Ix-Xlokk tal-Ażja

Skedi Informattivi dwar l-UE 01-01-2018

Ir-reġjun Indo-Paċifiku għaddej minn bidla rapida, u billi fih joqogħdu aktar minn 50 % tal-popolazzjoni dinjija, qed isir reġjun ġeostrateġiku ewlieni. Żewġ terzi tal-kummerċ dinji tal-kontejners jgħaddi mill-Indo-Paċifiku u l-mogħdijiet tal-baħar tiegħu huma rotot importanti għall-kummerċ u l-provvisti tal-enerġija. L-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku ġiet adottata f'Settembru 2021 biex iżżid l-involviment tal-UE u tibni sħubijiet u ssaħħaħ l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u jindirizza l-isfidi globali. L-Unjoni qed tadatta l-istrumenti attwali tagħha biex jappoġġaw l-awtonomija strateġika tal-UE. Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża tagħha, approvata formalment mill-Kunsill f'Marzu 2022, tippromwovi arkitettura ta' sigurtà reġjonali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż rotot marittimi siguri, bini tal-kapaċità u preżenza navali msaħħa fl-Indo-Paċifiku.L-UE qiegħda ssawwar rabtiet aktar b'saħħithom mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja u qiegħda tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Ażja (ASEAN). Ir-reġjun għandu tħassib ġeostrateġiku, bħat-tilwima tal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u l-kwistjoni tat-Tajwan, u tħassib ambjentali, speċjalment fis-subreġjun ta' Mekong. L-UE hija attur ekonomiku qawwi fix-Xlokk tal-Ażja, u donatur ewlieni ta' għajnuna għall-iżvilupp, u taħdem biex trawwem il-bini tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. L-UE mmobilizzat pakkett ta' aktar minn EUR 800 miljun biex tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 fir-reġjun u biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tagħha.