Il-Parlament Ewropew: is-setgħat

Il-Parlament jiżvolġi r-rwol istituzzjonali tiegħu fit-tfassil tal-politiki Ewropej billi jeżerċita l-funzjonijiet differenti tiegħu. Il-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv, is-setgħat baġitarji u ta’ kontroll tiegħu, l-involviment tiegħu fir-reviżjoni tat-Trattati u d-dritt tiegħu li jintervjeni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermettulu li jirrispetta l-prinċipji demokratiċi fil-livell Ewropew.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 223 sa 234 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Bħala istituzzjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini Ewropej, il-Parlament jikkostitwixxi l-bażi demokratika tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiżgura li l-UE jkollha leġittimità demokratika sħiħa, il-Parlament jeħtieġlu jkun involut bis-sħiħ fil-proċess leġiżlattiv Ewropew u jeżerċita skrutinju politiku f’isem iċ-ċittadini fuq l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni.

Is-setgħat ta’ natura kostituzzjonali u s-setgħat ta’ ratifika (1.2.4)

Minn wara l-Att Uniku Ewropew (SEA), il-konklużjoni ta’ kull trattat ta’ adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, kif ukoll ta’ kull trattat ta’ assoċjazzjoni, hija soġġetta għall-kunsens tal-Parlament. Bis-saħħa tal-SEA, din il-proċedura tapplika wkoll għall-ftehimiet internazzjonali b’implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Kommunità (minflok il-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fl-1975). It-Trattat ta’ Maastricht introduċiha għall-ftehimiet li jistabbilixxu qafas istituzzjonali speċifiku jew li jinvolvu emendar ta’ att li jkun ġie adottat bil-proċedura ta’ kodeċiżjoni. L-atti relatati mal-proċedura elettorali huma wkoll soġġetti għall-kunsens tal-Parlament (minn wara t-Trattat ta’ Maastricht). Minn wara t-Trattat ta’ Amsterdam, il-kunsens tiegħu huwa meħtieġ f’każ li l-Kunsill ikun irid jiddikjara li hemm periklu ċar li xi Stat Membru jwettaq ksur serju tal-prinċipji fundamentali tal-UE, qabel kwalunkwe notifika ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ sanzjonijiet lill-Istat Membru inkwistjoni. Mill-banda l-oħra, kull reviżjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew trid tiġi approvata mill-Kunsill.

Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament jista’ jieħu inizjattiva rigward ir-reviżjoni tat-Trattati u fl-aħħar mill-aħħar ikun hu li jiddeċiedi jekk għandhiex titlaqqa’ konvenzjoni bil-ħsieb li ssir tħejjija għal emendar futur tat-Trattati (l-Artikolu 48(2) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)).

Il-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv (1.2.3)

Il-Parlament jipparteċipa fl-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni f’diversi livelli, skont il-bażi ġuridika individwali. Ir-rwol tiegħu mexa progressivament minn parteċipazzjoni purament konsultattiva għall-kodeċiżjoni, fl-istess livell tal-Kunsill.

A. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja

Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza (1.1.4), il-proċedura ta’ kodeċiżjoni bdiet tapplika għal 46 bażi ġuridika fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE). Fil-prinċipju, din il-proċedura kienet tqiegħed lill-Parlament fl-istess livell tal-Kunsill. F’każ ta’ qbil bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, l-att kien jiġi adottat fl-ewwel jew fit-tieni qari; f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, l-att seta’ jiġi adottat biss wara konċiljazzjoni li tirnexxi.

Bit-Trattat ta’ Liżbona (1.1.5), il-proċedura ta’ kodeċiżjoni saret il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikolu 294 tat-TFUE). Aktar minn erbgħin politika ġdida saru soġġetti għal din il-proċedura, pereżempju f’oqsma bħal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, il-kummerċ estern, il-politika ambjentali u l-Politika Agrikola Komuni (PAK).

B. Il-konsultazzjoni

Il-proċedura ta’ konsultazzjoni baqgħet applikabbli fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 27, 41 u 48 tat-TUE u għat-tassazzjoni, il-kompetizzjoni, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li mhijiex marbuta mas-suq intern, u għal ċerti aspetti tal-politika soċjali.

C. Il-kooperazzjoni (abolita)

L-hekk imsejħa proċedura ta’ kooperazzjoni (l-ex Artikolu 252 tat-Trattat KE) kienet ġiet introdotta bl-SEA u, imbagħad, bit-Trattat ta’ Maastricht kienet ġiet estiża għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ leġiżlazzjoni li fihom il-Kunsill jiddeċiedi bil-maġġoranza. Din il-proċedura kienet tobbliga lill-Kunsill iqis fit-tieni qari l-emendi tal-Parlament Ewropew li jkunu ġew adottati b’maġġoranza assoluta, u li jkunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni. L-introduzzjoni ta’ din il-proċedura kienet il-bidu tas-setgħa leġiżlattiva vera u proprja tal-Parlament, iżda mbagħad ġiet abolita wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona (1.1.5).

D. L-approvazzjoni

Il-proċedura ta’ approvazzjoni, li qabel kienet magħrufa bħala l-“proċedura ta’ kunsens”, ġiet introdotta mill-SEA fl-1986. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, il-proċedura kienet tapplika għal xi oqsma leġiżlattivi li fihom il-Kunsill jiddeċiedi bl-unanimità u li, minn wara t-Trattat ta’ Amsterdam, ġew limitati għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni.

Bis-saħħa tat-Trattat ta’ Liżbona, ċerti oqsma ġodda sfaw soġġetti għall-proċedura ta’ approvazzjoni, pereżempju l-Artikoli 7, 14, 17, 27, 48 u 50 tat-TUE u l-Artikoli 19, 83, 86, 218, 223, 311 u 312 tat-TFUE u l-miżuri li jridu jiġu adottati mill-Kunsill meta azzjoni tal-UE tidher neċessarja u meta t-Trattati ma jipprevedux is-setgħat ta’ azzjoni meħtieġa għal dan il-għan (l-Artikolu 352 tat-TFUE).

E. Id-dritt ta’ inizjattiva

It-Trattat ta’ Maastricht ta lill-Parlament id-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva, iżda kien limitat għall-possibbiltà li jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta. Dan id-dritt inżamm fit-Trattat ta’ Liżbona (l-Artikolu 225 tat-TFUE) u ġie deskritt b’mod aktar dettaljat fi ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, hemm ftit każijiet speċifiċi fejn il-Parlament ingħata d-dritt dirett ta’ inizjattiva. Dan id-dritt dirett japplika għar-regolamenti dwar il-kompożizzjoni tiegħu stess, l-elezzjoni tal-Membri tiegħu u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Membri tiegħu, kif ukoll għat-twaqqif ta’ kumitati ta’ inkjesta temporanji u għar-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-prestazzjoni tal-Ombudsman.

F’riżoluzzjoniadottata f’Ġunju 2022, il-Parlament qal li “jemmen bis-sħiħ li t-Trattati għandhom jiġu riveduti sabiex il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament u għalhekk l-istituzzjoni li tirrappreżenta leħen iċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, jingħata dritt ġenerali u dirett li jniedi leġiżlazzjoni”.

Is-setgħat baġitarji (1.2.5)

It-Trattat ta’ Liżbona elimina d-distinzjoni li kienet issir bejn l-infiq obbligatorju u dak mhux obbligatorju. Barra minn hekk, iqiegħed lill-Parlament fl-istess livell tal-Kunsill fil-proċedura baġitarja annwali, li issa saret tixbah il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-Parlament jibqa’ wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja (l-Artikolu 314 tat-TFUE). Huwa involut fil-proċess baġitarju sa mill-istadju tat-tħejjija, speċjalment fit-tfassil tal-linji gwida ġenerali u t-tip ta’ nfiq. Huwa jadotta l-baġit u jikkontrolla l-implimentazzjoni tiegħu (l-Artikolu 318 tat-TFUE). Jagħti l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit (l-Artikolu 319 tat-TFUE).

Fl-aħħar nett, il-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (l-Artikolu 312 tat-TFUE). Il-QFP għall-perjodu 2014-2020 huwa l-ewwel wieħed soġġett għar-regoli tat-TFUE.

