RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali

18.10.2013 - (2012/2034(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Alain Lamassoure


Proċedura : 2012/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0336/2013
Testi mressqa :
A7-0336/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali

(2012/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 15 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 235 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010, tas-17 ta' Ġunju 2010, tas-16 ta' Settembru 2010, tat-28 u d-29 ta' Ottubru 2010, tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2010, tal-4 ta' Frar 2011, tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011, tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, tat-23 ta' Ottubru 2011, tad-9 ta' Diċembru 2011, tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012, tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2012, tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, tas-7 u t-8 ta' Frar 2013, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013 u tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-Unjoni Ewropea wara l-laqgħat informali tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2011 u tat-30 ta’ Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 48,110 u 127 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0336/2013),

A. billi t-Trattat ta' Lisbona ta lill-Kunsill Ewropew l-istatus ta' istituzzjoni Ewropea, mingħajr ma bidillu r-rwol tiegħu minħabba li, skont l-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi";

B.  billi l-Parlament huwa perfettament konxju tal-indipendenza tal-Kunsill Ewropew u tar-rwol eminenti li jagħtih it-Trattati;

C. billi, madankollu, taħt il-pressjoni tal-kriżi, il-Kunsill Ewropew kabbar b’mod konsiderevoli r-rwol tiegħu, kattar l-għadd tal-laqgħat eċċezzjonali u tella' għal-livell tal-Kunsill Ewropew suġġetti li normalment jiġu ttrattati fil-livell tal-Kunsill tal-Ministri; billi f'dan ir-rigward il-Kunsill Ewropew mar lil hinn mill-inġunzjoni kruċjali tat-Trattat li m'għandux funzjonijiet leġislattivi;

D. billi t-tentazzjoni tal-kapijiet ta' stati jew ta' gvern li jirrikorru għal espedjenti intergovernattivi tikkomprometti l-'metodu Komunitarju', bi ksur tat-Trattati;

E.  billi biex tissaħħaħ in-natura demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni għandhom jiġu implimentati arranġamenti ta' skrutinju parlamentari xierqa;

F.  billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-membri tal-Kunsill Ewropew huma individwalment responsabbli quddiem il-parlamenti nazzjonali tagħhom iżda kollettivament responsabbli biss tagħhom infushom;

G. billi l-President tal-Kunsill Ewropew ingħata rwol inizjatorju, bosta drabi flimkien mal-kontropartijiet tiegħu minn istituzzjonijiet oħra, u b’hekk de facto sar in-negozjatur prinċipali f’isem l-Istati Membri għal suġġetti li, sa mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, huma koperti bil-kodeċiżjoni;

H. billi, bi qbil mal-awtoritajiet tal-Parlament, u b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ ittri, il-President Van Rompuy fittex li kemm jista' jkun jikkunsidra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u trasparenza: iltaqa’ personalment mal-presidenti tal-kumitati, ir-rapporteurs jew ix-sherpas tal-Parlament biex jiddiskuti għadd ta' suġġetti importanti; irrisponda mistoqsijiet bil-miktub; irrapporta b’mod regolari dwar il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, jew lill-plenarja jew lill-Konferenza tal-Presidenti estiża, u kellu bosta kuntatti mal-presidenti tal-gruppi;

I.   billi jkun tajjeb li din il-prattika ssir uffiċjali sabiex isservi ta’ preċedent għall-ġejjieni u għandha wkoll tittejjeb; billi, dwar ir-reġim Ewropew tal-privattivi, il-Kunsill Ewropew qajjem dubju dwar ftehim leġislattiv konkluż bejn il-Parlament u l-Kunsill; billi, dwar il-governanza ekonomika, il-Kunsill Ewropew deherlu tajjeb li jinnegozja mill-ġdid dispożizzjonijiet identiċi għal dawk magħmula applikabbli b’regolament preċedenti; billi, dwar l-awtorità Ewropea għas-superviżjoni tal-banek, il-Kunsill Ewropew adotta żewġ pożizzjonijiet kontradittorji wara xulxin b’intervall ta’ sena, li seta’ evita billi jikkunsidra aħjar il-pożizzjoni tal-Parlament; billi l-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 wassal għal blukkar leġislattiv assolut, peress li l-unanimità ġuridikament neċessarja fil-Kunsill ma setgħetx tintlaħaq ħlief billi jiddeċiedi minn qabel dwar ċerti għażliet politiċi ewlenin tar-regolamenti leġislattivi tal-politiki li għandhom ikunu ffinanzjati, b'tali mod li r-rwol tal-Parlament, f'dawn l-oqsma, ċekknu għal li dan tal-aħħar jemenda dispożizzjonijiet sekondarji;

