Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Novembru 2023
EPUB 155kPDF 814k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 3 : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI

Artikolu 136 : Mistoqsijiet għal tweġiba orali b'dibattitu

1.   Jistgħu jsiru mistoqsijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà minn kumitat, minn grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, flimkien ma’ talba biex il-mistoqsijiet jidħlu fl-aġenda tal-Parlament.

Tali mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-President. Il-President għandu jgħaddihom minnufih lill-Konferenza tal-Presidenti.

Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiddeċiedi jekk il-mistoqsijiet għandhomx jitqiegħdu fl-abbozz ta' aġenda skont l-Artikolu 157. Il-mistoqsijiet li ma jitqegħdux fl-abbozz ta' aġenda tal-Parlament fi żmien tliet xhur minn meta jkunu ġew ippreżentati jiskadu.

2.   Il-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jintbagħtu lid-destinatarju mhux anqas minn ġimgħa qabel is-seduta li fl-aġenda tagħha għandhom jidhru dawn il-mistoqsijiet, u l-mistoqsijiet lill-Kunsill għandhom jintbagħtu mhux anqas minn tliet ġimgħat qabel dik id-data.

3.   Fejn il-mistoqsijiet ikollhom x'jaqsmu mal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 2 m'għandhomx japplikaw, u t-tweġiba trid tingħata kemm jista' jkun malajr sabiex il-Parlament jinżamm infurmat tajjeb.

4.   Membru maħtur minn qabel mill-interpellanti għandu jiżviluppa l-mistoqsija fil-Parlament. Jekk dak il-Membru ma jkunx preżenti, il-mistoqsija għandha taqa'. Id-destinatarju għandu jwieġeb.

5.   L-Artikolu 132(2) sa (8) rigward it-tqegħid fuq il-Mejda ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u l-votazzjoni fuqhom għandu japplika mutatis mutandis.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza