u jitlob ambizzjoni f'dan ir-rigward; ifakkar li l-mobilità tal-individwi hija essenzjali għat-trawwim tal-iskambji, u jilqa' d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-mobilità għall-istudju, it-taħriġ u l-iskambji taż-żgħażagħ stabbiliti fl-abbozz ta' test tal-ftehim ippubblikat mill-Kummissjoni; jinsab, madankollu, imħasseb li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u s-soġġorn temporanju ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tas-settur kulturali u kreattiv, u jissograw li jxekklu il-kontinwità tal-iskambji kulturali;

 

3. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-gvern tar-Renju Unit li jibqa' impenjat favur skambji ta' edukazzjoni internazzjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit fil-programm Erasmus+; ifakkar li l-parteċipazzjoni fil-programm tirrikjedi li r-Renju Unit jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sħiħa u ġusta; jenfasizza li jekk ir-Renju Unit jipparteċipa f'Erasmus+, dan il-pajjiż jeħtieġlu jipparteċipa b'mod sħiħ fil-programm u għat-tul kollu tal-programm taħt il-QFP; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet rekwiżiti għall-mobilità tat-tagħlim taħt Erasmus+ kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE, inkluż trattament ugwali għall-istudenti fuq skambju, pereżempju fir-rigward tal-miżati għat-tagħlim, aċċess faċli għas-servizzi ewlenin u l-evitar ta' piżijiet finanzjarji jew amministrattivi mhux ġustifikati;

 

4. Jirrikonoxxi li r-Renju Unit sa issa għadu ma indikax intenzjoni li jkompli jipparteċipa fil-programm Ewropa Kreattiva jew fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jinnota li d-deċiżjoni se xxekkel il-kooperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-kultura u l-iskambji taż-żgħażagħ;

 

5. Jappoġġa bla riżervi iċ-ċarezza tad-direttivi ta' negozjar tal-Unjoni li s-servizzi awdjoviżivi għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tas-sħubija ekonomika, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' soda fil-pożizzjoni tagħha;

 

6.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq għas-servizzi awdjoviżivi fl-Unjoni jista' jiġi garantit biss jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva hija implimentata għalkollox sabiex l-istess drittijiet ta' ritrażmissjoni jingħataw liż-żewġ naħat; ifakkar li l-kontenut li joriġina mir-Renju Unit se jkompli jiġi klassifikat bħala "xogħlijiet Ewropej" wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sakemm ix-xogħlijiet li joriġinaw fi Stati mhux Membri u fi Stati mhux taż-ŻEE li huma parti għall-Konvenzjoni dwar it-Televiżjoni Transkonfinali tal-Kunsill tal-Ewropa jkunu inklużi fil-kwota tal-kontenut ta' "xogħlijiet Ewropej";

 

7.  Jilqa' l-inklużjoni, fi ħdan id-direttivi ta' negozjat tal-Unjoni, ta' kwistjonijiet relatati mar-ritorn jew ir-restituzzjoni ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; ifakkar il-passi li ħadet l-Unjoni f'dawn l-aħħar snin biex tindirizza l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' oġġetti kulturali, u jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni kontinwa mar-Renju Unit f'dan il-qasam.


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

 

 

 

Is-Sur David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

BRUSSELL

 

Is-Sur Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

Sinjuri Presidenti,

Fil-laqgħa tat-18 ta' Frar 2020, il-Koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċidew li jagħtu opinjoni fil-forma ta' ittra, skont l-Artikolu 56(1) tar-Regoli ta' Proċedura, fir-rigward tar-rapport dwar il-mandat propost għan-negozjati mar-Renju Unit (2020/2023(INI)) b'enfasi fuq il-kompetenzi tal-Kumitat tagħna. F'dik l-istess data, jiena ġejt maħtur bħala rapporteur għal opinjoni fil-kapaċità tiegħi bħala President tal-Kumitat.

 

 

 

Suġġerimenti:

Fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Mejju 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b'20 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet[47], li jirrakkomanda lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom.

 

Fit-tfassil ta' dawn is-suġġerimenti, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkunsidra b'mod xieraq: ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;[48] id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-mandat għan-negozjati mar-Renju Unit tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[49]; il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni tal-24 ta' Jannar 2020 u d-dikjarazzjoni politika dwar il-qafas għar-relazzjoni futura;[50] u l-abbozz ta' test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit tad-19 ta' Marzu 2020.[51]

 

Aspetti istituzzjonali u orizzontali

 

1. In-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq se jkollhom implikazzjonijiet kostituzzjonali u ġuridiċi estensivi kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst se jkollhom impatt sinifikattiv fit-tul fuq il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji fir-Renju Unit u fl-UE. Għaldaqstant, l-approċċ rigward il-proċess u s-sustanza ta' dawn in-negozjati għandu jkun ibbażat fuq il-valuri tal-istat tad-dritt u fuq garanziji ta' trasparenza, ċertezza tad-dritt u aċċessibbiltà tal-liġi.

 

2. F'dan ir-rigward, huwa importanti għall-aħħar li jiġi enfasizzat li ftehim ġdid dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit jista' jkun ibbażat biss fuq l-implimentazzjoni fidila u effettiva tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li għandu jitqies bħala prekundizzjoni neċessarja għal kooperazzjoni produttiva u bħala garanzija minima ta' bona fide u fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ partijiet.

 

3. Ifakkar li, fid-Dikjarazzjoni Politika[52], iż-żewġ Partijiet impenjaw ruħhom li r-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq qafas istituzzjonali ġenerali li jkopri kapitoli u ftehimiet marbutin relatati ma' oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni. Tali ftehimiet supplimentari għandhom ikunu parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati bil-Ftehim futur u għandhom jiffurmaw parti mill-qafas ġenerali.

 

4. F'dan l-isfond, il-ftehim previst għandu jipprevedi qafas ta' governanza komprensiv, li jkun jinkludi mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim sod. F'dan ir-rigward, huwa tal-ogħla importanza li l-ftehim dwar is-sħubija futura jiggarantixxi l-pedament tas-sistema ġudizzjarja tal-UE, jiġifieri l-proċedura tagħha għal rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)li għandha l-għan li tiggarantixxi l-interpretazzjoni uniformi, il-konsistenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tad-dritt tal-UE fir-rigward tad-dritt tal-Istati Membri u tad-dritt internazzjonali. Għalhekk, għandu jiġi żgurat li kwalunkwe korp li jiġi stabbilit skont il-ftehim previst biex jiggarantixxi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-istess ftehimma jkollux il-kompetenza li jeżamina u jinterpreta kwalunkwe kunċett tad-dritt tal-UE u ma jkunx jista' jimponi fuq l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċizzju tas-setgħat interni tagħhom, interpretazzjoni partikolari tar-regoli tad-dritt tal-UE.[53] Għalhekk, kwalunkwe kwistjoni simili dwar id-dritt tal-UE jeħtieġ li tiġi riferuta lill-QĠUE.

 

Proprjetà intellettwali

 

5. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi mekkaniżmu għal livell għoli ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, id-denominazzjonijiet tal-oriġini jew l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti fl-Unjoni fl-aħħar jum tal-perjodu ta' tranżizzjoni bis-saħħa ta' Regolamenti speċifiċi tal-Unjoni, minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni 'l quddiem, mingħajr ebda rieżami, fir-Renju Unitfir-Renju Unit.[54] Bl-istess mod, il-ftehim previst dwar sħubija futura għandu jipprevedi mekkaniżmu għall-protezzjoni dinamika tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, id-denominazzjonijiet tal-oriġini jew speċjalitajiet tradizzjonali fir-Renju Unit, abbażi tal-qafas legali futur tal-UE u għandu jinkludi l-possibbiltà ta' kooperazzjoni bilaterali mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Uffiċċji tal-Proprjetà Intellettwali fir-Renju Unit.