J.   billi f'dawn il-każijiet kollha, per definitionem l-aktar importanti, in-nuqqas ta’ djalogu formali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew ma ppermettiex li l-Parlament ikollu r-rwol sħiħ tiegħu ta’ koleġislatur kif stabbilit fit-Trattati; billi ħafna drabi deher li l-interlokuturi uffiċjali tar-rappreżentanti tal-Parlament ma kellhomx verament is-setgħa li tassew jimpenjaw lill-gvernijiet; billi, minkejja li teoretikament għadhom responsabbli għall-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, huwa dejjem iktar evidenti li l-President fil-Kariga tal-Kunsill u l-Kunsill Affarijiet Ġenerali[3] għandhom biss rwol marġinali jew tekniku; billi l-intervent tradizzjonali liminari tal-president tal-Parlament Ewropew fil-ftuħ tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mhuwiex proċedura suffiċjenti;

K. billi l-Parlament Ewropew ma jistax jordna lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jattendi dibattitu qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew; billi l-Parlament ma jorganizzax lilu nnifsu tajjeb għad-dibattiti li fihom il-President jippreżentalu rapport wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew;

L.  billi, madankollu, jintlaqa’ tajjeb il-fatt li bosta kapijiet ta’ gvern ta’ Stati Membri tal-UE qed ifittxu t-tribuna tal-Parlament għal dibattiti dwar il-ġejjieni tal-Ewropa;

M. billi l-operat tal-Kunsill tal-Ministri jagħti lok għal tħassib serju, u la l-Kunsill Ewropew u lanqas il-presidenza b’rotazzjoni ma jidhru kapaċi jimponu fuq ix-xogħol tiegħu l-istandards mixtieqa ta’ ħeffa, strateġija, konsistenza, koerenza jew trasparenza; billi dawn in-nuqqasijiet fit-tieni kamra tal-leġislatura jgħarrqu l-proċess leġislattiv tal-Unjoni Ewropea;

N. billi l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-ewwel darba wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; billi din id-dispożizzjoni fundamentali hija maħsuba biex il-President tal-Kummissjoni jintgħażel miċ-ċittadini permezz tal-elezzjoni tad-deputati tagħhom, fil-loġika ta’ sistema parlamentari; billi dan ir-riżultat jista’ jinkiseb biss jekk il-partiti politiċi Ewropej, il-Parlament u l-Kunsill Ewropew jaġixxu f’dan l-ispirtu, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fil-qafas tal-konsultazzjonijiet maħsuba biex japplikaw fil-prattika d-Dikjarazzjoni Nru 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona;

1.  Jemmen li, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fuq dawn l-aħħar erba’ snin, jeħtieġ li r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament jittejbu u jkunu formalizzati; jikkunsidra li dan jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni konġunta jew ftehim interistituzzjonali jew skambju ta’ ittri;

2.  Huwa tal-fehma li, ħlief f'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, qabel kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew għandu jsir dibattitu fil-Parlament li jippermetti l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni, u li jattendih il-President tal-Kunsill Ewropew biex jippreżenta huwa stess is-suġġetti fuq l-aġenda; jemmen li l-Parlament u l-Kunsill Ewropew għandhom jorganizzaw il-ħidmiet rispettivi tagħhom b’mod li l-Parlament ikollu l-opportunità li jgħarraf l-opinjoni tiegħu dwar dawn is-suġġetti fil-ħin u l-President tal-Kunsill Ewropew ikun jista’ jagħmillu rapport wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew, quddiem is-seduta plenarja; jenfasizza li, kemm jista' jkun, il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew m'għandhomx isiru matul il-ġimgħat tas-sessjoni plenarja tal-Parlament;

