"L-UE qed tgħinna nipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli waqt il-kriżi“

Shenay Tgħin tqassam provvisti lil dawk li jeħtieġuhom l-aktar Il-Bulgarija, Isperih

Il-programm ROMACT iffinanzjat mill-UE qed iforni ikel u prodotti tal-iġjene lill-15,000 persuna mill-komunità Roma fil-Bulgarija u r-Rumanija. Huma qed jinfurmaw ukoll lin-nies f'aktar minn 30 belt differenti dwar kif jibqgħu sikuri waqt it-tifqigħa tal-coronavirus u kif jaċċedu għal għajnuna ta' emerġenza, f'każ ta' bżonn. Attivisti lokali għenu jidentifikaw l-aktar familji vulnerabbli, u ttieħdu miżuri biex dawn il-membri tal-komunitajiet jingħataw in-neċessitajiet bażiċi. Shenay Andreeva minn @romactbulgaria hija parti mill-grupp ta' komunità li qed jgħin iqassam il-provvisti lil dawk li jeħtieġuhom l-aktar f'dawn iż-żminijiet ta' sfida. Madwar l-Ewropa, iċ-ċittadini bħal Shenay qed jgħinu lill-komunitajiet vulnerabbli u iżolati fl-Ewropa jiġġieldu l-coronavirus. Huma qed jipproteġu l-benesseri tal-komunitajiet lokali, iħarsu d-drittijiet umani tagħhom, u jtejbu l-inklużjoni tar-Roma.

"Illum huma dawk li jsalvaw li għandhom bżonn min isalvahom!“

Organizzazzjoni Save the Saviours Tgħin lill-intrapriżi soċjali jegħlbu l-kriżi Il-Bulgarija, Sofija

Ċapċapna lil nies li jgħinu lill-Ewropa tegħleb il-kriżi tal-COVID-19 iżda l-ħidma kontinwa tagħhom iġġiegħelna nistaqsu: Xi ħadd se #SaveTheSaviors? Fil-Bulgarija dil-hashtag hija fil-qalba ta' inizjattiva li tispirana. "Aħna rridu li l-intrapriżi soċjali li jgħinu lill-persuni b'diżabbiltà, ommijiet waħedhom, rifuġjati jew anzjani biex huma wkoll joħorġu mill-kriżi. Irriduhom ikomplu jsalvaw oħrajn għal żmien twil wara li nħallu l-COVID-19 warajna", qalu rappreżentanti taċ-Ċentru Bulgaru għal-Liġi Mingħajr Skop ta' Qligħ. L-inizjattiva tagħhom tgħin ħames intrapriżi soċjali ewlenin u tiżgura li l-impjegati jżommu xogħolhom u jevitaw li dawn l-intrapriżi jfallu, u jkabbru l-firxa tagħhom. "Bis-saħħa tal-kampanja, aktar minn 100,000 persuna semgħu b'dawn l-intrapriżi u l-kawżi tagħhom. Ġew salvati 47 impjieg u mijiet ta' persuni bbenefikaw mill-għajnuna tagħhom. L-aktar importanti huwa li l-attitudni tan-nies lejn il-persuni vulnerabbli nbidlet", qal il-grupp b'entużjażmu.

"Persuna tista' tagħmel id-differenza. Dik il-persuna tista' tkun int!“

Momchil Iservi bħala voluntier fejn jiddiżinfetta l-akbar sptar ta' emerġenza f'Sofija Il-Bulgarija, Sofija

Hekk kif il-persunal mediku jkompli jaħdem bla waqfien biex tiġi trattata l-kriżi tal-coronavirus, in-nies madwar l-Ewropa qed jagħtu sehemhom b'ħafna modi kreattivi. Flimkien ma' tim ieħor ta' voluntiera, Momchil iddiżinfetta l-binjiet kollha tal-isptar Pirogov - kull ward, kull kuritur, u kull indana taraġ. Huwa ddeċieda li jieħu sehem għaliex ma setgħax joqgħod b'idejh fuq żaqqu mingħajr ma jikkontribwixxi b'xi mod. "Meta faqqgħet il-pandemija, kelli nagħmel xi ħaġa. Ma stajtx noqgħod id-dar ma nagħmel xejn". Peress li ma setax jipprattika l-attivitajiet li jagħmel is-soltu, huwa ħaseb li setgħa jkun utli x'imkien ieħor. Il-purtinara jistgħu jiġu wiċċ imb'wiċċ mal-virus, iżda dan ma waqqfux milli jgħin. Momchil jemmen li f'din is-sitwazzjoni pjuttost tal-biża', kollha kemm aħna nistgħu nkunu ħbieb, u ningħaqdu flimkien għal kawża komuni. "Persuna waħda tista' verament tagħmel differenza, ikun xi jkun xogħolha, l-età jew it-twemmin tagħha. Din il-persuna tista' tkun kwalunkwe persuna - tista' tkun int!", qalilna.

"L-aħjar soluzzjonijiet huma dawk li noħolqu flimkien“

Todor Organizza hackathon biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija Il-Bulgarija, Sofija

Todor nieda l-"Hack the Crisis Bulgaria hackathon" f'Marzu biex jinstabu soluzzjonijiet għall-ħafna problemi kkawżati mill-pandemija. 850 persuna pparteċipaw f'din l-inizjattiva, li rriżultat f'111-il idea biex jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi. Hemm tliet miri ewlenin għall-proġetti: jiġu salvati l-ħajjiet, jiġu salvati l-komunitajiet, u jiġu salvati n-negozji. It-tieni fażi tal-inizjattiva bdiet fl-aħħar ta' April, li tinvolvi 30 proġett li dalwaqt se jinbdew u oħrajn ġodda li għad iridu jintgħażlu. Filwaqt li Todor ħareġ bl-idea, il-hackathon ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-appoġġ kbir ta' firxa wiesgħa ta' imprendituri u persunal Bulgari li kollha taw ħinhom u l-isforzi tagħhom mingħajr ħlas biex dan l-avveniment ikollu suċċess.

"Tlabt lit-tim tiegħi jittrasforma dak li hu ordinarju f'xi ħaġa straordinarja - u hekk għamlu!“

Il-Forum Nazzjonali taż-Żgħażagħ Iħeġġeġ liż-żgħażagħ jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet fi żminijiet ta' esklużjoni soċjali Il-Bulgarija, Sofia

Fl-ewwel jiem ta' meta ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-Bulgarija, il-Forum Nazzjonali taż-Żgħażagħ nieda kampanja bl-isem #TimeForYou. Hija tippromwovi l-idea li l-ħin li jgħaddu d-dar iż-żgħażagħ għandu jkun mimli opportunitajiet biex itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Biex jiksbu dan, l-għalliema, l-eks studenti, il-bord eżekuttiv u l-membri ħadmu flimkien biex iniedu serje ta' webinars b'xejn dwar suġġetti direttament rilevanti għaż-żgħażagħ. Dawn inkludew suġġetti bħal "Is-saħħa mentali taż-żgħażagħ matul l-esklużjoni soċjali" u xandiriet futuri se jkopru suġġetti bħall-ħidma diġitali taż-żgħażagħ, l-inklużjoni taż-żgħażagħ u spazji għaż-żgħażagħ.

"Qed nuru solidarjetà permezz tal-mużika“

It-tfal minn Bon-Bon Iħeġġu lin-nies joqogħdu d-dar Il-Bulgarija, Sofia

Fil-bidu tal-lockdown, il-grupp mużikali tat-tfal BON-BON iddeċieda li, mis-sikurezza ta' djarhom, jirrikrejaw id-diska ta' Michael Jackson "Earth Song" u jħeġġu lin-nies joqogħdu d-dar Aktar minn 90 eks membru u membru attwali tal-grupp, li jinsabu madwar l-Ewropa, ħadu sehem f'din il-biċċa xogħol u b'hekk urew li nistgħu inkunu lkoll flimkien minkejja l-miżuri ta' iżolament. Tista' tara r-riżultat finali hawnhekk: https://www.youtube.com/watch?v=97WX-CMKu9E.