"Ma kontx nirritorna d-dar kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-UE“

Awa Seck Irritornat id-dar qawwija u sħiħa permezz tal-assistenza tal-UE Il-Belgju, Brussell

Xi ċittadini Ewropej inqabdu f'pajjiż ieħor meta l-Istati Membri tal-UE għalqu l-fruntieri tagħhom. Kollha naqblu li fi żmien din il-kriżi, l-aħjar post li tkun fih huwa d-dar, imma x'kont tagħmel kieku nqbadt f'pajjiż ieħor meta faqqgħet l-pandemija? Hekk ġarala Awa. Oriġinarjament mill-Belġju, hija sabet ruħha maqbuda fis-Senegal waqt li kienet fuq vjaġġ hemmhekk. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni għal Emerġenzi organizza titjiriet lura lejn l-Ewropa sabiex Awa, flimkien ma' eluf ta' residenti oħra tal-UE, setgħu jirritornaw id-dar b'mod sikur. L-Unjoni Ewropea qed tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza u l-operazzjonijiet ta' ripatriazzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE minn madwar id-dinja, ikunu fejn ikunu. S'issa għenu madwar 85,000 persuna jmorru lura d-dar fl-Ewropa matul din il-kriżi.

"Jien kburi li għadni nista' nittrasporta l-merkanzija fl-Ewropa permezz tal-korsiji ħodor tal-UE“

Fred Jittrasporta merkanzija essenzjali fl-Istati Membri tal-UE permezz tal-korsiji ħodor tal-UE L-Olanda, Utrecht

Minkejja li xi fruntieri interni tal-UE setgħu kienu magħluqa, forsi kultant rajt li kien hemm xi trakkijiet għaddejjin minn pajjiż għall-ieħor. Kont taf li l-Ewropa tiddependi fuq dawn it-trakkijiet għat-trasport tal-ikel u tal-prodotti essenzjali sabiex dawn jitqassmu u jinbiegħu? Fred huwa wieħed mill-eluf ta' sewwieqa tat-trakkijiet li lkoll kemm aħna niddependu fuqhom. Il-ħidma impenjattiva tiegħu żżomm il-ħwienet tagħna stokkjati u tevita li l-isptarijiet tagħna jsibu ruħhom nieqsa minn tagħmir essenzjali. It-traġitti ta' Fred saru aktar faċli bis-saħħa tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Fit-23 ta' Marzu, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Istati Membri biex ma jwaqqfux lill-vetturi li jittrasportaw merkanzija għal aktar minn 15-il minuta meta jsirulhom verifiki u spezzjonijiet sanitarji. Hija pprovdiet ukoll pariri dwar kif tipproteġi lill-ħaddiema tat-trasport mill-COVID-19.

"Ara fejn wasalna, ma nistgħux naqtgħu qalbna“

Valentinos Jikkoordina t-traċċar tal-kuntatti fil-Ministeru tas-Saħħa f'Ċipru Cipru, Nikosija

Valentinos Silvestros huwa epidemjologu fuq il-post. Huwa wkoll il-koordinatur tat-traċċar tal-kuntatti fit-Taqsima tas-Sorveljanza u l-Kontroll tal-Mard li Jittieħed fil-Ministeru tas-Saħħa. It-tim tiegħu jidentifika l-mezzi ta' trażmissjoni u "jkissirhom", billi jiżola l-persuni diġà infettati kif ukoll lil dawk li kienu f'kuntatt mal-virus. It-tim jaħdem f'ċirkustanzi diffiċli ħafna u b'sagrifiċċju personali kbir. Valentinos ilu ma jara lil familtu u ħbiebu għal aktar minn tmien ġimgħat. Kultant, iħossu għajjien ħafna u dahru u għonqu spiss iweġġgħuh mill-ħidma tiegħu tul il-ġurnata. Xorta jieħu r-ruħ jara n-numri tal-każijiet jonqsu. "Kemm jien kuntent nara l-pajjiż ċkejken tagħna sejjer tant tajjeb" jgħid. Kulħadd kien qed jaħdem flimkien, u dan jimlieh b'ottimiżmu. "Issa għadu mhux il-waqt li nistrieħu," huwa jwissi. "Ma nistgħux naqtgħu qalbna. Irridu nipproteġu lin-nies tagħna u nsaħħu s-sistemi tagħna ta' saħħa pubblika."