3.  Jirrimarka li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew huma istruzzjonijiet ta' negozjar għall-Kunsill tal-Ministri, u li fl-ebda każ ma jikkostitwixxu linji ħomor li ma jistgħux ikunu nnegozjati mal-Parlament; jitlob li formula standard li tfakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tiġi introdotta fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew;

4.  Iħeġġeġ li meta jiġi konkluż ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament u dawk tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġislattiva, il-Kunsill Ewropew ma jitħalliex jerġa' jqajjem il-kwistjoni, ħlief jekk il-Presidenza fil-Kariga tkun speċifikat li l-ftehim kien ad referendum;

5.  Jipproponi li l-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiġu mistiedna flimkien mal-President tal-Kummissjoni biex darba f'sena jipparteċipaw f'dibattitu ġenerali dwar is-sitwazzjoni interna u esterna tal-Unjoni, mingħajr sovrapożizzjoni mad-dibattitu dwar annwali eżistenti dwar l-istat tal-Unjoni li matulu l-President tal-Kummissjoni jippreżenta l-programm tax-xogħol tiegħu u jirrapporta dwar l-azzjoni tiegħu lill-Parlament li quddiemu huwa responsabbli;

6.  Ifakkar li, għall-kuntrarju tal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew mhuwiex responsabbli quddiem il-Parlament u li l-organizzazzjoni tad-dibattiti li jipparteċipa fihom jeħtiġilha tqis dan il-fatt, filwaqt li tippermetti li Membri għajr il-presidenti tal-gruppi jiddjalogaw mal-President tal-Kunsill Ewropew; jemmen, madankollu, li l-proċedura ta’ mistoqsijiet bil-miktub ma tidhirx li tkun f'lokha;

7.  Jitlob li l-Parlament ikun involut f'waqtu kull darba li l-Kunsill Ewropew jagħti bidu għal pjan ta’ azzjoni jew proċedura li jista’ jkollhom dimensjoni leġislattiva li tkun trid tiġi deċiża b’kooperazzjoni mal-Parlament, skont il-forma li tidher xierqa f’kull każ; jinsisti li l-President tal-Parlament għandu jipparteċipa bis-sħiħ fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew meta jkunu indirizzati mistoqsijiet interistituzzjonali – il-Parlament u l-Kunsill Ewropew konsegwentement jadattaw ir-regoli interni tagħhom biex jippreċiżaw l-għażla tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom u l-mod li bih dawn jiksbu mandat ta’ negozjar u jirrappurtaw dwar in-negozjati;

8.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jgħarraf b'mod ċar, qabel ma tibda l-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej, kif biħsiebu, safejn jikkonċerna lilu, jirrispetta l-għażla taċ-ċittadini Ewropej fil-ħatra tal-President tal-Kummissjoni, b'mod konformi mal-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-konsultazzjonijiet li għandhom isiru bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew għall-applikazzjoni fil-prattika tad-Dikjarazzjoni Nru 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona; ifakkar fl-importanza li nsaħħu l-viżibilità u l-karattru Ewropew tal-kampanja elettorali; jistieden lil kull membru tal-Kunsill Ewropew biex iħabbar bil-quddiem kif biħsiebu jirrispetta l-vot taċ-ċittadini tiegħu meta jipproponi kandidat jew kandidati għall-kariga ta' Kummissarju mill-pajjiż tiegħu;

9.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, David Campbell Bannerman, Dimitrios Droutsas, Isabelle Durant, Marietta Giannakou, Alain Lamassoure, Andrej Plenković

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward McMillan-Scott, Elisabeth Morin-Chartier, Catherine Trautmann