Il-Politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni

Skedi Informattivi dwar l-UE 05-12-2023

Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) hija parti integrali mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) tal-Unjoni. Il-PSDK hija l-qafas ta’ politika ewlieni li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw kultura strateġika Ewropea ta’ sigurtà u difiża, jindirizzaw il-kunflitti u l-kriżijiet flimkien, jipproteġu lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha, u jsaħħu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Bħala riżultat tal-kuntest ġeopolitiku mimli tensjoni, il-PSDK hija waħda mill-aktar politiki li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla matul dawn l-aħħar 10 snin. Mill-24 ta’ Frar 2022 ’l hawn, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna wasslet għal risettjar ġeopolitiku fl-Ewropa u ħolqot impetu ulterjuri għal dik li għandha ssir Unjoni tad-Difiża tal-UE.