Bijografija

Martin Schulz twieled fl-20 ta' Diċembru 1955 u kiber f'Hehlrath, il-Ġermanja, viċin il-fruntieri tal-Ġermanja, l-Olanda u l-Belġju. Wara l-iskola sekondarja għolja ddeċieda li jipprova jgħix mill-imħabba kbira tiegħu lejn il-kotba u għamel apprendistat bħala bejjiegħ tal-kotba. Fl-1982 fetaħ ħanut tal-kotba tiegħu stess f'Würselen, li mexxa b'suċċess għal 12-il sena.

Meta ngħaqad mal-Partit Demokratiku Soċjali tal-Ġermanja fl-età ta' 19-il sena, ta bidu għall-karriera politika tiegħu. Ta' 31 sena ġie elett bħala l-iżgħar sindku tan-North Rhine-Westphalia, pożizzjoni li żamm għal 11-il sena.

Mill-1994 Martin Schulz huwa Membru tal-Parlament Ewropew u serva f'numru ta' kumitati, l-ewwel fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u mbagħad fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Interni. Huwa mexxa l-MEPs tal-SPD mill-2000 u sussegwentement ġie elett bħala Viċi President tal-MEPs Soċjalisti.

Fl-2004 ġie elett kap tal-grupp tat-tieni l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew. Bħala mexxej tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Martin Schulz ħadem f'kampanja favur il-ġustizzja soċjali, il-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir, ir-riforma tas-swieq finanzjarji u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li ħadem bis-sħiħ favur l-ugwaljanza u l-ħolqien ta' Ewropa aktar b'saħħitha u aktar demokratika.  

Martin Schulz ġie elett bħala President tal-Parlament Ewropew fis-17 ta' Jannar 2012 għal mandat ta' sentejn u nofs bi 387 vot.

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal, u l-passatempi tiegħu jinkludu l-qari, l-istorja u l-futbol. Fost il-kotba favoriti tiegħu nsibu "Il Gattopardo" ta' Tomasi di Lampedusa u l-kotba kollha ta' Eric Hobsbawm.

CV

  • Apprendist bħala bejjiegħ tal-kotba (1975-1977).
  • Ħadem f'diversi ħwienet tal-kotba u kumpaniji ta' pubblikazzjoni (1977-1982).
  • Proprjetarju ta' ħanut tal-kotba (1982-1994).
  • Membru, Bord Eżekuttiv tal-SPD u Eżekuttiv Federali (mill-1999).
  • Rappreżentant tal-SPD għar-Relazzjonijiet mal-UE (mill-2009).
  • Kunsillier Muniċipali, Würselen (mill-1984).
  • Sindku ta' Würselen (1987-1998).
  • Membru tal-Parlament Ewropew (mill-1994).
  • Koordinatur tal-Grupp Soċjalista, Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (1994-1996).
  • Koordinatur tal-Grupp Soċjalista, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Interni (1996-2000).
  • President, Grupp tal-SPD, Parlament Ewropew (2000-2004).
  • L-Ewwel Viċi President, Grupp Soċjalista (2002-2004).
  • President tal-Grupp Soċjalista (2004-2009).
  • President tal-Grupp S&D (mill-2009).
  • President tal-Parlament Ewropew (minn Jannar 2012).