Il-protezzjoni tad-data personali

Skedi Informattivi dwar l-UE 15-01-2024

Il-protezzjoni tad-data personali u r-rispett għall-ħajja privata huma drittijiet fundamentali Ewropej. Il-Parlament Ewropew dejjem insista fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn it-tisħiħ tas-sigurtà u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissimplifikaw ir-regoli għall-kumpaniji fl-era diġitali daħlu fis-seħħ f’Mejju 2018. Ir-riċerka mħejjija għall-Parlament Ewropew tindika li l-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-regolamentazzjoni tal-flussi tad-data tikkontribwixxi EUR 51.6 biljun fis-sena għall-PDG fl-Unjoni Ewropea. Ir-riċerka mħejjija għall-Kumitat ta’ Inkjesta tal-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u software ekwivalenti ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza (il-Kumitat PEGA) tikkonferma l-importanza tal-protezzjoni tad-data għad-difiża tad-demokrazija u l-libertajiet individwali fl-UE.