skip to content
 
 
 

L-Aħħar Riformi fit-Tmexxija taż-Żona tal-Ewro

Sessjoni ta' informazzjoni pubblika mal-MPE Alfred Sant

18-01-2019

Hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tiċċelebra l-għoxrin anniversarju tal-Ewro, il-pubbliku ddiskuta l-aħħar żviluppi fiż-żona tal-Ewro mal-MPE Alfred Sant, Membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew.

Il-MPE Sant (S&D, ECON) tkellem dwar l-opportunitajiet imma wkoll l-isfidi li ltaqgħu magħhom il-pajjiżi taż-żona tal-Ewro matul dawn is-snin, kif ukoll dwar x’nistgħu nistennew fis-snin li ġejjin.
“L-isfidi taż-żona tal-Ewro huma l-ewwelnett ta’ natura politika” enfasizza l-MPE Sant, li qal li m’hemmx dubju li biex iż-żona tal-Ewro żżomm sod hemm bżonn ta’ strutturi sodi.

Għalkemm l-Ewro hija parti mill-għaqda ekonomika u monetarja, id-diskussjoni hija politika “għaliex biex tissaħħaħ teknikament għandha bżonn strutturi federali, u numru ta’ pajjiżi ma jixtiqux jitilfu iktar mis-sovranità tagħhom”. Din se tkompli tkun kwistjoni taħraq: “il-miżuri li jistgħu jittieħdu huma limitati jew isibu problemi biex jitwettqu. Imma fuq kollox hija wkoll sfida soċjali għaliex minħabba l-mod kif ġiet imħarsa ż-żona tal-Ewro ddaħħlu miżuri soċjali li ħolqu tbatijiet kbar u diżgwid kbir ukoll, u effetivament iż-żona tal-Ewro trid tirkupra dak li tilfet soċjalment”.

Il-MPE Sant żied jgħid li “jekk ma tagħmilx hekk se ssib dejjem iktar problemi fir-riformi li għandha bżonn.”

Il-problema l-oħra li qed tinħoloq, żied jgħid l-MPE, hija dik li biex il-gvernijiet jilħqu il-bilanċ rikjest minnhom fil-baġit, qed ikun hemm tnaqqis soċjali jew inkella tnaqqis f’investiment, li minnufih iġib it-tnaqqis fit-tkabbir tal-ekonomija. Il-mistoqsija prinċipali għalhekk hija kif toħloq regoli u strutturi li ma joħonqux l-investiment.

Fi skambju kontinwu mal-pubbliku, il-MPE Sant kopra diversi temi inkluża il-Brexit u l-impatt tagħha. Brexit bla ftehim, huwa qal, “se tħarbat kollox” għaliex “ikunu jridu jerġgħu jiddaħħlu l-kontrolli tad-dwana u t-tariffi”.

Kienet diskussa wkoll il-kwistjoni tat-taxxa, fejn l-MPE Sant innota li min-naħa jridu jitqiesu l-interessi ta’ pajjiżi bħal Malta u l-Irlanda - li jqisu l-kompetizzjoni fit-taxxa bħala l-aħħar mod li baqalhom biex ikollhom ekonomiji kompetittivi - u min-naħa l-oħra l-interess tal-pajjiżi kollha li l-kumpaniji l-kbar ma jevitawx taxxa.

L-Ewro nnifsu għandu l-vantaġġ kbir li hu popolari mal-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, li għadhom iridu l-munita komuni, inklużi saħansitra ċ-ċittadini Griegi li batew minħabba l-awsterità li ġiet imposta fuqhom, il-MPE Sant qal.

Id-diskussjoni kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u saret f’Dar l-Ewropa. L-aġent Kap tal- Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Anna Zammit Vella semmiet l-inizjattivi li qed isiru mill-Parlament Ewropew u mill-Uffiċċju in vista tal-elezzjonijiet Ewropej, li f’Malta se jsiru fil-25 ta’ Mejju. Dawn jinkludu għadd ta’ diskussjonijiet, kampanja madwar l-Ewropa kollha biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’dawn l-elezzjonijiet permezz tal-pjattaformi www.diddarbasenivvota.eu jew www.thistimeimvoting.eu, is-sit ta’ informazzjoni X'qed tagħmel għalija l-Ewropa - What Europe does for me (https://what-europe-does-for-me.eu/mt/home) u issa wkoll is-Citizens’ App li tista’ titnizzel fuq il-mowbajls.