"Il-kampanja #EMKrepi tgħaqqad in-negozji Sloveni u ż-żgħażagħ biex jgħinu l-ekonomija titqajjem mill-ġdid“

Nika Iħeġġeġ liż-żgħażagħ jagħtu prijorità lix-xiri ta' prodotti u servizzi Sloveni matul il-kriżi tal-COVID-19 Is-Slovenja, Ljubljana

Hekk kif ħwienet lokali fis-Slovenja qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-lockdown, il-kampanja "Karta Kulturali Ewropea għaż-Żgħażagħ" (#EMKrepi) saret sors ta' tama. L-idea hija sempliċi. Meta jingħaqdu mal-programm Karta Kulturali Ewropea għaż-Żgħażagħ, persuni Sloveni li għandhom inqas minn 30 sena jkollhom aċċess għal ħafna vantaġġi f'negozji lokali. Huma jistgħu ukoll jgħinu biex jitħarsu n-negozji ta' ħbiebhom. L-inizjattiva qed titmexxa mill-Aġenzija Slovena għaż-Żgħażagħ (SLOAM) u tħeġġeġ liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, jintegraw ruħhom fis-soċjetà u jagħmlu għażliet responsabbli. Il-programm ġa għandu aktar minn 120,000 parteċipant, ċifra li tirrapreżenta 40% taż-żgħażagħ Sloveni. "Din il-kard tipprovdi diversi benefiċċji, inkluż aktar minn 70,000 skont madwar l-Ewropa. #EMKrepi hija l-aħħar innovazzjoni tagħha. Din il-kampanja se tgħin liż-żgħażagħ jakkwistaw prodotti u servizzi primarjament Sloveni matul ix-xhur li ġejjin, u dan se jkollu l-effett pożittiv li jqajjem l-ekonomija tagħna," spjegat Nika Stegovic.  

"Lin-nies tajnihom iċ-ċans jivvutaw għall-oġġett li ħassew li kien l-aktar importanti għalihom li jkollhom waqt il-kwarantina“

Femi Tiddokumenta l-kultura u l-istil ta' ħajja fl-Irlanda matul il-pandemija L-Irlanda, Dublin

Waħda mill-affarijiet li tgħallimna mill-COVID-19 hija kif il-perċezzjoni tan-nies dwar x'inhu essenzjali għandha tendenza li tvarja. Kollha rajna kemm nies ħassew il-ħtieġa li jixtru wisq toilet paper, iżda xi ngħidu dwar l-affarijiet li ma tgħaddix mingħajrhom il-ġenerazzjoni żagħżugħa? Fi sforz biex tiskopri dan, il-kumpanija Irlandiża Slight Motif qasmet lista ta' 32 oġġett essenzjali għall-kwarantina fuq il-midja soċjali. Huma organizzaw tournament u taw ċans lin-nies jivvutaw fuq l-oġġett li ma jgħaddux mingħajru minn lista li tinkludi fost oħrajn tissues, ikel xi jnaqqru, sanitizzatur tal-idejn u tagħmir tal-eżerċizzju fiżiku. "Wara ħames ċikli, l-udjenza żagħżugħa vvutat l-app ta' Spotify bħala l-aktar oġġett essenzjali għal waqt il-kwarantina," qalet Femi Falana. L-inizjattiva, imsejħa "Quarantine Bunker Pack", hija parti mill-isforzi ta' Slight Motif biex tiddokumenta l-kultura urbana u l-istil ta' ħajja fl-Irlanda.

"Ħaġa li laqtitni ħafna kienet l-apprezzament tal-passiġġieri tagħna“

Olga Membru tal-ekwipaġġ tal-kabina f'titjiriet ta' ripatriazzjoni Il-Polonja, Varsavja

#LOTdoDomu (Tir lura d-dar ma' LOT) kienet waħda mill-aktar operazzjonijiet tat-titjiriet diffiċli fuq livell organizzattiv u loġistiku fl-istorja tal-avjazzjoni ċivili Pollakka. Fi 22 ġurnata, il-linja tal-ajru nazzjonali Pollakka taret sa 71 belt fi 53 pajjiż madwar id-dinja. L-operazzjoni ġiet ippreparata f'ħeffa liema bħala biex jgħinu lill-kompatrijotti li nqabdu f'pajjiż ieħor, 'il bogħod mill-familji tagħhom, minħabba l-pandemija tal-COVID-19. "F'tant modi, dawk it-titjiriet kienu differenti mit-titjiriet tagħna tas-soltu. Kull titjira kienet tinħass qisha missjoni ta' salvataġġ" tistqarr Olga, membru tal-ekwipaġġ tal-kabina f'uħud minn dawk it-titjiriet. Din il-linja tal-ajru wettqet 388 titjira minn sitt kontinenti, fejn ġew ittrasportati passiġġieri mill-Perù, il-Messiku, l-Arġentina, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Awstralja u ħafna pajjiżi oħra. B'kollox, LOT ġabet lura d-dar aktar minn 54,000 ċittadin Pollakk.

"Kull ħajja tgħodd“

Constantinos Jiġġieled il-pandemija fuq ħafna livelli: mid-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar sa koordinazzjoni nazzjonali Cipru, Nikosija

Constantinos Constantinou, speċjalist tal-mard infettiv mal-Organizzazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa Statali, kien qed jiġġieled il-pandemija tal-coronavirus sa mill-bidu f'ħafna modi. Konxju dwar in-nuqqas ta' informazzjoni kredibbli dwar din it-theddida ġdida għas-saħħa, Constantinos ħadem fil-Ministeru tas-Saħħa Ċiprijott, fejn ikkoordina t-tqassim u l-aġġornament kontinwu tal-linji gwida dwar il-COVID-19 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u minn awtoritajiet internazzjonali oħra. Issa, Constantinos jibda l-ġurnata tiegħu billi jittratta l-pazjenti fit-taqsima tal-COVID fl-Isptar Ġenerali ta' Nikosija u jispiċċa mix-xogħol tard bil-lejl wara telefonati twal u emails mal-kollegi dwar kif jittrattaw il-pazjenti tagħhom, kif ukoll ma' nies komuni dwar kif jipproteġu ruħhom u lill-maħbubin tagħhom.

"Aħna se nkomplu nappoġġaw negozji żgħar billi nwieġbu l-mistoqsijiet legali relatati mal-pandemija“

Małgosia u Katarzyna Jipprovdu pariri legali b'xejn lin-negozji affettwati mill-pandemija Il-Polonja, Poznan

Ħafna imprendituri nqabdu bla mistenni mill-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq in-negozji tagħhom. X'għandhom jagħmlu f'każ ta' tfixkil tal-katina ta' provvista? Kif japplikaw il-klawżoli ta' force majeure għall-kumpaniji tagħhom? Biex tgħinhom iwieġbu domandi bħal dawn, Małgosia , avukata Pollakka, iddeċidiet li toħloq kanal YouTube "Inqarrbu l-liġi lejn l-imprendituri". "Jien noffri gwida lill-imprendituri dwar l-aħħar regolamenti u l-għajnuna finanzjarja pubblika li jistgħu jirċievu", hija spjegat. "Peress li r-regolamenti dwar il-COVID-19 fil-Polonja qed jiġu aġġornati l-ħin kollu, aħna wessajna l-kunċett saħansitra aktar bl-għajnuna ta' Katarzyna". Huma issa qed jiffokaw fuq il-qsim tal-għarfien legali permezz ta' webinars u konsultazzjonijiet fuq it-telefon b'xejn man-negozji żgħar. Is-suġġetti li jkopru jinkludu l-protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-impjegati li jaħdmu mid-dar. L-informazzjoni fuq l-inizjattiva hija disponibbli fuq is-sit web tal-kumpanija u l-paġna ta' Facebook.

"Vie Féminine tistinka biex tgħin lin-nisa jiksbu d-drittijiet soċjali tagħhom filwaqt li jinżammu r-rabtiet soċjali“

Yasmina u Fatima Jipprovdu servizz telefoniku u grupp ta' Facebook għal nisa fil-bżonn fejn ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin Il-Belgju, Charleroi

Fil-Belġju n-nisa li jiffaċċaw sitwazzjonijiet diffiċli dejjem jistgħu iċemplu lill-organizzazzjoni femminista "Vie Féminine" għall-għajnuna. Iżda l-COVID-19 ħolqot sfida ġdida: il-bżonn tan-nisa għall-għajnuna kiber filwaqt li l-organizzazzjoni ltaqgħet ma' dejjem aktar diffikultajiet biex torganizza xogħolha. Biex isolvu dil-problema, Fatima u Yasmina kellhom isibu soluzzjonijiet innovattivi. Huma malajr organizzaw hotlines li jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa biex iżommu r-rabtiet soċjali u jippermettu lin-nisa f'Charleroi jeżerċitaw id-drittijiet soċjali tagħhom permezz tat-telefon. Vie Féminine organizzat l-istess appoġġ f'ħames reġjuni tal-Wallonie. Apparti t-telefonati, iż-żewġ rappreżentanti tal-Vie Féminine ħolqu grupp ta' Facebook li jismu "Konfinati u Magħquda". "Dan il-grupp jippermetti lin-nisa jżommu f'kuntatt u jappoġġaw lil xulxin matul il-lockdown. Mill-inizjattivi personali li jinkludu ideat biex inżommu lit-tfal okkupati u kuntenti, tqassim tal-ikel u għajnuna f'każ ta' emerġenza, aħna rnexxielna noħolqu spirtu komuni ta' għajnuna reċiproka bejn il-membri tal-grupp", spjegaw Fatima u Yasmina.

"Xerrejja potenzjali jistgħu jużaw il-mappa tagħna biex isibu u jikkuntattjaw il-produtturi lokali tagħhom“

Celine u Ludovic Jgħinu lill-produtturi lokali jissopravvivu l-lockdown tal-COVID-19 Franza, Beaumontel

Ftit nitkellmu fuqhom, imma huma qed iġarrbu l-piż tal-lockdown Franċiż. Hekk kif swieq fil-miftuħ, ristoranti u canteens tal-iskejjel ġew imġiegħla jagħlqu, il-produtturi lokali ġew affettwati ħafna. Fin-Normandija, is-sitwazzjoni qajmet mistoqsija: kif jistgħu iċ-ċittadini jitħeġġu jixtru prodotti lokali f'dawn iż-żminijiet diffiċli? Ir-Reġjun tan-Normandija u l-assoċjazzjoni lokali responsabbli għar-Rollon – il-munita lokali – sabu soluzzjoni fil-forma ta' mappa reġjonali, li ilha disponibbli online mit-8 ta' April. Il-mappa, imsemmija "Il-Post fejn jiltaqgħu in-Normanni" (Le Rendez-Vous des Normands), tipprovdi dettalji ta' kuntatt għal aktar minn 1,200 produttur lokali. Il-prodotti disponibbli jinkludu frott u ħaxix, ħut u frott tal-baħar, laħam u prodotti tal-ħalib. Il-mappa ġiet ikkonsultata aktar minn 3,000 darba minn meta saret disponibbli.

"L-inizjattivi tagħna huma maħsuba biex jgħinu u jappoġġaw il-komunitajiet li ntlaqtu l-aktar minn din in-normalità ġdida“

Anca Tgħin lin-negozji lokali u lill-persunal tal-isptar matul il-pandemija Ir-Rumanija, Bucharest

Biex tgħin lin-negozji lokali jissopravvivu l-għeluq furzat matul il-lockdown, Anca ġietha idea. Hija stiednet lill-komunità tagħha fuq Facebook biex tixtri mingħand dawn in-negozji vouchers bħala rigali li jkunu jistgħu jintużaw meta dawn in-negozji jerġgħu jiftħu. "F'inqas minn 24 siegħa il-kampanja xterdet mal-midja soċjali", qalet Anca. "Il-pjattaforma ta' prenotazzjoni online CardCadou ddeċidiet li tissieħeb magħna u l-inizjattiva issa tinkludi aktar minn 140 negozju żgħir madwar ir-Rumanija". Iżda Anca kienet għadha ħerqana biex issib modi ġodda biex tgħin. Hija żviluppat ukoll pjattaforma ġdida jisimha Coffee for Hospitals minn fejn in-nies jistgħu jixtru vouchers tal-kafè għall-ħaddiema tal-isptarijiet. "Bis-saħħa ta' #cafeapentruspitale, aħna wassalna tunnellati ta' kafè ta' kwalità lill-isptarijiet ta' Bucharest u ta' ħamest ibliet Rumeni oħra", qaltilna Anca. Ir-reazzjonijiet tat-tobba u l-infermiera kienu tant pożittivi li l-inkaljatur tal-kafè "The Barn Berlin" iddeċieda li jwassal l-inizjattiva lill-Ġermanja.

"Peress li fil-bidu ma kien hemm l-ebda grupp jew mudell li seta' jissorvelja u jipprevedi l-futur tal-epidemija, aħna ddeċidejna li nagħtu sehemna biex isir dan“

Dr. Leskovar u l-Professur Dr. Cizelj Żewġ inġiniera nukleari Sloveni bdew jipprovdu statistiċi ewlenin dwar l-evoluzzjoni tal-COVID-19 lill-awtoritajiet kompetenti Is-Slovenja, Ljubljana

Madwar l-Ewropa kollha, iċ-ċittadini qed jistennew b'ansjetà. Il-miżuri tal-lockdown bil-mod il-mod qed jitneħħew iżda l-possibbiltà ta' mewġa oħra għadha reali ħafna. Huwa biss iż-żmien – u b'mod aktar speċifiku, l-istatistiċi – li se jgħidulna meta nistgħu nistennew li l-COVID-19 isir biss memorja kerha. Fis-Slovenja il-ħruġ regolari tal-aħħar statistiċi dwar il-COVID-19 minn Dr. Matjaž Leskovar u mill-Professur Dr. Leon Cizelj sar punt ta' referenza għas-servizzi inkarigati jippjanaw miżuri ġodda. Din ma kinitx minn dejjem il-vokazzjoni tagħhom: Fil-bidu huma bdew jibnu mudell tal-COVID-19 aktar b'sens ta' kurżità u tħejjija f'waqtha – li huwa valur kostanti fl-enerġija nukleari. L-istatistiċi, ippubblikati mid-Diviżjoni tal-Inġinerija tar-Reattur fl-Istitut Jožef Stefan, jiffukaw fuq it-tixrid tal-COVID-19 fis-Slovenja. Il-preżentazzjonijiet kollha jsiru disponibbli fuq kanal YouTube dedikat apposta għalhekk.