L-iskrutinju fuq l-eżekuttiv

Il-Parlament għandu diversi strumenti ta’ skrutinju. B’mod partikolari, huwa jeżamina r-rapport ġenerali annwali mressaq lilu mill-Kummissjoni (l-Artikolu 233 tat-TFUE) u jissorvelja, flimkien mal-Kunsill, l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati tal-Kummissjoni (l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).

A. L-investitura tal-Kummissjoni

Sa mill-1981, il-Parlament beda japprova informalment l-investitura tal-Kummissjoni billi jeżamina u japprova l-programm tagħha. Madankollu, kien biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht fl-1992 li l-approvazzjoni tiegħu minn qabel saret meħtieġa biex l-Istati Membri jaħtru l-President u l-Membri tal-Kummissjoni bħala korp kolleġġjali. It-Trattat ta’ Amsterdam kompla żied is-setgħat tal-Parlament billi daħħal il-ħtieġa tal-approvazzjoni tal-Parlament minn qabel għan-nomina tal-President tal-Kummissjoni, qabel in-nomina tal-Kummissarji l-oħra. Fl-1994, il-Parlament daħħal ukoll is-smigħ tal-Kummissarji nnominati. Bis-saħħa tat-Trattat ta’ Liżbona, il-kandidat għall-mandat ta’ President tal-Kummissjoni jrid jintgħażel f’konformità mar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Konsegwentement, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014, il-Parlament ħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ il-leġittimità politika taż-żewġ istituzzjonijiet. Mill-2014, ġiet stabbilita l-hekk imsejħa proċedura ta’ Spitzenkandidaten, li permezz tagħha l-partiti politiċi Ewropej, qabel l-elezzjonijiet Ewropej, jinnominaw kandidati ewlenin għar-rwol tal-President tal-Kummissjoni. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar ġie mwarrab fl-2019, il-proċess huwa meqjus importanti għat-trasparenza u l-leġittimità politika tal-istituzzjonijiet tal-UE. (1.3.3).

B. Il-mozzjoni ta’ ċensura

Il-possibbiltà li titressaq mozzjoni ta’ ċensura (magħrufa wkoll bħala “vot ta’ sfiduċja”) kontra l-Kummissjoni kienet diġà ġiet stabbilita mit-Trattat ta’ Ruma. Illum, id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-Parlament li jivvota dwar mozzjoni ta’ ċensura fil-konfront tal-Kummissjoni huma inklużi fl-Artikolu 17(8) tat-TUE u fl-Artikolu 234 tat-TFUE. Biex tali mozzjoni tiġi adottata, teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħin u l-maġġoranza tal-membri kollha tal-Parlament. Vot b’suċċess dwar mozzjoni ta’ ċensura jwassal għar-riżenja tal-Kummissjoni bħala korp, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fir-rigward tad-dmirijiet tagħhom imwettqa fil-Kummissjoni. Sal-lum, il-Parlament ipprova juża diversi drabi, iżda mingħajr suċċess, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u l-predeċessuri tagħhom biex ineħħi l-Kulleġġ tal-Kummissjoni.

C. Il-mistoqsijiet parlamentari

Kwalunkwe Membru jista’ jressaq mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Skont l-Artikolu 230 tat-TFUE, il-Kummissjoni trid twieġeb bil-fomm jew bil-miktub il-mistoqsijiet magħmula lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-Membri tiegħu, u l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill iridu jinstemgħu mill-Parlament Ewropew skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ewropew u f’dawk tal-Kunsill.

Konsegwentement, il-mistoqsijiet parlamentari jieħdu s-sura ta’ mistoqsijiet bil-miktub jew orali b’dibattitu jew mingħajr dibattitu u mistoqsijiet għall-ħin għall-mistoqsijiet.