 

6. Il-Ftehim previst għandu jinkludi wkoll miżuri sodi u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, it-trademarks u d-disinni industrijali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-privattivi u s-sigrieti kummerċjali, abbażi tal-qafas ġuridiku attwali u futur tal-UE. F'dan il-kuntest, u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li r-Renju Unit għadu ma rtirax uffiċjalment il-firma tiegħu taħt il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, għandhom isiru valutazzjoni u evalwazzjoni bir-reqqa tal-possibbiltà li r-Renju Unit jospita parti mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi ppjanata u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' privattiva unitarja tal-UE.

 

Dritt soċjetarju

 

7. Sabiex jiġi evitat li jitbaxxew l-istandards u jiġi żgurat l-istatus ġuridiku fir-Renju Unit u fl-UE, huwa mixtieq li l-ftehim previst jinkludi standards minimi komuni rigward l-istabbiliment u t-twettiq ta' operazzjonijiet, il-protezzjoni għall-azzjonisti, il-kredituri jew l-impjegati, ir-rappurtar tal-kumpanija u r-regoli dwar l-awditjar u t-trasparenza, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw ir-ristrutturar u l-falliment jew l-insolvenza.

 

Kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili, inkluż fi kwistjonijiet tal-familja

 

8. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili hija tal-ogħla importanza biex jiġu garantiti l-interazzjonijiet kummerċjali u korporattivi futuri bejn iċ-ċittadini u l-kumpaniji u biex jingħataw ċertezza u protezzjoni suffiċjenti lill-partijiet fi tranżazzjonijiet transfruntiera u f'attivitajiet oħra. F'dan l-isfond, filwaqt li jiġu protetti l-interessi tal-UE u fid-dawl tal-funzjonament tajjeb tal-Konvenzjoni ta' Lugano, għandu jiġi vvalutat bir-reqqa jekk din il-Konvenzjoni, filwaqt li tikkopja t-test tad-dritt ġenerali tal-UE dwar il-ġurisdizzjoni ċivili u r-rikonoxximent tas-sentenzi skont il-verżjoni tal-2007 u testendih għan-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Iżvizzera, tistax isservi ta' soluzzjoni adegwata fil-kuntest tas-sħubija prevista mar-Renju Unit, u jekk l-Istati Membri tal-UE li ma jipparteċipawx fl-ispazju tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja għandhomx jingħataw l-għażla li jipparteċipaw f'din il-Konvenzjoni bħala partijiet kontraenti separati. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk l-adeżjoni tar-Renju Unit bħala parti indipendenti għas-sistema ta' Lugano tippermettix lill-UE żżomm il-bilanċ globali tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, jew jekk ikunx iktar xieraq li tinstab soluzzjoni ġdida li tiżgura "allinjament dinamiku" bejn iż-żewġ naħat. Fil-każ tal-aħħar, ir-relazzjonijiet esterni fl-oqsma koperti mid-dritt ċivili internazzjonali tal-Unjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea u jifformaw parti integrali tal-ordni ġuridiku tagħha, peress li huma soġġetti għall-mekkaniżmu għal deċiżjoni preliminari.

 

9. Il-ftehim previst għandu jsib soluzzjoni sinifikanti u komprensiva, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kwistjonijiet matrimonjali u ta' responsabbiltà tal-ġenituri u kwistjonijiet oħra tal-familja. Tintlaqa' favorevolment l-intenzjoni tar-Renju Unit li jaderixxi għall-Konvenzjoni ta' The Hague tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja. Madankollu ta' min ifakkar li l-UE marret lil hinn mill-Konferenza ta' The Hague fir-rigward ta' xi kwistjonijiet ta' dritt ċivili, billi adottat leġiżlazzjoni iktar dettaljata dwar il-ġurisdizzjoni ċivili, il-kunflitt tal-liġijiet u r-rikonoxximent ta' sentenzi bejn il-pajjiżi. F'dan il-kuntest, kwalunkwe dispożizzjoni ta' infurzar reċiproku rigward kwistjonijiet tal-familja fil-ftehim previst ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka tas-sistemi ġudizzjarji, iżda wkoll fuq l-eżistenza ta' ċerti garanziji kostituzzjonali u ta' standards komuni dwar id-drittijiet fundamentali.

 

 

Nittama li dan ta' hawn fuq ikun kontribut siewi għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni abbozzata b'mod konġunt mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali.

 

 

Dejjem tiegħek,

 

 

 

Adrián Vázquez Lázara


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (26.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Loránt Vincze

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

A. Il-kontenut tal-ftehim previst, il-valuri ċentrali u l-governanza

1. Jilqa' l-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta' Marzu 2020, li jipproponi ftehim komprensiv li jħaddan l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni u qafas istituzzjonali globali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li ftehim finali għandu jkollu qafas ta' governanza konsistenti u uniku, li għandu jinkludi infurzar effettiv u mekkaniżmu robust għas-soluzzjoni tat-tilwim, biex b'hekk tiġi evitata proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali;

2. Jenfasizza li s-sħubija prevista trid tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji kondiviżi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jiġu espressi fi klawsoli politiċi vinkolanti, kif ukoll il-fiduċja reċiproka; jenfasizza li, filwaqt li l-UE se tibqa' marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura jrid jinkorpora l-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jirrispetta l-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

3. Jilqa' d-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta' test tal-Ftehim dwar il-preservazzjoni tal-awtonomija tal-ordni legali tal-UE u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) bħala l-ġurisdizzjoni suprema għall-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni; jinsisti li l-aċċettazzjoni ta' dan ir-rwol hija kundizzjoni meħtieġa għall-kooperazzjoni futura;

B. Il-progress fin-negozjati

 

4. Jesprimi tħassib dwar il-progress fin-negozjati, inkluża l-kanċellazzjoni ta' żewġ ċikli ta' negozjati ppjanati matul il-perjodu ta' konfinament tal-COVID-19 kif ukoll it-tkomplija tagħhom mill-20 ta' April; jinnota li skont l-informazzjoni li waslet għand it-Task Force għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit tal-Kummissjoni Ewropea, minkejja l-ewwel skambju dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll il-migrazzjoni u l-asil, li sar matul it-tieni ċiklu ta' negozjati, ma nkiseb ebda progress sinifikanti; ifakkar li, skont l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-perjodu ta' tranżizzjoni jista' jiġi estiż b'deċiżjoni waħda tal-Kumitat Konġunt qabel l-1 ta' Lulju 2020; iqis li l-Gvern tar-Renju Unit, matul it-tieni ċiklu ta' negozjati, saħaq fuq l-intenzjoni tiegħu li ma jitlobx estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni; jinsab imħasseb ħafna dwar il-possibbiltajiet li n-negozjati dwar il-kwistjonijiet essenzjali kollha involuti jiġu ffinalizzati sal-aħħar tas-sena, speċjalment fid-dawl tal-kuntest attwali tal-pandemija tal-COVID‑19 u tal-fatt li sa issa ftit inkiseb progress; jitlob lis-sħab kollha fin-negozjati jagħmlu kull sforz biex javvanzaw fl-oqsma kollha tan-negozjati b'mod parallel, inklużi l-aktar oqsma diffiċli, u jadottaw strateġija ta' negozjar komprensiva;

 

C. Id-drittijiet taċ-ċittadini u l-arranġamenti dwar il-mobbiltà

 

5. Jieħu nota tad-diskussjonijiet li qed iseħħu fil-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit stabbilit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-laqgħa li jmiss tal-kumitat speċjalizzat dwar id-drittijiet taċ-ċittadini; jistieden lill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt jinvolvu b'mod attiv liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'dan ir-rigward; jitlob li l-Parlament jiġi infurmat bis-sħiħ dwar id-diskussjonijiet kollha magħmula u dwar id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kumitat Konġunt; jinsab imħasseb li, skont l-aktar statistika reċenti dwar l-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE[55], ippubblikata mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit fil-21 ta' Mejju 2020, mill-għadd totali ta' 3 220 100 applikazzjoni konklużi sat-30 ta' April 2020, 58 % biss ingħataw status ta' stabbilit u 41 % ngħataw status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit; itenni t-talba tal-Parlament[56], fir-rigward tal-iskemi tal-istatus ta' resident kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Membri, li dawn l-iskemi jkunu nondiskriminatorji, faċli għall-utent, trasparenti, mingħajr ħlas, ikunu ta' natura dikjaratorja u jagħtu dokument fiżiku bħala prova tal-istatus; ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE li għandhom status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-benefiċċji, inkluż l-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa; jistieden lill-Kumitat Konġunt u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw l-iżviluppi rilevanti; jinnota li ftit li xejn sar progress f'dak li jirrigwarda t-talba tal-Parlament li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet marbuta mal-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-applikazzjoni, l-indipendenza tal-Awtorità tal-Monitoraġġ, u l-konsegwenzi possibbli għaċ-ċittadini tal-UE li ma jkunux applikaw fil-ħin, kif ukoll l-applikabbiltà tal-iskema tar-Renju Unit għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE tas-27 fl-Irlanda ta' Fuq li ma talbux iċ-ċittadinanza tar-Renju Unit skont it-termini tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u l-ħtieġa li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jiġi rrispettat għalkollox u kollu kemm hu kif iddikjarat fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati u evalwati għalkollox sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bħala prekondizzjoni għal ftehim futur; jirrikonoxxi t-tħassib imqajjem mir-Renju Unit dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ min-naħa ta' ċerti Stati Membri fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini, b'mod partikolari t-trasparenza, il-faċilità ta' użu għall-utent tal-iskemi tal-istatus ta' resident u l-appoġġ għall-persuni vulnerabbli; jilqa' l-ħruġ mill-Kummissjoni tan-Nota ta' Gwida tagħha biex tappoġġa l-awtoritajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni xierqa tagħhom tat-tieni parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ dwar id-drittijiet taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-konformità fl-Istati Membri f'dan ir-rigward;

6. Jistieden lill-partijiet fin-negozjati jirrispettaw u jimplimentaw għalkollox id-drittijiet taċ-ċittadini garantiti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk tar-Renju Unit u għall-familji tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati jħabirku biex jintlaħaq livell għoli ta' drittijiet tal-mobbiltà fil-ftehim futur; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-Renju Unit sa issa ftit wera ambizzjoni fir-rigward tal-mobbiltà taċ-ċittadini, li r-Renju Unit u ċ-ċittadini tiegħu bbenefikaw minnha fil-passat; jenfasizza li kwalunkwe ftehim futur dwar il-mobbiltà, inkluż l-ivvjaġġar mingħajr viża għal soġġorni qosra, għandu jkun ibbażat fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-reċiproċità sħiħa; iqis, b'mod aktar ġenerali, li l-konkretizzazzjoni ulterjuri tad-drittijiet taċ-ċittadini permezz ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti trid tikkostitwixxi ġebla tax-xewka u parti indiviżibbli tat-test ta' ftehim internazzjonali futur bejn l-UE u r-Renju Unit; jenfasizza li dan irid jinkludi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema transfruntiera, li l-libertà ta' moviment tagħhom għandha tkun garantita, u msejsa fuq in-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta' Ġibiltà, fejn id-drittijiet tar-residenti, u b'mod partikolari dawk tal-ħaddiema li jivvjaġġaw regolarment minn u lejn Ġibiltà jew Spanja, iridu jiġu żgurati, fid-dawl tal-kontroversja bejn Spanja u r-Renju Unit dwar is-sovranità tat-territorju; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, approvati mill-Parlament u mill-Kunsill Ewropew; iqis li l-kundizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn għal finijiet ta' riċerka, studju, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju tal-istudenti jew proġetti edukattivi, au pairing u servizz volontarju fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom ikunu parti mill-ftehim futur u ma għandhomx jitħallew f'idejn ir-regolamentazzjoni nazzjonali, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ koordinat min-naħa tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li l-ugwaljanza tat-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE f'dan ir-rigward trid tiġi garantita għalkollox; ifakkar li l-kriżi tal-COVID‑19 uriet id-dipendenza ta' setturi vitali fir-Renju Unit, bħas-saħħa pubblika jew l-agrikoltura, fuq ħaddiema mill-UE, inkluża l-forza tax-xogħol staġonali;

D. Il-protezzjoni tad-data

 

7. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data kemm bħala dritt fundamentali kif ukoll bħala faċilitatur ewlieni għall-ekonomija diġitali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu[57] li, "skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[58], sabiex il-Kummissjoni tiddikjara l-adegwatezza tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, hija jeħtiġilha turi li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni 'essenzjalment ekwivalenti' għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi";

8. Ifakkar li l-Att tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi eżenzjoni ġenerali u mifruxa mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' immigrazzjoni; jinsab imħasseb li, meta d-data ta' ċittadini mhux tar-Renju Unit tiġi pproċessata fl-ambitu ta' din l-eżenzjoni, dawn mhumiex protetti bl-istess mod bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit; huwa tal-fehma li din l-eżenzjoni tkun f'kunflitt mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-qafas legali tar-Renju Unit dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjoni elettronika ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-acquis rilevanti tal-UE kif interpretat mill-QĠUE[59] u, għalhekk, bħalissa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal adegwatezza; jinsab imħasseb ħafna dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-3 ta' Frar 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-UE[60] li tgħid li fil-futur, ir-Renju Unit se jiżviluppa politiki separati u indipendenti f'oqsma bħall-protezzjoni tad-data;

9. Jissottolinja li d-Direttivi għan-Negozjar adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Frar[61] stabbilew b'mod ċar li s-sħubija futura jenħtieġ li "tkun mirfuda minn impenji għar-rispett tad-drittijiet fundamentali inkluż protezzjoni adegwata tad-data personali li hija kondizzjoni neċessarja għall-kooperazzjoni prevista" u "tkun tipprovdi għat-terminazzjoni awtomatika tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ta' natura kriminali kieku r-Renju Unit kellu jiddenunzja l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (European Convention of Human Rights, ECHR)" u "tipprevedi wkoll is-sospensjoni awtomatika kieku r-Renju Unit kellu jabroga l-liġi domestika li ddaħħal fis-seħħ l-ECHR", filwaqt li enfasizzaw li "il-livell ta' ambizzjoni tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja previsti fis-sħubija ta' sigurtà se jkunu jiddependu fuq il-livell ta' protezzjoni tad-data personali ggarantit fir-Renju Unit" (paragrafu 118);

10. Itenni li d-direttivi għan-negozjar imsemmija hawn fuq jistabbilixxu wkoll li "jenħtieġ li s-sħubija prevista tkun tipprovdi għal kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f'rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fil-kunsiderazzjoni tal-istatus futur tar-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux ta' Schengen li ma jipprevedix il-moviment ħieles tal-persuni" (paragrafu 117);

11. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, matul l-ewwel ċiklu ta' negozjati (mit-2 sal-5 ta' Marzu 2020) għall-ftehim ta' sħubija futur, ir-Renju Unit iddikjara li, fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materji kriminali, mhuwiex se jieħu l-impenn li jinforza l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u lanqas mhu se jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE; jiddeplora l-fatt li l-pożizzjoni tal-aħħar inżammet matul it-tieni ċiklu ta' negozjati; jieħu l-pożizzjoni li jekk ir-Renju Unit ma jiħux l-impenn espliċitu li jinforza l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mhux se jaċċetta r-rwol tal-QĠUE bħala l-unika istituzzjoni kompetenti biex tinterpreta l-liġi tal-UE, mhu se jkun possibbli ebda ftehim dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materji kriminali; jieħu nota wkoll tad-dikjarazzjonijiet magħmula min-negozjatur tal-UE, is-Sur Barnier, wara t-tieni ċiklu ta' negozjati, li jsostnu li, matul dan it-tieni ċiklu, ir-Renju Unit irrifjuta li jipprovdi garanziji sodi dwar id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali u insista li jitbaxxew l-istandards attwali u li jkun hemm devjazzjoni mill-mekkaniżmi miftiehma tal-protezzjoni tad-data, u għaldaqstant ħoloq limitazzjonijiet serji għas-sħubija futura tagħna fir-rigward tas-sigurtà[62];

12. Iqis li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-qafas legali fir-Renju Unit fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali u tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ifakkar li programmi ta' sorveljanza tal-massa bħal dawk tar-Renju Unit ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex ikunu adegwati fl-ambitu tal-liġi tal-UE; jirrakkomanda li titqies il-ġurisprudenza tal-QĠUE f'dan il-qasam, bħal pereżempju l-kawża Schrems, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-elementi msemmija hawn fuq meta tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas legali tar-Renju Unit fir-rigward tal-livell tal-protezzjoni tad-data personali, u tiżgura li r-Renju Unit ikun solva l-problemi identifikati f'din ir-riżoluzzjoni qabel ma possibbilment tiddikjara l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit bħala adegwata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja; jistieden lill-Kummissjoni tfittex ukoll il-parir tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u tipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha u skedi ta' żmien xierqa biex iwettqu r-rwol tagħhom; jenfasizza li deċiżjoni dwar l-adegwatezza tista' ma tkunx is-suġġett ta' negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE peress li tirreferi għall-protezzjoni ta' dritt fundamentali rikonoxxut mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Karta u mit-Trattati tal-UE;

E. Is-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

 

14. Jiddispjaċih li n-negozjati fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali m'għamlux progress sinifikanti matul it-tieni ċiklu li sar f'April; itenni li fiċ-ċiklu ta' negozjati li jmiss għandu jinkiseb progress tanġibbli f'dan il-qasam sabiex jingħata lok li jintlaħaq ftehim għal kooperazzjoni komprensiva u effiċjenti;

15. Itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl tal-viċinanza ġeografika u tat-theddid komuni li jiffaċċjaw l-UE u r-Renju Unit, il-partijiet fin-negozjati għandhom jagħmlu ħilithom biex iżommu arranġamenti effettivi u reċiproċi għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi li tkun effettiva u ta' benefiċċju reċiproku għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li r-Renju Unit issa huwa pajjiż terz, u għaldaqstant ma jistax igawdi l-istess drittijiet u faċilitajiet bħal Stat Membru; jissottolinja l-fatt li ftehimiet awtonomi separati jdgħajfu l-konsistenza legali fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taderixxi mad-direttivi għan-negozjar tagħha u tħabrek biex tinnegozja ftehim komprensiv uniku;

16. Jopponi b'qawwa t-talba tar-Renju Unit li jirċievi aċċess dirett għas-sistemi tal-informazzjoni tad-data tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u li jżomm status fl-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li jkun qrib ta' dak li jgawdu l-Istati Membri; jenfasizza għal darb'oħra f'dan ir-rigward li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz mhux ta' Schengen, ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE jew jipparteċipa fl-istrutturi tal-ġestjoni tal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja; iwissi li kwalunkwe kondiviżjoni ta' informazzjoni mar-Renju Unit, inkluża data personali, għandha tkun soġġetta għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ta' protezzjoni tad-data personali ekwivalenti għal dak previst mil-liġi tal-Unjoni;

17. Ifakkar li s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) inħolqot bħala għodda ta' kumpens biex tirrimedja t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen; jirrimarka li l-leġiżlazzjoni SIS tipprojbixxi b'mod espliċitu l-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-sistema; jissottolinja li bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-SIS; ifakkar li fl-2015, ir-Renju Unit beda japplika ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija[63] u li ġew identifikati każijiet serji ta' ksur fl-applikazzjoni tagħha min-naħa tar-Renju Unit, li għadhom ma ġewx irrimedjati; ifakkar li fil-5 ta' Marzu, il-Kunsill ħareġ sett ta' rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni tal-2017 tar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tas-SIS u li r-Renju Unit, fit-tweġiba tiegħu, ftit wera intenzjoni li japplika dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bi ksur tal-liġi tal-UE; iqis li l-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għandha tkun ibbażata fuq fiduċja reċiproka; iqis, għaldaqstant, li l-arranġamenti għall-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għandhom, qabel ma jintlaħaq kwalunkwe ftehim, ikunu magħmula kondizzjonali fuq ir-rimedju sħiħ tal-ksur relatat mal-użu tas-sistema SIS u tal-allegat nuqqas ta' notifika ta' 75 000 kundanna lil Stati Membri oħra skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI[64]; jissottolinja li ftehim fuq kooperazzjoni ta' dan it-tip jista' jintlaħaq biss jekk jiġu stabbiliti regoli dwar il-protezzjoni tad-data u jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi sodi ta' infurzar;

18. Jirrimarka li l-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA mar-Renju Unit skont il-Qafas ta' Prüm tnieda biss fl-2019 u li l-Kunsill wasal biex jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tippermetti lir-Renju Unit jieħu sehem fi skambji awtomatizzati tad-data dattiloskopika; jindika f'dan ir-rigward, li fit-13 ta' Mejju 2020, skont il-proċedura ta' konsultazzjoni speċjali għall-atti ta' dak li qabel kien it-tielet pilastru, il-Parlament ċaħad l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill minħabba tħassib dwar reċiproċità sħiħa għall-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba', dwar garanziji tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll dwar iż-żmien qasir ħafna għall-applikazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra b'attenzjoni l-argumenti tal-Parlament għaċ-ċaħda; ifakkar lin-negozjaturi li, jekk jiġi adottati, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw dawn l-iskambji awtomatizzati tad-data se jiskadu fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ftehim f'waqtu dwar arranġamenti ġodda għar-relazzjoni futura, minħabba l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u organizzata u t-terroriżmu; iqis li r-relazzjoni futura m'għandhiex tkun predeterminata mir-regoli applikati matul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jemmen li l-ftehim għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' reċiproċità sħiħa;

19. Jinsab imħasseb li l-mandat ta' negozjar tar-Renju Unit huwa nieqes mill-ambizzjoni f'oqsma importanti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bħal pereżempju dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jinsisti li kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma essenzjali għal ftehim finali; jemmen li l-partijiet fin-negozjati jistgħu isibu soluzzjoni li tippermetti kooperazzjoni aktar ambizzjuża mill-kooperazzjoni fl-ambitu tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Estradizzjoni;

F. Il-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri

20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq qbil fuq it-termini ta' kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni ta' ċittadini mhux taż-żewġ partijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana u tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli; itenni t-talba tiegħu li din il-kooperazzjoni jkun fiha, minn tal-anqas, arranġamenti li jsaħħu perkorsi sikuri u legali għall-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja;

21. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni qawwija bejn il-partijiet sabiex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin tal-bnedmin u t-traffikar tal-bnedmin, f'konformità mad-dritt internazzjonali, li se jibqa' applikabbli għall-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-UE; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jiċċaraw ir-rwol potenzjali li jista' jkollhom il-Europol u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-faċilitazzjoni ta' tali kooperazzjoni;

22. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-asil (l-Anness D għad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati), li tgħid li l-Kummissjoni se tikkunsidra, jekk tintalab mir-Renju Unit, u jekk ikun fl-interess tal-UE, li tibda djalogu mar-Renju Unit dwar il-kooperazzjoni rigward l-asil, wara li tfittex gwida mingħand il-Coreper; jinsisti li r-Renju Unit ma jistax jagħżel dak li jaqbel lilu rigward l-elementi tal-acquis tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni li jixtieq iżomm;

23. Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiġi adottat pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li għandu jkun lest biex jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, sabiex tiġi evitata kwalunkwe lakuna fl-impatti umanitarji u sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-ħajja tal-familja ta' dawk li jfittxu l-asil f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tibqa' applikabbli kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE;

24. Ifakkar lin-negozjaturi, bħala parti minn dan il-pjan, u b'mod aktar ġenerali, dwar l-obbligu kemm tal-UE tas-27 kif ukoll tar-Renju Unit li jipproteġu lit-tfal kollha fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-istatus, ir-relazzjoni jew ir-rabtiet familjari tagħhom, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, u li jissalvagwardjaw l-aċċess tat-tfal kollha għad-dritt tagħhom għall-protezzjoni, il-ħajja tal-familja u l-benessri fid-dawl tal-aħjar interessi tagħhom, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-1989; jieħu nota tal-impenn tar-Renju Unit li jinnegozja pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-minorenni li jfittxu asil; jistieden lill-Istati Membri biex, ladarba jsiru proposti konkreti mir-Renju Unit, jagħtu mandat lill-Kummissjoni ħalli tinnegozja pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għal dawk li jfittxu asil;

25. Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ koordinat mill-UE dwar dawn il-kwistjonijiet kollha, peress li hemm riskju li arranġamenti bilaterali bejn ir-Renju Unit u Stati Membri individwali dwar kwistjonijiet bħar-riunifikazzjoni tal-familja għar-rifuġjati jew għal dawk li jfittxu asil, u l-arranġamenti għar-rilokazzjoni jew ir-riammissjoni, ikollhom konsegwenzi negattivi għall-koerenza tal-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni; jistieden liż-żewġ naħat fin-negozjati biex jirsistu favur approċċ ibbilanċjat u kostruttiv f'dawn il-kwistjonijiet kollha, inklużi perkorsi legali u ftehimiet ta' riammissjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jagħti prijorità lill-ħtieġa li tiġi pprovduta protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha u li jagħti attenzjoni partikolari lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, approċċ li ż-żewġ naħat ħadu impenn favurih;

G. Il-kooperazzjoni mal-aġenziji fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni

26. Itenni t-talba tiegħu li tiġi ċċarata l-kooperazzjoni prattika futura bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, filwaqt li jitqies l-istatus tal-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux ta' Schengen u sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-partijiet tan-negozjati jħabirku għal kooperazzjoni strateġika u operazzjonali mill-qrib fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, filwaqt li jirrispettaw il-limiti tekniċi u legali ta' kooperazzjoni ta' dan it-tip.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

8

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Clare Daly, Marcel de Graaff, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Nuno Melo, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Nicola Procaccini, Emil Radev, Paulo Rangel, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Birgit Sippel, Martin Sonneborn, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Malin Björk, Ondřej Kovařík, Nathalie Loiseau, Jan-Christoph Oetjen, Sira Rego, Domènec Ruiz Devesa, Isabel Santos, Loránt Vincze, Isabel Wiseler-Lima

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

52

+

EPP

Magdalena Adamowicz , Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Lívia Járóka, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nuno Melo, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Loránt Vincze, Isabel Wiseler-Lima, Javier Zarzalejos

S&D

Katarina Barley, Pietro Bartolo, Caterina Chinnici, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Domènec Ruiz Devesa, Isabel Santos, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Bettina Vollath, Elena Yoncheva

RENEW

Malik Azmani, Sophie In’t Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Nathalie Loiseau, Jan-Christophe Oetjen, Ramona Strugariu, Ioan-Dragos Tudorache

VERTS/ALE

Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba I Giner, Tineke Strik

GUE/NGL

Malin Björk, Clare Daly, Cornelia Ernst, Sira Rego

NI

Laura Ferrara, Martin Sonneborn

 

8

-

ID

Nicolas Bay, Marcel De Graaff, Nicolaus Fest, Jean- Paul Garraud, Peter Kofod, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche

NI

Milan Uhrík

 

7

0

PPE

Balázs Hidvéghi, Nadine Morano

ECR

Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Assita Kanko, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : abstention

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI (27.5.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Danuta Maria Hübner

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

Dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

1. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ[65], u jtenni li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tibqa' prijorità assoluta; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, hija kundizzjoni preliminari essenzjali u element bażiku biex tiġi garantita l-fiduċja meħtieġa għal sħubija futura b'suċċess bejn l-UE u r-Renju Unit; jesprimi, f'dan ir-rigward, tħassib li, minkejja l-impenn espress mill-Gvern tar-Renju Unit li jipproteġi l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u f'dak li jirrigwarda d-drittijiet taċ-ċittadini skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi jissuġġerixxu nuqqas ta' rieda politika li jirrispetta bis-sħiħ l-impenji legali tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, bħal fir-rigward tal-kontrolli fuq merkanzija fil-Baħar Irlandiż;

 2. Ifakkar li l-konformità mat-trattati tikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' kwalunkwe ordinament ġuridiku, u b'mod partikolari, tal-ordinament ġuridiku internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-istabbiltà u l-fiduċja fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jiddependu minn kemm iż-żewġ partijiet jirrispettaw il-prinċipji vinkolanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tad-Dikjarazzjoni Politika bejn l-UE u r-Renju Unit u li dawn iridu jiġu implimentati bona fide sabiex jiġi evitat it-tħarbit u tingħata ċertezza legali liċ-ċittadini u lill-aġenti ekonomiċi;

3. Jinsab imħasseb dwar il-proċess ta' applikazzjoni tal-Iskema għall-Kisba tal-Istatus ta' Stabbilit għaċ-Ċittadini tal-Unjoni Ewropea; josserva, f'dan ir-rigward, li skont l-aħħar statistika dwar l-Iskema għall-Kisba tal-Istatus ta' Stabbilit ta' Frar 2020, ippubblikata mill-Ministeru għall-Intern tar-Renju Unit fid-19 ta' Marzu 2020, l-għadd totali ta' applikazzjonijiet li waslu sad-29 ta' Frar 2020 kien ta' iktar minn 3,3 miljun (3 343 700), u li, mill-għadd totali ta' applikazzjonijiet konklużi, 58 % ngħataw status ta' stabbilit u 41 % ngħataw status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit;

4. Iqis li l-għadd ta' każijiet li ngħataw status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit huwa sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-għadd ta' każijiet li ngħataw status ta' stabbilit; iħeġġeġ lill-Ministeru għall-Intern tar-Renju Unit juri flessibbiltà meta jiġi biex jaċċetta l-evidenza fornuta mill-applikanti rigward ir-residenza tagħhom fil-pajjiż għall-ħames snin rikjesti; jinsab imħasseb ukoll li l-applikanti mhi qed tinħarġilhom l-ebda prova fiżika tal-istatus li jkunu ngħataw; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivverifika jekk id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li ġejjin minn gruppi vulnerabbli u żvantaġġati ġewx rispettati skont it-termini tal-istatus tal-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit tagħhom; jinsab imħasseb li ċ-ċittadini bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit ma għandhomx aċċess għall-benefiċċji sakemm ma jagħtux prova tad-dritt ta' residenza tagħhom fil-pajjiż; ifakkar li s-suċċess tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit jiddependi wkoll mill-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej fir-Renju Unit;

5. Jitlob lill-partijiet jiżguraw l-implimentazzjoni stretta tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq; iwissi li l-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit kif stabbilit skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jistax jintuża bħala forum ta' negozjar mill-ġdid tat-termini ta' dak il-Protokoll jew ta' kwalunkwe parti oħra tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

6. Jieħu nota tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit tat-30 ta' Marzu 2020, li ffokat fuq il-qagħda tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u b'mod partikolari tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u tal-parti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini; jisħaq fuq il-fatt li wara din il-laqgħa l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li hemm "ħtieġa urġenti li tiġi ppreżentata skeda taż-żmien dettaljata u li jittieħdu l-miżuri meħtieġa, pereżempju li jsiru tħejjijiet għall-introduzzjoni ta' proċeduri doganali għall-prodotti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq mill-Gran Brittanja, u li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jitwettqu l-kontrolli sanitarji u fitosanitarji kollha meħtieġa kif ukoll kontrolli regolatorji oħra fir-rigward tal-prodotti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq minn barra l-UE";

 7. Ifakkar li l-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit għad irid jieħu deċiżjonijiet importanti dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni; jittama li tingħata prijorità lill-ħidma tas-sitt Kumitati Speċjalizzati previsti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-oqsma ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u b'mod partikolari tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq; jilqa' pożittivament l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq fit-30 ta' April 2020, li warajha l-Kummissjoni Ewropea osservat il-bżonn urġenti li l-iskambji jiġu segwiti minn miżuri tanġibbli; jittama li jkun jista' jintlaħaq ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-arranġamenti istituzzjonali kollha, bħall-ħolqien ta' uffiċċju tekniku tal-Kummissjoni Ewropea f'Belfast;

 8. Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi l-protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-UE u dawk Brittaniċi, inklużi l-membri tal-familja tagħhom; jitlob li kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll dawk Brittaniċi jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri li għandhom jsegwu biex ikomplu jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż ta' residenza tagħhom u biex jivvjaġġaw minnu u jirritornaw lejh; itenni li d-drittijiet taċ-ċittadini se jibqgħu jingħataw prijorità assoluta u jappella biex dawn ikomplu jiġu garantiti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, kemm għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit kif ukoll għall-familji tagħhom; ifakkar fl-impenn tiegħu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tat-tieni parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fl-UE-27 u jtenni li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ konsistenti u ġeneruż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-UE-27;

9. Jistenna li l-Parlament jiġi infurmat bis-sħiħ u minnufih dwar id-diskussjonijiet kollha li jsiru u dwar id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[66], u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu, li jipprevedi li l-Parlament għandu jitqiegħed f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali tiegħu matul il-proċedimenti kollha tal-Kumitat Konġunt;

 

 10. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Parlament għandu d-dritt li jikseb informazzjoni komprensiva li tkopri l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE, inkluż il-Ftehim dwar il-Ħruġ; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn meħud mill-President tal-Kummissjoni Ewropea quddiem il-plenarja tal-Parlament fis-16 ta' April 2019 li l-Kummissjoni se tinvolvi mill-qrib lill-Parlament u se tqis bl-ikbar attenzjoni l-fehmiet tal-Parlament fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt, u li xejn ma jista' jiġi deċiż mingħajr ma tingħata kunsiderazzjoni sħiħa lill-pożizzjoni tal-Parlament, li hi r-riżultat ta' numru kbir ta' djalogi u konsultazzjonijiet interni u pubbliċi mas-soċjetà ċivili, l-esperti, il-parlamenti nazzjonali u partijiet interessati oħrajn;

11. Itenni li l-Parlament se jibqa' viġilanti dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tad-Dikjarazzjoni Politika UE-Renju Unit;

Dwar in-negozjati għal sħubija ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit – dispożizzjonijiet istituzzjonali u governanza

12. Jilqa' pożittivament l-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta' Marzu 2020 ("abbozz tat-test tal-Ftehim"), li sostanzjalment huwa konsistenti mal-mandat ta' negozjar tal-Parlament u mar-riżoluzzjoni tiegħu u li jipproponi ftehim komprensiv għal sħubija profonda u mill-qrib, qafas istituzzjonali ġenerali u dispożizzjonijiet sodi dwar is-soluzzjoni tat-tilwim ibbażati fuq ir-regoli u eżegwibbli, li jkunu jinkludu l-ġestjoni u s-superviżjoni kontinwi tal-ftehim, kif ukoll arranġamenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-infurzar u l-konformità; iqis li l-approċċ tal-abbozz tat-test tal-Ftehim kif propost mill-Kummissjoni Ewropea jevita l-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali, li inevitabbilment toħloq nuqqasijiet minħabba l-natura kumplessa u inkompleta inerenti għal din is-sistema;

13. Jemmen li l-abbozz tat-test tal-Ftehim jipprevedi sistema ta' governanza soda, trasparenti, koerenti u flessibbli, li tipprovdi mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim li jiżguraw rimedji effettivi, azzjonabbli malajr u dissważivi, li huma kompletament proporzjonati man-natura mingħajr preċedent tas-sħubija wiesgħa prevista;

14. Jilqa' pożittivament id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tat-test tal-Ftehim li għandhom l-għan li jippreservaw l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-UE, inkluż ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità finali għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE;

15. Jinsisti li kwalunkwe ftehim dwar relazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit irid ikun koerenti u adattat kemm għall-qrubija ġeografika taż-żewġ partijiet u l-kooperazzjoni transfruntiera lokali bejniethom il-partijiet minn naħa waħda kif ukoll għal-livell għoli ta' interkonnettività tal-ekonomiji taż-żewġ partijiet min-naħa l-oħra; jopponi, f'dan ir-rigward, kwalunkwe tip ta' "għażla selettiva" ta' elementi varji minn oqfsa legali u kummerċjali differenti applikabbli fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi oħra varji; ifakkar ukoll li trid tiġi rispettata l-integrità tas-suq uniku u li l-ambitu u l-profondità tas-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit se jiddependu mill-garanzija ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

 

 16. Jopponi l-possibbiltà li ma jinkisibx ftehim komprensiv billi jsir użu minn diversi ftehimiet settorjali, peress li dan l-irduppjar jippromwovi ineffiċjenzi fl-implimentazzjoni futura tal-Ftehim;

 17. Jieħu nota tad-dokument ippubblikat mill-Gvern tar-Renju Unit fis-27 ta' Frar 2020 bit-titolu "Ir-Relazzjoni Futura mal-UE – L-Approċċ tar-Renju Unit għan-Negozjati"; jiddispjaċih ħafna li l-Gvern tar-Renju Unit qiegħed jirrifjuta li jippubblika jew saħansitra jikkondividi t-testi legali tiegħu mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, fatt li jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza gravi; iħeġġeġ lit-Task Force għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit tiżgura t-trasparenza u tippromwovi l-pubblikazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' negozjar sħaħ biex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun jista' jsegwi n-negozjati għas-sħubija b'mod effettiv u infurmat; jindika li l-proposti tar-Renju Unit ma jissodisfawx l-impenji meħuda minnu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika; jopponi, madankollu, l-użu ta' approċċ frammentat, kif issuġġerit mill-Gvern tar-Renju Unit, ibbażat fuq l-esklużjoni ta' setturi – bħas-sussidji, il-politika tal-kompetizzjoni, il-kummerċ u x-xogħol, il-kummerċ u l-ambjent, u t-tassazzjoni – mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehim, filwaqt li jipproponi ftehimiet separati b'mekkaniżmi ta' governanza speċifiċi f'oqsma bħall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-kooperazzjoni nukleari, jew mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim politiku f'oqsma relatati mal-iskambju ta' data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi, u l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

18. Ifakkar li s-sħubija futura tista' tiġi konkluża biss bl-involviment sħiħ u bl-approvazzjoni finali tal-Parlament Ewropew;

19. Jinsisti li għandu jiġi previst qafas ġenerali b'sistema ta' governanza orizzontali għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit kollha kemm hi; ifakkar li r-Renju Unit, bħala ex Stat Membru, żviluppa strutturi ta' kooperazzjoni u djalogu istituzzjonali importanti mal-UE li għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' tali arranġamenti orizzontali;

20. Josserva, barra minn hekk, li f'konformità mal-prattika standard tal-UE fil-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs), l-abbozz tat-test tal-Ftehim jipprevedi eċċezzjonijiet u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim imfassla apposta għal ċerti oqsma, li jinkludu mezzi diplomatiċi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-parti tal-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar il-Politika Barranija, is-Sigurtà u d-Difiża, u b'hekk joffri biżżejjed flessibbiltà fi ħdan qafas ġenerali uniku u koerenti; jilqa' pożittivament il-fatt li kwalunkwe ftehim supplementari li jista' jiġi konkluż iktar 'il quddiem se jkun jifforma parti integrali mir-relazzjoni bilaterali ġenerali rregolata mill-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet istituzzjonali tiegħu, kif previst fil-Ħames Parti tal-abbozz tat-test tal-Ftehim;

21. Jilqa' pożittivament il-proposta biex jiġi stabbilit Kunsill ta' Sħubija, li jkun assistit minn 15-il Kumitat Speċjalizzat b'responsabbiltà għall-oqsma ewlenin koperti mill-Ftehim, inkarigati mis-superviżjoni u l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u ta' kwalunkwe ftehim supplementari, u b'hekk jiġu żgurati s-superviżjoni u l-ġestjoni konġunti kontinwi tal-Ftehim;

