skip to content
 
 

Bijografija

Martin Schulz twieled fl-20 ta' Diċembru 1955 u kiber f'Hehlrath, il-Ġermanja, qrib il-fruntieri bejn il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Belġju. Wara l-iskola sekondarja, iddeċieda li jipprova jaqla' l-għajxien tiegħu mill-imħabba kbira tiegħu għall-kotba, u għamel apprendistat bħala bejjiegħ tal-kotba. Fl-1982 fetaħ ħanut tal-kotba tiegħu stess f'Würselen, li mexxa b'suċċess għal 12-il sena.

Issieħeb fil-Partit Soċjal-Demokratiku (SPD) tal-Ġermanja fl-età ta' 19-il sena, u beda l-karriera politika tiegħu. Ta' 31 sena, ġie elett bħala l-aktar sindku żagħżugħ fin-Nordrhein-Westfalen, kariga li dam jokkupa 11-il sena.

Martin Schulz ilu Membru tal-Parlament Ewropew mill-1994, u serva f'numru ta' kumitati, l-ewwel fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u mbagħad fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Interni. Beda jmexxi lill-MPE tal-SPD fl-2000, u sussegwentement ġie elett bħala Viċi President tal-MPE Soċjalisti.

Fl-2004 ġie elett kap tal-grupp tat-tieni l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew. Bħala mexxej tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Martin Schulz ħadem favur il-ġustizzja soċjali, il-promozzjoni tal-impjiegi u tat-tkabbir, ir-riforma tas-swieq finanzjarji, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ħolqien ta' Ewropa aktar b'saħħitha u aktar demokratika.

Martin Schulz ġie elett bħala President tal-Parlament Ewropew fis-17 ta' Jannar 2012 għal mandat ta' sentejn u nofs, bi 387 vot. Fl-1 ta' Lulju 2014 reġa' ġie elett bħala President b'409 voti, biex b'hekk sar l-ewwel President fl-istorja tal-Parlament Ewropew li ġie elett għat-tieni mandat.
Fl-14 ta' Mejju 2015, rebaħ il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen, li jonora "gwida eċċellenti ta' Ewropa magħquda li kiseb merti importanti u dejjiema għall-isforzi tiegħu favur it-tisħiħ tal-Parlament, is-sistema parlamentari u l-leġittimizzazzjoni demokratika fl-UE".

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal, u l-passatempi tiegħu jinkludu l-qari, l-istorja u l-futbol. Fost il-kotba favoriti tiegħu nsibu "Il Gattopardo" ta' Tomasi di Lampedusa u l-kotba kollha ta' Eric Hobsbawm.

CV

  • Apprendist bħala bejjiegħ tal-kotba (1975-1977).
  • Ħadem f'diversi ħwienet tal-kotba u kumpaniji ta' pubblikazzjoni (1977-1982).
  • Proprjetarju ta' ħanut tal-kotba (1982-1994).
  • Membru tal-Bureau u tal-Eżekuttiv Federali tal-SPD (mill-1999).
  • Kunsillier Muniċipali, Würselen (mill-1984).
  • Sindku ta' Würselen (1987-1998).
  • Membru tal-Parlament Ewropew (mill-1994).
  • Koordinatur tal-Grupp Soċjalista, Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (1994-1996).
  • Koordinatur tal-Grupp Soċjalista, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Interni (1996-2000).
  • President, Grupp tal-SPD, Parlament Ewropew (2000-2004).
  • L-Ewwel Viċi President, Grupp Soċjalista (2002-2004).
  • President tal-Grupp Soċjalista (2004-2009).
  • President tal-Grupp S&D (mill-2009).
  • Rappreżentant tal-SPD għar-Relazzjonijiet mal-UE (mill-2009).
  • President tal-Parlament Ewropew (minn Jannar 2012).
  • Elett mill-ġdid bħala President tal-Parlament Ewropew (minn Jannar 2014).
  • Ingħata l-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen (Mejju 2015).