D. Il-kumitati ta’ inkjesta

Skont l-Artikolu 226 tat-TFUE, il-Parlament għandu s-setgħa li jwaqqaf kumitat ta’ inkjesta temporanju sabiex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE. L-istess Artikolu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta għandhom jiġu determinati mill-Parlament innifsu, li jaġixxi permezz ta’ regolamenti fuq inizjattiva tiegħu stess wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Sa ma jiġi adottat tali regolament, id-dritt ta’ inkjesta jiġi eżerċitat skont ftehim interistituzzjonali tal-1995 anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Il-Parlament kemm-il darba esprima l-ħtieġa li jitjiebu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet sabiex ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu abbażi tal-Artikolu 226 tat-TFUE. Fl-2014 adotta pożizzjoni dwar proposta għal regolament dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew. Madankollu, in-negozjati bejn it-tliet istituzzjonijiet dwar il-proposta ilhom staġnati. Konsegwentement, f’April 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha esprima n-nuqqas ta’ qbil profond tiegħu mal-attitudni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li, wara aktar minn erba’ snin ta’ laqgħat informali, kompla jipprevjeni laqgħa formali biex jiġu diskussi soluzzjonijiet possibbli għall-problemi identifikati. Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament iqis li l-Kunsill u l-Kummissjoni naqsu milli jikkonformaw mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali u jistedinhom jerġgħu jibdew in-negozjati dwar il-kwistjoni mal-Parlament elett ġdid.

E. L-iskrutinju fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni

F’dan il-qasam, il-Parlament għandu d-dritt li jinżamm infurmat regolarment u jista’ jindirizza mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill. Jeħtieġ li jiġi kkonsultat dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) (l-Artikolu 36 tat-TUE). L-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba ġabet ukoll titjib fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni dwar il-PESK, tal-anqas fir-rigward tal-aspetti finanzjarji. Il-ħolqien tar-rwol tal-kariga ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tejjeb l-influwenza tal-Parlament, peress li l-persuna nnominata f’din il-kariga hija wkoll Viċi President tal-Kummissjoni.

L-appelli lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Parlament għandu s-setgħa li jressaq rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) f’każijiet ta’ ksur tat-Trattat minn xi istituzzjoni oħra.

Huwa għandu d-dritt li jintervjeni, jiġifieri li jappoġġa waħda mill-partijiet fir-rikors, f’kawżi quddiem il-QĠUE. Eżempju notevoli ta’ meta l-Parlament eżerċita dan id-dritt huwa l-kawża storika “Isoglucose” (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980 fil-Kawżi 138 u 139/79), li fiha l-QĠUE ddikjarat regolament tal-Kunsill bħala invalidu peress li kien jikser l-obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat. Fi proċeduri għan-nuqqas ta’ azzjoni (l-Artikolu 265 tat-TFUE), il-Parlament jista’ jibda proċeduri quddiem il-QĠUE kontra xi istituzzjoni minħabba ksur tat-Trattat, bħal fil-Kawża 13/83, li fiha ngħatat sentenza kontra l-Kunsill minħabba li kien naqas milli jadotta miżuri fir-rigward tal-Politika Komuni dwar it-Trasport.

Bis-saħħa tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Parlament kiseb is-setgħa li jibda proċeduri għall-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni oħra, iżda biss bl-iskop li jħares il-prerogattivi tiegħu. Minn wara t-Trattat ta’ Nizza, il-Parlament ma baqax obbligat jiġġustifika xi interess partikolari; għalhekk, issa għandu s-setgħa jiftaħ proċeduri l-istess bħalma jagħmlu l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-Parlament jista’ jkun il-parti konvenuta f’każ ta’ proċeduri kontra att li jkun ġie adottat skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, jew meta xi wieħed mill-atti tiegħu jkun maħsub biex ikollu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. L-Artikolu 263 tat-TFUE għalhekk jikkonferma l-ġurisprudenza tal-QĠUE fil-Kawżi 320/81, 294/83 u 70/88.

Finalment, il-Parlament jista’ jitlob l-opinjoni minn qabel tal-QĠUE dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali mat-Trattat (l-Artikolu 218 tat-TFUE).

Il-petizzjonijiet (4.1.4)

Meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni, huma jindirizzaw il-petizzjonijiet tagħhom lill-President tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 227 tat-TFUE).

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (4.1.5)

Il-Parlament jorganizza seduta ta’ smigħ mal-proponenti ta’ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej reġistrati b’suċċess, taħt l-awspiċji tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Fis-17 ta’April 2019, il-Parlament u l-Kunsill adottaw formalment ir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

Il-ħatra tal-Ombudsman

Bis-saħħa tat-Trattat ta’ Liżbona, l-Ombudsman Ewropew jiġi elett mill-Parlament Ewropew (l-Artikolu 228 tat-TFUE) (1.3.16).

 

Eeva Pavy