 22. Jappella biex fil-ftehim futur jiġu inklużi dispożizzjonijiet ambizzjużi rigward il-moviment tal-persuni; jilqa' pożittivament l-impenji favur id-drittijiet tal-bniedem previsti fl-abbozz ta' Ftehim, inkluża l-konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-impenji jiġu formalizzati, inkluża l-konformità mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni li l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija futura u l-kooperazzjoni rigward il-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom ikunu konsistenti ma' dawn l-impenji formalizzati;

23. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi dispożizzjonijiet ċari li jiggarantixxu l-objettivi skont l-Artikolu 21 tat-TUE, fosthom ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-demokrazija, bl-għoti ta' attenzjoni speċjali lis-salvagwardar tal-valuri, id-drittijiet u l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tal-Unjoni kollha kemm hi;

24. Jilqa' pożittivament il-proposta biex tiġi stabbilita Assemblea ta' Sħubija Parlamentari għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tar-Renju Unit, li jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mill-Kunsill ta' Sħubija u tressaqlu rakkomandazzjonijiet;

25. Jaċċentwa l-importanza tal-kooperazzjoni interparlamentari bejn il-membri parlamentari tal-UE u tar-Renju Unit; jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-membri parlamentari tar-Renju Unit f'fora interparlamentari tal-UE qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jistenna b'interess li jitkomplew ir-relazzjonijiet parlamentari mal-Parlament tar-Renju Unit;

26. Iqis li l-arranġamenti formali, bħall-Assemblea ta' Sħubija Parlamentari u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tal-gruppi konsultattivi interni proposti u tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għal-leġittimità u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim futur u għall-iżvilupp futur tas-sħubija;

27. Iqis li għandhom jingħataw dettalji iktar ċari dwar il-funzjonament tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, b'mod partikolari dwar il-mod kif se jiġu organizzati d-djalogu u l-konsultazzjoni bejn il-Forum u l-Kunsill ta' Sħubija;

28. Jitlob b'insistenza li, lil hinn minn kwalunkwe rwol fil-kuntest tal-Assemblea ta' Sħubija Parlamentari, ir-rwol tal-Parlament jiġi rispettat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja sabiex jiġi żgurat li huwa jkun jista' jeżerċita sorveljanza politika xierqa u li d-drittijiet u l-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur ikunu garantiti; iqis li d-dritt tal-Parlament li jkun infurmat rigward l-arranġamenti dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim u ta' kwalunkwe ftehim supplementari, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, għandu jkun proporzjonat man-natura bla preċedent tas-sħubija prevista;

 29. Ifakkar li l-Artikolu 184 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistipula li l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jagħmlu kull sforz, bona fide u b'rispett sħiħ tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, biex jieħdu l-passi neċessarji biex jinnegozjaw bla telf ta' żmien il-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjoni futura tagħhom; jinnota bi tħassib li għadhom jippersistu diverġenzi sostanzjali bejn il-partijiet f'dan l-istadju inizjali tan-negozjati, inkluż rigward l-iskop u l-arkitettura legali tat-test li jrid jiġi negozjat; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' rieda min-naħa tar-Renju Unit biex jittratta numru kbir ta' kwistjonijiet kritiċi; jinsab imħasseb ukoll dwar l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-iskeda ta' żmien ippjanata għall-konklużjoni tan-negozjati dwar sħubija komprensiva futura qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020; iwissi li dawn il-fatturi jżidu r-riskju ta' xenarju ta' preċipizju li fih in-nuqqas ta' ftehim dwar sħubija komprensiva futura li tiżgura tranżizzjoni bla xkiel u l-arranġamenti istituzzjonali kollha meħtieġa jwassal għal dannu ekonomiku addizzjonali minbarra l-kriżi tal-COVID-19; itenni, f'dan il-kuntest, il-possibbiltà stabbilita fl-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li l-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' tranżizzjoni lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2020; ifakkar li tali deċiżjoni li jiġi estiż il-perjodu ta' tranżizzjoni għandha tittieħed sal-1 ta' Lulju 2020.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.5.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gabriele Bischoff, Geert Bourgeois, Fabio Massimo Castaldo, Leila Chaibi, Włodzimierz Cimoszewicz, Pascal Durand, Daniel Freund, Charles Goerens, Esteban González Pons, Sandro Gozi, Maria Grapini, Brice Hortefeux, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Antonio Tajani, László Trócsányi, Guy Verhofstadt, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Brando Benifei, Jorge Buxadé Villalba, Markéta Gregorová

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

25

+

ECR

Geert Bourgeois, Jorge Buxadé Villalba

GUE/NGL

Leila Chaibi, Helmut Scholz

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Esteban González Pons, Brice Hortefeux, Paulo Rangel, Antonio Tajani, László Trócsányi, Loránt Vincze, Rainer Wieland

RENEW

Pascal Durand, Charles Goerens, Sandro Gozi, Guy Verhofstadt

S&D

Brando Benifei, Gabriele Bischoff, Włodzimierz Cimoszewicz, Maria Grapini, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

François Alfonsi, Daniel Freund, Markéta Gregorová

 

 

 

1

-

ID

Gerolf Annemans

 

 

 

1

0

ID

Antonio Maria Rinaldi

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-PETIZZJONIJIET (30.4.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

(2020/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gheorghe Falcă

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

1. Ifakkar fil-prinċipju fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini; jissottolinja, barra minn hekk, li l-għan tagħna għandu jkun li nżommu l-iktar rabtiet stretti possibbli bejn iċ-ċittadini Brittaniċi u ċ-ċittadini tal-UE;

2. Jisħaq fuq il-fatt li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ma jeżentax lir-Renju Unit mir-responsabbiltajiet tiegħu li jissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE kif huwa ggarantit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit ("il-Ftehim"); jinnota li l-Ftehim jistabbilixxi dispożizzjonijiet għas-salvagwardja tal-istatus u d-drittijiet derivati mil-liġijiet tal-Unjoni għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit u l-familji milquta; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu inklużi fis-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

3. Ifakkar li l-Ftehim jipproteġi d-dritt ta' dawk iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu fir-Renju Unit skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u li sussegwentement se jkomplu jirrisjedu hemmhekk, kif ukoll dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jeżerċitaw l-istess dritt fi Stat Membru tal-UE-27; itenni li huwa neċessarju li l-awtoritajiet pubbliċi kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Unjoni japplikaw dan il-prinċipju;

4. Ifakkar li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jgħix fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, id-dritt li jipparteċipa fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u d-dritt li jindirizza lill-Ombudsman wara t-tmiem previst tal-perjodu ta' tranżizzjoni (il-31 ta' Diċembru 2020);

5. Jistieden lill-Ombudsman tkompli l-ħidma tagħha, li bdiet waqt in-negozjati dwar il-ftehim ta' ħruġ, biex tiżgura li n-negozjati dwar sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit ikunu trasparenti;

6. Ifakkar li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE se jitilfu d-dritt li jipparteċipaw fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej iżda se jibqa' jkollhom id-dritt li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament wara t-tmiem previst tal-perjodu ta' tranżizzjoni (il-31 ta' Diċembru 2020);

7. Jenfasizza l-importanza tal-Istat ospitanti biex jiżgura li kwalunkwe proċedura amministrattiva għal applikazzjoni għal status ta' residenza tkun bla xkiel, trasparenti u sempliċi, li jiġu evitati piżijiet bla bżonn u li din tkun aċċessibbli f'termini tal-ispejjeż għaċ-ċittadini tal-UE;

8. Jikkunsidra li l-pandemija tal-COVID-19 hija żvolta fir-realtà politika, ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, u kkawżat reċessjoni globali u ristrutturar tal-istil tal-ħajja tagħna li se jrendu diffiċli l-progress fin-negozjar dwar ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ partijiet;

9. Jikkunsidra li s-sistema proposta mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit ("il-proċedura ta' reġistrazzjoni") għaċ-ċittadini tal-UE-27 biex japplikaw għal status ta' residenza mhix trasparenti u sempliċi daqs kemm għandha tkun; jikkunsidra li din toħloq piżijiet amministrattivi inġusti u bla bżonn għaċ-ċittadini tal-UE-27; iqis li s-sistema għandha tinbidel għal proċedura ta' reġistrazzjoni awtomatika, peress li din hija l-uniku mod biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex jiġi ggarantit li l-istatus u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE jiġu rikonoxxuti; itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiggarantixxu li l-proċedura ta' reġistrazzjoni proposta mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit tosserva l-istandards tal-UE li jiggarantixxu r-reċiproċità u t-trattament ugwali bejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini tal-UE-27;

