"Aħna ngħinu lill-imprendituri li l-operazzjonijiet tagħhom twaqqfu b'mod fundamentali mill-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19“

Claudine Bdiet il-pjattaforma #JobSwitch mal-kollegi tagħha fil-Kamra tal-Kummerċ tal-Lussemburgu Il-Lussemburgu, Il-Lussemburgu

Filwaqt li xi kumpaniji kellhom jagħlqu minħabba l-COVID-19, oħrajn ma setgħux ilaħħqu mad-domanda. Biex jibbilanċjaw dawn il-bżonnijiet, Claudine u l-kollegi tagħha fil-Kamra tal-Kummerċ tal-Lussemburgu nedew il-pjattaforma #JobSwitch. "Għandna linja diretta apposta għan-negozji. Aħna tajna risposta għat-tħassib tagħhom, tajnihom informazzjoni f'ħin reali u pprovdejna għodda li ppermettiet lill-persunal minn postijiet tax-xogħol li kienu għalqu biex isibu impjieg ma' negozji oħra li ma kellhomx biżżejjed persunal," tispjega Claudine. Il-pjattaforma damet għaddejja sal-aħħar ta' April u kienet ta' suċċess kbir. Applikaw madwar 1 400 kandidat, u aktar minn 500 persuna sabu impjiegi ġodda. Minbarra #JobSwitch, il-Kamra tal-Kummerċ nediet ukoll programm ta' appoġġ għall-imprendituri, flimkien ma' garanzija bankarja għan-negozji f'diffikultà finanzjarja.

"Anki mid-dar, aħna qed nipproteġu lill-konsumaturi fl-Ewropa kollha matul din il-kriżi“

Karin Twieġeb mistoqsijiet tal-konsumaturi konnessi mal-coronavirus Il-Lussemburgu, Il-Lussemburgu

Iċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej madwar l-UE jagħtu pariri liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom tal-konsumaturi dwar ix-xiri transfruntier fis-suq uniku. Bit-tifqigħa tal-coronavirus, huma raw żieda enormi f'talbiet, bit-telefonati li żdiedu b'50%. Ħafna mistoqsijiet jittrattaw l-impatt tal-coronavirus fuq it-titjiriet u l-biljetti tal-ferrovija, lukandi, Bed & Breakfast, u vaganzi kollox inkluż. Iċ-ċentri jagħtu wkoll pariri lill-konsumaturi dwar il-perikli ta' mediċini foloz, maskri protettivi u sanitizzaturi foloz, u skemi qarrieqa relatati mal-coronavirus. Huma jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kull meta jiskopru skemi qarrieqa. Karin Basenach hija l-kap taċ-ċentru tal-konsumatur fil-Lussemburgu. "F'dawn iż-żminijiet diffiċli tal-coronavirus, l-avukati tagħna qegħdin hemm bħal dejjem u joffrulek pariri mingħajr ħlas."

"L-aċċess ugwali għall-media diġitali trid issir in-norma“

Patrick Jipprovdi kompjuters rikondizzjonati lil studenti fil-bżonn Il-Lussemburgu, Il-Lussemburgu

Il-voluntiera fil-Lussemburgu qed jgħinu biex jitqassmu kompjuters rikondizzjonati lil studenti fil-bżonn fil-pajjiż kollu. "Sa minn meta ġiet stabbilita l-assoċjazzjoni fl-2016, Digital Inclusion ippromwoviet l-aċċess għad-dinja diġitali," spjega Patrick. "L-attività prinċipali tagħna dejjem kienet li nirrikondizzjonaw kompjuters li jingħatawlna b'donazzjoni, iżda l-ħidma tagħna issa nbidlet minħabba li ngħalqu l-iskejjel. Aħna bdejna programm ġdid li jqassam il-kompjuters lill-familji għat-tagħlim skolastiku mid-dar." Ir-regoli tal-lockdown u tat-tbegħid soċjali ma għamlulhomx l-affarijiet faċli lil Patrick u t-tim tiegħu, iżda huma setgħu joqogħdu fuq l-għajnuna tal-voluntiera mill-popolazzjoni lokali. "Il-proġett tagħna jippromwovi l-aċċess diġitali ugwali għal kulħadd, iżda din l-azzjoni riċenti turi kemm nistgħu ukoll nimmiraw għal opportunitajiet ugwali fil-kuntest ta' sistema edukattiva li qed issir dejjem aktar diġitali," ikkonkluda Patrick.