"Għandna tant talenti, mela ejjew nużawhom issa u hawnhekk“

Il-grupp RolliGang: Alexander, Benny, Johannes, Orazio u Sarah Kitbu u kkomponew kanzunetta li tħeġġeġ lill-eroj madwar il-Ġermanja jagħtu sehemhom Il-Germanja, Munich

Kollha ħassejna dwejjaq f'xi mumenti waqt din il-kriżi. Tkun bil-lockdown, titlef l-impjieg, tħassar pjanijiet li kont ilek tant tistenna, u, l-agħar li jista' jiġrilek, titlef ħbieb għeżież jew membri tal-familja minħabba l-virus, hemm tant u tant raġunijiet biex wieħed jiddispra. Iżda hemm ħaġa waħda li ma nistgħux ninsew: Xi wħud minna kellhom jgħixu diffikultajiet bħal dawn qabel il-COVID-19. Fil-Ġermanja, Alexander, Benny, Johannes, Orazio u Sarah jafu xi ħaġa jew tnejn dwar il-kriżijiet. Huma għaddew ħajjithom jitqabdu mad-diżabilità. F'dawn iż-żminijiet ta' inċertezza, huma ddeċidew li jingħaqdu biex jgħinu lilna lkoll billi jferrħuna b'kanzunetta ġdida tal-grupp tagħhom "RolliGang". "L-uniku mod kif inkampaw huwa permezz tal-umanità. Dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor huma l-eroj bħalissa," tgħid il-kanzunetta. Hija kanzunetta emozzjonanti b'ħajr għat-tjubija, it-tama, il-ġustizzja u l-għaqda, waħda li taqbel mal-isforzi ta' ħafna eroj madwar l-Ewropa. Il-kanzunetta, li jisimha "Wir schaffen diese Krise" ("Se nirbħulha lill-kriżi"), hija disponibbli fuq YouTube.

"Ejjew inkantaw. Speċjalment issa!“

Matthias Jorganizza sessjonijiet tal-kor għal dawk kollha li jixtiequ jkantaw Il-Germanja, Regensburg

Xejn ma joffri distrazzjoni aħjar mill-mużika. Mela għax ma nużawx il-lockdown biex inkantaw xi ftit kanzunetti? Cantemus-TV kien qed jipprovdi din l-opportunità lin-nies ta' Regensburg u lil hinn għal dawn l-aħħar xhur. "Bħala mexxej tal-kor Cantemus ta' Regensburg, xtaqt nipprovdi lin-nies tal-etajiet kollha opportunità biex jesprimu ruħhom permezz tal-mużika," spjega Matthias. "Għalhekk ħloqna l-'Cantemus-TV' online tagħna: biex nistiednu tfal, żgħażagħ u familji jkantaw flimkien. Aħna nemmnu li l-kant jista' jikser il-monotonija u jtaffi l-inkwiet, filwaqt li joħloq atmosfera sabiħa u jibni l-kunfidenza." Cantemus-TV jistieden lill-ispettaturi jieħdu sehem attiv f'sessjonijiet mal-membri tal-kor, kif ukoll jippreżentaw il-kontribuzzjonijiet artistiċi tagħhom. Skont Matthias, dan huwa mod totalment ġdid kif nesperjenzaw il-komunità u s-solidarjetà.

"Aħna nuru solidarjetà bejn il-fruntieri u nappoġġaw il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fi Strasburgu“

Klaus Bdew kampanja ta' donazzjoni għall-isptarijiet f'Kehl u fi Strasburgu Il-Germanja, Kehl

Il-COVID-19 kien xokk għal dawk li jgħixu u jaħdmu ħdejn il-fruntieri jew li jgħixu f'pajjiż u jaħdmu f'ieħor. Dan kien ukoll test għall-inizjattivi li ilhom għaddejjin bejn il-fruntieri. Ejjew nieħdu lill-Fondazzjoni Ċivika ta' Kehl bħala eżempju. Għal ħafna snin din il-Fondazzjoni ddedikat ruħha għal djalogu u kooperazzjoni intensivi bejn Kehl u wieħed mill-eqreb ġirien tagħha: il-belt Franċiża ta' Strasburgu. Allura, il-fondazzjoni kellha tieqaf wara li ngħalqet il-fruntiera bejn Franza u l-Ġermanja? Le, mhux eżattament. "Aħna ridna nibagħtu sinjal ta' solidarjetà pożittiv bejn il-fruntieri filwaqt li nibqgħu ngħinu lil dawk li jaħdmu lejl u nhar biex itejbulna saħħitna. Għalhekk bdejna kampanja kbira ta' donazzjoni biex nappoġġaw il-persunal tal-Isptar ta' Kehl u l-Isptar tal-Università ta' Strasburgu," spjega Klaus, membru tal-Fondazzjoni. Sal-aħħar tal-kampanja, il-Fondazzjoni Ċivika ta' Kehl bagħtet EUR 4,500 lil kull sptar. Id-donazzjonijiet se jgħinu biex nappoġġaw lill-infermiera fil-ħidma tagħhom ta' kuljum.

"Aħna nħallu lill-artisti jiċċelebraw lit-tobba u lill-infermiera mad-dinja kollha“

Christiane u Lars Ħolqu "WeSayGracias", kont tal-Instagram fejn l-artisti jistgħu jesprimu l-gratitudni tagħhom għall-persunal mediku Il-Germanja, Munich

L-arti hija magħrufa bħala l-mera tas-soċjetà. Iżda l-COVID-19 weriena kif il-bidliet kbar fis-soċjetà jistgħu ukoll jiksru r-rabta bejn l-artisti u l-udjenza tagħhom. L-eżibizzjonijiet u r-rappreżentazzjonijiet live twaqqfu f'daqqa waħda, avolja l-artisti sabu ħafna ispirazzjoni. Christiane u Lars, minn "Min hu Mark", kellhom l-għan li jsolvu dil-problema b'"wesaygracias", kont ta' Instagram li jipprovdi pjattaforma għall-artisti u għall-persuni kreattivi li fuqha jistgħu jesprimu l-gratitudni tagħhom għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa madwar id-dinja. "Irċevejna posts minn Mallorca, Melbourne u ħafna postijiet oħra," qalu b'entużjażmu Christiane u Lars. Il-hashtag #wesaygracias bħalissa jgħodd mal-100 post minn artisti minn kull sfond.

"Kamra ta' stennija ffullata dejjem se ġġib magħha riskju għoli li jixtered il-mard. Aħna rridu nnaqqsu dawn ir-riskji“

Lina Tipprovdi software ta' prenotazzjoni lit-tobba tal-familja biex jitnaqqsu l-kjuwijiet tal-pazjenti Il-Germanja, Hamburg

It-tobba tal-familja sabu ruħhom f'sitwazzjoni delikata ħafna waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. Meta l-pazjenti bdew jiffurmaw kjuwijiet għad-dijanjostika u t-trattament, qamet mistoqsija: Kif jistgħu it-tobba jiżguraw li n-nies ma jispiċċawx jieħdu l-virus waqt li jkunu qed jistennew fi kjuwijiet twal? Lina hija waħda mill-fundaturi ta' kumpanija li tipprovdi software ta' prenotazzjoni f'ristoranti fil-Ġermanja. Hija semgħet b'dawn il-problemi filwaqt li kienet qed tiffaċċja xi problemi hija stess. "Aħna ħriġna b'atodo biex innaqqsu l-ħinijiet ta' stennija fir-ristoranti, iżda l-industrija tal-ospitalità kienet totalment magħluqa minħabba l-coronavirus. B'hekk is-soluzzjoni tagħna saret inutli u għalhekk ħsibna li tista' tkun ta' għajnuna għat-tobba minflok". Lina issa tipprovdi s-software tagħha lil tobba tal-familja li jridu jżommu l-kamra ta' stennija tagħhom vojta sabiex jipprevjenu t-tixrid tal-mard. "Aħna ċerti li s-soluzzjoni tagħna ġġib valur miżjud lis-soċjetà, anki lil hinn mill-COVID-19," hija qalet. Li jinstabu soluzzjonijiet ta' software biex tittaffa t-theddida tal-COVID-19 kienet ukoll prijorità għall-UE. Il-programm EUvsVirus, pereżempju, wassal għall-ħolqien ta' 2,164 tim ta' żviluppaturi bil-għan li jinstabu tali soluzzjonijiet.

"Permezz tad-dawl tagħna għad-dħul, il-binjiet pubbliċi u l-faċilitajiet jistgħu jikkontrollaw kemm jidħlu nies skont kif meħtieġ mil-liġi“

Arne Teknoloġija ġdida ta' traċċar ispirata mid-dwal tat-traffiku tista' tkun ta' għajnuna kbira biex ikunu limitati folol kbar fi spazji ristretti Il-Germanja, Darmstadt

Iż-żamma tad-distanza soċjali u l-ispazji pubbliċi m'humiex neċessarjament inkompatibbli. Iżda huwa minnu li jista' jkun hemm diffikultà biex ikunu kkombinati f'daqqa. Sabiex is-sitwazzjoni ġol-fieri u postijiet pubbliċi oħra tibqa' taħt kontroll, Connfair żviluppat kunċetti ġodda teknoloġiċi li jirrigwardaw in-numru tan-nies preżenti u l-kontroll tad-dħul. Il-prodott ewlieni tagħhom jixbaħ ħafna d-dawl tat-traffiku. Dan iżomm kont tan-numru taI-persuni li diġà jkunu tħallew jidħlu fi spazju ristrett u awtomatikament jaqleb minn dawl aħmar għal aħdar meta jkun hemm spazju għal aktar nies. "L-operat tad-dawl għad-dħul huwa faċli ħafna u għandu konnessjoni diretta mal-internet permezz ta' SIM card integrata. Jista' jintuża wkoll b'App," kif jispjega Arne, CEO u fundatur ta' Connfair. Permezz ta' dawn il-prodotti, l-istart-up tipprovdi għajnuna tant meħtieġa lill-klijenti tagħha. Il-fatt li kumpaniji jkunu jistgħu janalizzaw il-flussi tal-viżitaturi huwa ċertament ta' għajnuna peress li dawn iridu jissodisfaw miżuri imposti mill-gvernijiet għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus.

"Aħna nagħmlu volontarjat biex ngħinu nibnu s-solidarjetà fl-Ewropa“

Laurenz Jagħmel volontarjat permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà Il-Germanja, Spielberg

Aktar żgħażagħ Ewropej minn qatt qabel qed jikkontribwixxu għas-soċjetà bħala voluntiera permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Laurenz Aupperle ta' 18-sena mill-Ġermanja huwa wieħed minnhom. Sa minn Settembru tas-sena li għaddiet, huwa kien qed jaħdem bħala membru tal-organizzazzjoni fi Franza. Iżda minħabba l-coronavirus ma kellux għażla oħra għajr li jmur lura d-dar fil-Ġermanja. Dan il-fatt ma waqqfux milli jikseb kisbiet kbar permezz tal-internet. Laurenz u ħames volontiera oħra mill-erba' bnadi tal-Ewropa nedew proġett imsejjaħ "La Semaine de l'Europe" (Il-Ġimgħa tal-Ewropa) b'attivitajiet li jinkoraġġixxu lin-nies jitgħallmu aktar dwar l-Ewropa, l-UE, u l-kulturi differenti tagħna. "Iċ-ċittadini ma jafux kif jistgħu jibbenefikaw mill-UE, u kif jistgħu jikkontribwixxu bħala membri tagħha. Dan huwa dak li rridu nbiddlu. Irridu nikkontribwixxu għall-bini tas-solidarjetà fl-Ewropa, solidarjetà tant bżonjuża f'perjodi diffiċli bħal dak li għaddejjin minnu bħalissa."

"Bħala parti mill-komunità ta' Bremen, aħna ridna nikkontribwixxu xi ħaġa lil dawk li huma aktar fil-bżonn“

Arasch u Anna Jipprovdu tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) lill-organizzazzjonijiet lokali Il-Germanja, Bremen

Arasch u Anna jmexxu negozju online li joffri prodotti u servizzi lil professjonisti kummerċjali, industrijali u tal-bini madwar il-Ġermanja, l-Awstrija, Franza, l-Italja u n-Netherlands. Fi sforz kollettiv biex jiġġieled il-pandemija tal-COVID-19, il-persunal tagħhom ta mijiet ta' maskri lil organizzazzjonijiet qrib il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Bremen. Wara li saru jafu li l-bank tal-ikel lokali tagħhom kellu bżonn maskri, il-komunità tagħhom ħadet azzjoni malajr biex turi appoġġ u tgħin biex ittaffi n-nuqqas ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) fil-bank tal-ikel. "Hemm ħafna impjegati entużjasti li qed jingħaqdu f'dil-ħidma," qalet Anna. "Aħna lkoll nistgħu nagħtu sehemna. Billi nikkontribwixxu ftit ftit, flimkien nistgħu insolvu dawn il-problemi kritiċi."

"Nuża l-ipproċessar strutturat tal-listi ta' kontroll tal-cockpit għal xogħli fil-mediċina ta' emerġenza“

Maximilian Japplika taħriġ tal-piloti f'xogħlu bħala paramediku Il-Germanja, Harlaching

Waqt li kien qed jistudja biex isir pilota, it-taħriġ ta' Maximilian waqaf ħesrem minħabba li waqfu milli jimpjegaw piloti. Huwa uża tajjeb il-ħin liberu ġdid tiegħu biex jitħarreġ bħala paramediku. Qabel il-kriżi tal-COVID-19, huwa kien itir bħala First Officer iżda l-kumpanija tiegħu temporanjament ħelsitu biex jaħdem bħala paramediku fil-Klinika ta' Munich f'Harlaching, il-Ġermanja. Huwa kuntent li jista' jgħid li l-esperjenza preċedenti tiegħu bħala pilota għenitu fir-rwol ġdid tiegħu. Ħaddiema tal-kura tas-saħħa madwar l-UE, bħal Maximilian, qed juru solidarjetà billi jikkuraw pazjenti minn Stati Membri differenti. Pereżempju, l-isptarijiet Ġermaniżi qed jikkuraw pazjenti f'qagħda kritika mill-Italja u minn Franza, billi qed jużaw il-kapaċitajiet ta' kura intensiva tagħhom għaċ-ċittadini Taljani u Franċiżi.

"Aħseb fin-nies li huma f'riskju ogħla minħabba mard serju“

Lisa Infermiera u tieħu ħsieb lill-anzjani Il-Germanja, Berlin

L-infermiera ġġieldu direttament uħud mill-agħar tifqigħat ta' mard infettiv li rat id-dinja bħal fil-każ tal-influwenza tal-ħnieżer H1N1, l-Ebola, is-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS), u s-Sindromu Respiratorju tal-Lvant Nofsani (MERS). Bħal ma ġara f'tifqigħat preċedenti, l-infermiera fl-Ewropa kollha ħadmu bla heda biex jiġġieldu t-tixrid tal-COVID-19. Billi jipprovdu kura diretta lill-pazjenti fl-isptarijiet milquta mill-virus u saħansitra jmexxu operazzjonijiet ta' saħħa pubblika fuq skala sħiħa, l-infermiera huma fuq quddiem u huma ċentrali f'ħidma bla waqfien biex jipproteġu s-saħħa u l-benesseri tal-pazjenti u tal-pubbliku inġenerali. Lisa tistqarr li l-miżuri ta' sigurtà li ddaħħlu fis-seħħ joħolqu sfidi ġodda fix-xogħol tagħha: "Ħafna mill-komunikazzjoni mal-pazjent hija permezz ta' espressjonijiet tal-wiċċ. Anki tbissima ċkejkna spiss tagħmel id-differenza, iżda sfortunatament dan mhux possibbli bħal'issa." Aħna kburin ħafna bl-isforzi tal-infermiera tagħna kullimkien hekk kif huma jkomplu jipprovdu s-servizzi tagħhom matul din il-pandemija.

"Qed ngħin mas-servizz ta' salvataġġ“

Peter Peter, Il-Ġermanja, Augsburg. Qed jaħdem mas-servizz ta' paramediċi tal-emerġenza Il-Germanja, Augsburg

Bħal ħaddiema oħra fil-kura tas-saħħa, Peter kien attiv biex jieħu ħsieb każijiet suspettati u konfermati ta' persuni infettati bil-COVID-19. Filwaqt li aktar riċentement kien qed jaħdem mal-linja tal-ajru Lufthansa bħala ekwipaġġ tal-kabina, il-mard u l-korrimenti ta' kuljum ma waqfux u t-timijiet mediċi kellhom bżonn aktar għajnuna biex jittrattaw il-każijiet ta' COVID-19. Bis-saħħa ta' sforzi bla waqfien ta' nies bħal Peter, il-pazjenti jkunu jistgħu jitwasslu u jiġu kkurati fi sptar malajr kemm jista' jkun. L-UE qed taħdem ukoll biex tikkoordina u ttejjeb dawn l-isforzi. Il-pazjenti li jkunu jeħtieġu kura intensiva xi drabi jittieħdu minn sptarijiet mimlijin wisq għal oħrajn li jistgħu jipprovdu kura aħjar, anki jekk dawn ikunu f'pajjiżi differenti. Riċentement, 11-il pazjent Franċiż f'kura intensiva ttieħdu bl-ajru lejn il-Lussemburgu minn Franza, u 11-il pazjent ieħor f'kura intensiva mill-Italja u tlieta minn Franza waslu fl-Awstrija. Eżempju perfett ta' kif qed ngħixu din il-kriżi, flimkien.

"Inkomplu naħdmu biex nitimgħu lill-komunità“

Maxi Tgħin tmexxi r-ristorant ta' ommha Il-Germanja, Hirten, Rhineland-Palatinate

Omm Maxi setgħet għalqet ir-ristorant u rċeviet għajnuna mill-gvern. Madankollu, peress li l-familja tagħhom tgħix f'żona rurali bi ftit postijiet tal-ikel, ommha ddeċidiet tibda servizz tat-takeaway u tad-delivery biex tgħin lill-komunità lokali. Maxi u l-familja tagħha issa qed jagħmlu deliveries tal-ikel lill-anzjani u lill-persuni vulnerabbli mingħajr ħlas addizzjonali. Hekk kif ħafna ristoranti madwar l-Ewropa jipprovdu ikliet biex iżommu lill-komunità lokali tagħhom mitmugħa, is-servizz lil ħaddieħor kellu konsegwenza oħra li kienet ta' bżonn: Hija dik li żżomm lil dawk ir-ristoranti miftuħin u l-ħaddiema tagħhom jaħdmu.

"Kull ma jgħodd huwa li ngħinu lin-nies jibqgħu b'saħħithom“

Julia Taħdem xiftijiet żejda fi spiżerija biex tgħin lin-nies jibqgħu b'saħħithom Il-Germanja, Altötting

Julia ilha tliet snin taħdem bħala assistenta teknika fi spiżerija, u qatt ma kellha daqshekk xogħol daqs kemm kellha fl-aħħar ftit ġimgħat. Fis-sitwazzjoni preżenti, l-ispiżjara għandhom rwol kruċjali fil-komunitajiet madwar l-Ewropa, peress li jipprovdu informazzjoni, pariri u mediċini lill-klijenti tagħhom. It-tnaqqis tar-rata tat-tixrid tal-virus ma setax isir mingħajr nies bħal Julia, peress li l-ispiżeriji spiss huma l-ewwel post fejn in-nies ifittxu informazzjoni dwar miżuri ta' sikurezza, sintomi u trattamenti. Huma jnaqqsu wkoll mill-ammont ta' xogħol li jaqa' fuq professjonisti oħra tas-saħħa, li qegħdin taħt pressjoni tremenda. Hemm ħafna eroj Ewropej oħra bħal dawn li qed jaħdmu fix-xjenza tal-farmaċija u tas-saħħa. Biex tgħin f'dan il-piż, l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja 18-il proġett ta' riċerka u 140 tim fl-Ewropa kollha li qed jaħdmu bla waqfien biex tinstab tilqima kontra l-coronavirus.

"Iljieli mingħajr irqad u ħafna telefonati - Kif irnexxielna nġibu lura ħabib mill-Afrika“

Sara Terġa' tingħaqad ma' ħabib li nqabad f'pajjiż barrani Il-Germanja, Garching

It-tifqigħa tal-COVID-19 poġġiet pressjoni enormi fuq il-persunal tas-saħħa u fuq l-isptarijiet tad-dinja kollha. Sfortunatament, mhuwiex diffiċli timmaġina kemm din tista' tkun problema saħansitra akbar f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u f'pajjiżi b'introjtu baxx, problema li żżid il-piż fuq l-isfidi li diġà jiltaqgħu magħhom fis-sistemi tas-saħħa tagħhom. Dan il-ħsieb inkwetaha lil Sara minn Garching (il-Ġermanja). Il-ħabib Taljan tagħha kien qed iżur qraba tiegħu f'Benin meta ġiet dikjarata l-pandemija u l-pajjiżi bdew jagħlqu l-fruntieri. Hija nediet kampanja personali biex toħroġ lill-ħabib tagħha minn Benin. Bl-għajnuna tal-impjegatur, il-kollegi u l-familja tiegħu u ta' aġent tal-ivvjaġġar qalbha tajba, huma rnexxielhom iġibuh lura l-Ġermanja. Il-linji tal-ajru nazzjonali qed jilqgħu ċittadini tal-UE minn ħafna Stati Membri differenti fuq it-titjiriet ta' salvataġġ tagħhom. Dan sar possibbli bis-saħħa tal-programm ta' ripatrijazzjoni tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Mis-16 ta' April 'l hawn, 41,760 ċittadin tal-UE inġiebu lura d-dar fuq 193 titjira.

"Jien interessata fil-potenzjal li għandha l-mużika biex tlaqqa' n-nies flimkien“

Sonja Tgħaqqad lin-nies permezz tal-mużika Il-Germanja, Mainz

Il-mużika hija għodda b'saħħitha biex tlaqqa' n-nies, speċjalment f'dawn iż-żminijiet diffiċli meta ħafna minna jħossuhom waħedhom. Din hija r-raġuni għaliex Sonja, kantanta soprano professjonista, użat il-paġna tagħha fuq Facebook biex tlaqqa' n-nies permezz ta' dwetti. Mużiċisti professjonisti jew dilettanti jistgħu jingħaqdu u jipparteċipaw f'dan il-proġett mużikali. Fit-22 ta' Marzu, hija laqqgħet ħafna nies flimkien biex ikantaw l-innu Ewropew mit-twieqi tagħhom fis-6pm.

"Jien nagħmel dak kollu li nista' fil-preżent sabiex nibdel il-futur tagħna“

Carolin Taħdem bħala sewwieqa voluntiera tal-ambulanza Il-Germanja, Burghausen

Wara li għadha kif spiċċat l-iskola, Caroline se tibda tistudja l-mediċina s-sena d-dieħla: is-sejħa tagħha hija li tgħin persuni f'sitwazzjonijiet estremi. Il-pożizzjoni tagħha ta' voluntiera bħala sewwieqa tal-ambulanzi saret ħafna aktar diffiċli kemm ilha li faqqgħet il-pandemija, iżda hija kburija li tirrispetta l-miżuri meħtieġa kollha biex twaqqaf it-tixrid tal-virus. It-tnaqqis tat-tixrid tal-COVID-19 huwa wieħed mill-objettivi ewlenin għall-UE u għall-Ewropej kollha. Flimkien, aħna niżguraw li jkunu disponibbli s-servizzi essenzjali u t-tagħmir mediku vitali filwaqt li nilħqu dan l-għan.

"Ħudu ħsieb xulxin u trattaw lil kulħadd b'rispett: kollha għandna bżonn is-solidarjetà bħalissa“

Anna Taħdem bħala infermiera studenta Il-Germanja, Starnberg

Anna bdiet tistudja biex issir infermiera f'Ottubru 2018 u jistgħu jsejħulha biex tgħin f'kull ħin. Il-ward tagħha ġie preparat biex jittratta emerġenzi tal-COVID-19 u huwa mħarreġ juża tagħmir ta' monitoraġġ li normalment ma jitħaddimx mill-infermiera. Fil-każ tal-istudenti, il-perjodu kurrenti huwa ta' stress partikolari u diffiċli fil-livell emottiv. Iżda mal-membri tat-tim tagħha hija tagħmel kull ma tista' biex tgħin fil-ġlieda kontra l-virus u tipprova tfakkar lil kulħadd biex jieħdu ħsieb xulxin, jittrattaw lin-nies b'rispett u japplikaw il-miżuri ta' sikurezza l-ħin kollu. Din is-solidarjetà tidher fl-Istati Membri kollha tagħna. Franza tat miljun maskra lill-Italja u l-Ġermanja bagħtet 7 tunnellati ta' tagħmir mediku lill-Italja, inklużi ventilaturi u maskri anestetiċi, biex isalvaw il-ħajjiet.

"Aħna nibqgħu naħdmu: il-pazjenti tagħna għandhom bżonna!“

Edina Tipprovdi kura dentali matul il-kriżi Il-Germanja, Korntal-Münchingen

Dr. Glaser għandha klinika tad-dentisti ma' sitt kollegi tagħha. Din hija sitwazzjoni diffiċli ħafna waqt il-kriżi kurrenti. Billi d-diżinfettant likwidu u t-tagħmir protettiv ta' spiss mhux qed ikunu disponibbli, u peress li l-klinika tinsab f'żona partikolarment infettata, it-trattament tal-pazjenti huwa perikoluż. Madankollu, Edina u l-kollegi tagħha komplew jaħdmu: il-pazjenti għandhom bżonnhom, speċjalment dawk li jkunu muġugħa ħafna. L-għoti tal-kura lin-nies hija l-ogħla prijorità tagħna. Filwaqt li miljuni ta' infermiera, tobba, dentisti u persuni li jindokraw imexxu l-ġlieda kontra l-coronavirus, l-Unjoni Ewropea qed tiżgura li l-pajjiżi jkollhom aċċess mgħaġġel għal tagħmir mediku li jsalva l-ħajjiet.

"Aħna qed naħdmu biex intaffu l-piż li qed jaqa' fuq it-tobba tagħna li l-ħidma tagħhom tagħmel id-differenza bejn ħajja u mewt“

Claudia Tgħin pazjenti li għandhom uġigħ kbir waqt li t-tobba jiffukaw fuq il-COVID-19 Il-Germanja, Herrsching am Ammersee

Peress li l-professjonisti mediċi qegħdin taħt pressjoni enormi biex jiġġieldu l-kriżi preżenti, l-osteopati bħal Claudia jgħinu biex tittaffa l-kwantità ta' xogħol tat-tobba, billi jieħdu ħsieb il-pazjenti li jbatu minn mard ieħor mhux relatat mal-COVID-19. Bis-saħħa tal-osteopati bħal Claudia, dawn il-pazjenti jkomplu jirċievu t-trattamenti biex jittaffilhom l-uġigħ waqt din il-kriżi, li żżomm lill-parti l-kbira tal-professjonisti mediċi okkupati fil-ġlieda kontra l-pandemija. Għajnuna bħal din tagħmel differenza kbira għall-pazjenti u ttaffi l-kwantità kbira ta' xogħol li t-tobba u l-infermiera qed jiffaċċjaw bħalissa.