10. Jinsisti fuq il-ħtieġa għal awtorità indipendenti ta' monitoraġġ li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, tiżgura li l-impenji jiġu rispettati, u toħloq ċertezza legali fil-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE-27/ŻEE u l-familji tagħom fir-Renju Unit;

11. Jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni attwali tal-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE u l-konsegwenzi potenzjali għal dawk li jonqsu milli japplikaw qabel l-iskadenza; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-lingwaġġ użat mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit rigward deportazzjonijiet possibbli ta' ċittadini tal-UE u n-nuqqas ta' miżuri fis-seħħ biex jiġu megħjuna ċittadini vulnerabbli; jesprimi t-tħassib tiegħu li hemm ċittadini tal-UE-27 li s'issa għadhom ma rnexxilhomx jiksbu l-istatus ta' residenza tagħhom permezz tal-proċeduri stabbiliti;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tat-tfal minn familji mħallta fejn ġenitur wieħed biss huwa ċittadin tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu provduti l-mekkaniżmi legali xierqa għas-soluzzjoni ta' tilwimiet bejn il-ġenituri, pereżempju fil-każ ta' divorzju, b'tali mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni fil-konfront ta' ċittadini tal-Istati Membri billi jiġi ristrett id-dritt ta' aċċess tagħhom għat-tfal;

13. Jinnota b'dispjaċir li r-Renju Unit iddeċieda li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit mhux se jibqa' japplika wara l-perjodu ta' tranżizzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li s-sħubija futura tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-moviment tal-persuni, abbażi ta' reċiproċità sħiħa u nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri; jixtieq jenfasizza li d-drittijiet fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni jmorru id f'id mat-tliet libertajiet l-oħra; itenni l-fatt li l-aċċess tar-Renju Unit għas-suq uniku jrid ikun suġġett għall-konformità tiegħu mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni; jenfasizza li s-sistema tal-qsim tal-fruntieri ma għandhiex tikkawża ostaklu amministrattiv jew finanzjarju eċċessiv;

14. Jikkunsidra li l-ftehimiet dwar il-mobilità, inkluż l-ivvjaġġar mingħajr viża għal soġġorni qosra, għandhom ikunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-reċiproċità sħiħa; iqis ukoll li tali arranġamenti għandhom jinkludu l-acquis tal-UE dwar il-mobilità, partikolarment fir-rigward tal-ħaddiema, u speċjalment ir-regoli tal-istazzjonament tal-ħaddiema u tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

15. Ifakkar li l-kontinwità bla xkiel tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar u bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-UE hija essenzjali biex jiġu preservati l-impjiegi f'setturi bħat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u t-turiżmu; jenfasizza li hemm bżonn li jinstabu mekkaniżmi effikaċi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tat-traffiku transfruntier, b'mod partikolari f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien ta' vjaġġ, ikun x'ikun il-mezz tat-trasport;

16. Jitlob li tiġi kkunsidrata regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza għal skopijiet bħalma huma r-riċerka, l-istudju, it-taħriġ u l-iskambji taż-żgħażagħ; jiddispjaċih, għal din ir-raġuni, li l-awtoritajiet Brittaniċi ddikjaraw li r-Renju Unit jixtieq itemm il-parteċipazzjoni tiegħu fi programmi ta' mobilità bħall-Erasmus+; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippermetti r-Renju Unit jipparteċipa fil-programmi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u dawk Brittaniċi, filwaqt li r-Renju Unit jirrispetta l-impenji finanzjarji neċessarji bħala korrispettiv.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.4.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Anna-Michelle Asimakopoulou, Margrete Auken, Jordan Bardella, Alexander Bernhuber, Markus Buchheit, Ryszard Czarnecki, Eleonora Evi, Agnès Evren, Gheorghe Falcă, Emmanouil Fragkos, Mario Furore, Gianna Gancia, Alexis Georgoulis, Peter Jahr, Radan Kanev, Cristina Maestre Martín De Almagro, Dolors Montserrat, Ulrike Müller, Sira Rego, Frédérique Ries, Alfred Sant, Massimiliano Smeriglio, Cristian Terheş, Loránt Vincze, Thomas Waitz, Stefania Zambelli, Tatjana Ždanoka, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jarosław Duda, Marie-Pierre Vedrenne

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

28

+

ECR

Ryszard Czarnecki, Emmanouil Fragkos, Kosma Złotowski

GUE/NGL

Alexis Georgoulis, Sira Rego

NI

Eleonora Evi, Mario Furore

PPE

Anna‑Michelle Asimakopoulou, Alexander Bernhuber, Jarosław Duda, Agnès Evren, Gheorghe Falcă, Peter Jahr, Radan Kanev, Dolors Montserrat, Loránt Vincze

RENEW

Ulrike Müller, Frédérique Ries, Marie‑Pierre Vedrenne

S-D

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Cristina Maestre Martín De Almagro, Alfred Sant, Massimiliano Smeriglio, Cristian Terheş

Vers/ALEt

Margrete Auken, Thomas Waitz, Tatjana Ždanoka

 

0

-

-

-

 

4

0

ID

Jordan Bardella, Markus Buchheit, Gianna Gancia, Stefania Zambelli

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.6.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

85

6

17

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Barry Andrews, Maria Arena, Anna-Michelle Asimakopoulou, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Tiziana Beghin, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Reinhard Bütikofer, Jordi Cañas, Fabio Massimo Castaldo, Anna Cavazzini, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Miroslav Číž, Katalin Cseh, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Emmanouil Fragkos, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Enikő Győri, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Maximilian Krah, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, Thierry Mariani, Gabriel Mato, Emmanuel Maurel, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Maxette Pirbakas, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Jérôme Rivière, Inma Rodríguez-Piñero, María Soraya Rodríguez Ramos, Massimiliano Salini, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Radosław Sikorski, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Dominik Tarczyński, Hermann Tertsch, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Jörgen Warborn, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Iuliu Winkler, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Jan Zahradil, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Marek Belka, Svenja Hahn, Arba Kokalari, Sergey Lagodinsky, Marisa Matias, Liudas Mažylis, Ernest Urtasun, Angelika Winzig

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

85

+

ECR

Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Jan Zahradil

NI

Tiziana Beghin, Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi, Carles Puigdemont i Casamajó

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Anna-Michelle Asimakopoulou, Traian Băsescu, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Enikő Győri, Kinga Gál, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Sandra Kalniete, Arba Kokalari, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, Gabriel Mato, Liudas Mažylis, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Massimiliano Salini, Radosław Sikorski, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Angelika Winzig, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

RENEW

Barry Andrews, Petras Auštrevičius, Jordi Cañas, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Liesje Schreinemacher, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Nikos Androulakis, Maria Arena, Marek Belka, Włodzimierz Cimoszewicz, Paolo De Castro, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Bernd Lange, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Inma Rodríguez-Piñero, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nacho Sánchez Amor, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Miroslav Číž

VERTS/ALE

Alviina Alametsä, Saskia Bricmont, Reinhard Bütikofer, Anna Cavazzini, Heidi Hautala, Sergey Lagodinsky, Tineke Strik, Ernest Urtasun, Viola Von Cramon-Taubadel, Salima Yenbou

 

6

-

GUE/NGL

Manu Pineda

ID

Lars Patrick Berg, Roman Haider, Maximilian Krah, Harald Vilimsky

NI

; Kostas Papadakis

 

17

0

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers

GUE/NGL

Giorgos Georgiou, Emmanuel Maurel, Helmut Scholz, Idoia Villanueva Ruiz

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Herve Juvin, Danilo Oscar Lancini, Thierry Mariani, Maxette Pirbakas, Jérôme Rivière

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Ġunju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza